Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tal-benefiċċju tal-enerġija

Question

Tista' l-Ministru tara każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, biex id-dipartiment ikun jista' jagħti risposta għaliex inqatgħatlha l-benefiċċju tal-enerġija? Jista' jiġi kkuntattjat jew jingħata bil-miktub il-kawża ta' dan il-qtugħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — Skola privata Newark - biddliet fil-location

Question

Tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra kemm u x'tip ta' ilment rċieva d-Dipartiment tal-Edukazzjoni u jew il-Ministeru tagħha matul din il-leġislatura dwar l-iskola privata Newark li biddlet il-location tagħha xi sena ilu, kif ukoll tagħti rendikont tal-ischool population tagħha tul l-aħħar erba' snin flimkien mal-ismijiet tal-persuni li f'isimhom kienet u llum tinsab irreġistrata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni irċieva żewġ ilmenti dwar l-iskola msemmija. · F’Ġunju 2010 kien hemm ilment minn ġenituri li uliedhom kienu qed ikunu bullied mill-għalliema u ma ġewx ittrattati sew minnhom. · F’ Novembru 2011 kien hemm diversi ilmenti li l-iskola kienet qed tkun ta’ inkonvenjent lill-ġirien minħabba storbju mill-istudenti Iż-żewġ ilmenti ġew investigati u ttieħdu l-passi meħtieġa. L-informazzjoni dwar il-popolazzjoni tal-iskola f’dan l-aħħar erba’ snin u l-ismijiet tar-reġistrazzjoni tal-iskola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

work permit u national health insurance ta' barranin li jgħixu Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna barranija tkun ilha miżżewġa persuna Maltija għal aktar minn 13-il sena residenti f'Malta, impjegat f'Malta u tħallas it-taxxa u n-national insurance, x'inhi r-raġuni li tibqa' obbligata li tottjeni work permit li jiġġedded kull sena? X'inhi r-raġuni li nies li għandhom dan l-istatus, qed jiġu obbligati li kull sena jħallsu €481 għal private health insurance ladarba jħallsu n-national insurance daqs kull Malti ieħor?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Barranin miżżewġin Maltin għandhom id-dritt għall-Freedom of Movement u b’hekk ma jkollhomx bżonn il-liċenzja tax-xogħol biex ikunu jistgħu jaħdmu Malta.

Kulleġġ Santa Klara — kwestjoni dwar il-kuluri tal-uniformi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jirriżultalhiex li kien hemm feedback negattiv immens mill-Kunsill Skolastiku tal-Kulleġġ Santa Klara fir-rigward tal-uniformi l-ġdida li għandha tintuża mill-istudenti tal-year 1? Jirriżultalhiex li waqt li fit-18 ta' Lulju, 2011 il-ġenituri ntbagħtitilhom ordni li l-kuluri li se jintużaw għas-sena l-ġdida kienu se jkunu l-istess bħal dawk li qed jintużaw fil-kinder 1 u 2 (bl-użu ta' qmis bajda), imbagħad irriżulta li l-uniformi kienet se tkun magħmula minn qmis strajpjata vjola li qatt ma kienet eżistenti fil-kinder? Jirriżultalhiex ukoll li over and above iddaħħlet ingravata orangjo striped bil-griż u flokk orangjo jgħajjat bħala parti mill-uniformi? Taqbel il-Ministru mal-Kunsill Skolastiku li dawn il-kuluri kollha ma jagħmlux ġieħ lill-uniformi l-ġdida ta' dan il-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm ilmenti minn skola waħda fil-Kulleġġ, l-iskola primarja ta’ San Gwann. Fis-sejħa li ħarġet għall-proviżjoni tal-uniformi hemm ċar li l-qmis kellha tkun bajda b’rigi vjola. Ma nbidel xejn minn meta nħarġet is-sejħa pubblika u l-iskejjel obbligati jżommu ma’ dawn il-kundizzjonijiet. Il-kuluri u d-disinn ġew deċiża mill-kulleġġ, wara konsultazzjoni u approvati mid-Direttorat. Il-Kulleġġ Santa Klara m’għandux Kunsill Skolastiku. Huma l-iskejjel li jkollhom kunsill skolastiku. Kien hemm minn m’għoġbitux u oħrajn li għoġbithom. Il-ġenituri qatt ma rċevew bil-miktub li l-qmis hija bajda. Min kellu xi diffikulta’ seta’ ċempel l-uffiċċju tal-Kulleġġ, seta’ bagħat e-mail jew bagħat ittra bil-posta. L-ingravata tal-uniformi hi sunflower yellow irrigata bil-griż ċar ħafna u l-jersey hu sunflower yellow ukoll. Il-kuluri huma dawk li ġew approvati, mill-iskejjel, mill-Kulleġġ u mid-Direttorat u li jidhru skont is-sejħa pubblika.

MCAST — ħaddiema li qed jiġu offruti kuntratt

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk hux minnu li għadd ta' ħaddiema tal-MCAST, inkluż ħaddiema li ilhom hemm mit-twaqqif tal-MCAST, qed jiġu offruti kuntratti ta' sena waħda biss b'mod ripetut u allura bi ksur tal-artiklu 7a tal-Avviż Legali 51 tal-2007? Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra għaliex għadd ta' lecturers ġew idderiġuti biex jaqilbu l-istatus tagħhom minn impjegati għal self-employed biex b'hekk tilfu għadd ta' drittijiet li joħorġu mill-istat tagħhom ta' impjegati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda ħaddiem fl-MCAST ma jiġi offrut kuntratt ta’ sena waħda b’mod ripetut, barra fil-każ ta’ lecturers li jiġu mpjegati fuq bażi part-time biex jaqdu bżonnijiet li ma jkunux ta’ natura permanenti. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, għal raġunijiet amministrattivi, is-sena l-oħra kien ġie deċiż li l- part-time lecturers jiġu ingaġġati fuq contract for service minflok fuq contract of service . Aktar tard din id-deċiżjoni ġiet riveduta u l-impieg ta’ part-timer lecturers reġa’ beda jsir fuq bażi ta’ contract of service . Din id-deċiżjoni ġiet estiża għall- part-timers kollha li qabel kienu ġew offruti contract for service .

Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet, min huma l-membri tiegħu u kemm-il darba iltaqa'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru W356 (Seduta Nru. 387 - 03/10/2011).

Qormi — stallazzjoni ta' lift fi blokk flats

Question

Tista' l-Ministru tordna li l-lift imwiegħed li jsir fi blokk, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi stallat mill-akatr fis possibbli peress li anzjani li jgħixu f'dan il-blokk jinsabu prattikament priġunieri f'darhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux teknikament u fiżikament possibli illi jiġi istallat lift ġewwa l-binja indikata. Ir-residenti interessati ġew infurmati dwar dan mill-Awtorità tad-Djar permezz ta’ ittra datata 17 ta’ Jannar, 2008.

Talba għas-servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li tkun provduta facilitator għal tifla, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tifla diġà għandha sapport ta’ learning support assistant fuq bażi ‘Shared Same Class’. L-istatement ta’ sapport ħareġ mill-Istatementing Moderating Panel f’Marzu 2011.

Channel Education 22 — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li ħaddiema li ilhom snin jaħdmu ma' Channel Education 22 ġie terminat l-impjieg tagħhom u barra minn hekk min kien responsabbli ma ħallasx lanqas il-kontribuzjoni tan-National Insurance minkejja li din ġiet mnaqqsa mill-paga tagħhom? Tista' tgħid għaliex dawn il-ħaddiema ma ġiex offrut lilhom impjieg alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kien hemm l-ebda terminazzjoni ta’ mpieg lil ebda ħaddiem li jaħdem jew li ħadem/ħadmet full time f’Education 22. Ħaddiema li ma kienx hemm xogħol għalihom f’Education 22 instabilhom xogħol ieħor. Ħaddiema oħra li jagħtu servizz a bazi ta’ Contract for Service’ jitħallsu skont il-kuntratt għax-xogħol u ż-żmien stipulat fil-kuntratt. Il-ħlasijiet ta’ kontribuzzjoni tan-National Insurance saru/isiru skont il-liġijiet eżistenti.

Skola ta' San Ġwann — xiri ta' uniformi minn supplier wieħed

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġenituri li għandhom lil uliedhom li qegħdin fil-year 1 fl-iskola ta' San Ġwann, ġew mitluba biex fi żmien jumejn jassiguraw li l-uniformi ta' uliedhom tkun kollha mixtrija mis-supplier indikat mill-istess skola, u dan meta s-supplier qed ibiegħ il-qliezet b'€18 u ħaddieħor qed ibiegħhom ferm inqas? Għaliex il-ġenituri m'għandhomx il-libertà li jagħżlu minn fejn jixtru, sakemm qed jixtru l-istess kulur u stil ta' uniformi għat-tfal tagħhom? X'inhi r-raġuni li l-iskola qed tinsisti li l-ġenituri bilfors iridu jixtru mingħand supplier wieħed, meta jistgħu jiffrankaw il-flus mingħand ħaddieħor? Tista' tassigura li l-ġenituri jitħallew fil-libertà li jixtru minn fejn jixtiequ ħalli kulħadd ikun fil-libertà skont il-mezzi finanzjarji tiegħu, sakemm l-uniformi tkun skont il-kulur u l-istil mitlub?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan qed isir biex bħal kull uniformi jinżamm l-istess kulur, stil u kwalità ta’ dak li ngħata b’sejħa pubblika u ġie approvat mid-Direttorat. Il-ġenituri jistgħu jixtru l-uniformi mingħand suppliers differenti sakemm ikunu skont l-uniformi stabbilita ta’ dak il-kulleġġ.

Carers Maltin u Barranin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 29349 u 29350 tista' l-Ministru tgħid kemm hemm carersMaltin u kemm hemm carers barranin impjegati minn persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li tiġbor il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ minn għand min iħaddem (employer) fl-aħħar ta’ Ġunju 2011, in-numru totali ta’ persuni li jaħdmu bħala carers kien ta’ 2,210 persuni. Minnhom kien hemm 1,923 Malti filwaqt li 287 kienu barranin. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma jkolliex informazzjoni jekk il- carers humiex jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità jew ma’ persuni oħra.

Studenti li qed jistennew ir-riżultati tal-WEAF

Question

Peress li hemm diversi studenti tal-MCAST AAT 2nd year li għadhom qed jistennew ir-riżultati tal-WEAF u allura qed jattendu l-kors b'mod proviżorju sakemm appuntu joħorġu r-riżultati u din hija sitwazzjoni stressanti fuq l-istudenti għax qed timpedihom milli jagħmlu pjanijiet ulterjuri, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi riżolta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti ġew kollha mgħarrfa bir-riżultat fil-unit tal-WEAF u r-resit ġie skedat għall-31 ta' Ottubru. Erba' studenti appellaw mir-riżultat maħruġ lilhom u l-każ tagħhom ġie konkluż fit-8 ta’ Novembru 2011. L-istudenti mill-ewwel ġew infurmati bid-deċiżjoni dwar l-istess appell.

ftuħ ta' child care center ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji u l-kundizzjonjiet biex tkun tista' tiftaħ child care center ġdid? Teżisti l-poossibbiltà ta' Private Public Partnership?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna li trid tiftaħ child care facility għandha timxi mal-Istandards Nazzjonali għall-faċilitajiet tat-tfal ta’ matul il-jum li ħarġu f’Lulju tal-2006. Dawn l-Istandards jinsabu ppubblikati fuq is-sit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja www.meef.gov.mt. Il- Private Public Partnership ilha fis-seħħ mill-2008 minħabba l-fatt li hemm child care facilities immexxija minn entrapriżi privati ġo premises tal-gvern. Dan isir permezz ta’ sejħa pubblika.

Sejħa għall-postijiet ta' supply kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għall-postijiet ta' supply kindergarten assistants sad-data tal-għeluq f'Ottubru? Kemm intagħżlu? X'kienu l-kriterji tal-għażla? X'kienu r-raġunijiet għal dawk li ma ntgħażlux ? Għaliex kien hemm applikanti li kienu ilhom il-ġimgħat li applikaw u lanqas ġew informati b'xejn, jiġifieri la ġew imsejħa għall-interview u lanqas ġew infurmati jekk intgħażlux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm total ta’ 630 applikanti. Minn dawk intervistati s’issa għaddew 112. Fost is-630 applikant kien hemm ukoll min ma laħaqx il-kriterji tal-għażla, irtira l-applikazzjoni, ma attendiex għall-intervista jew ma għaddiex mill-intervista. Ir-raġuni li hemm applikanti li għadhom ma ssejħux għall-intervista hija din li ġejja kif stabilita fis-sejħa għall-applikazzjonijiet: “10.1 Applikazzjonijiet jibqgħu jiġu milqugħa sa nofsinhar (Central European Time) ta’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011. L-applikanti eliġibbli jiġu intervistati minn Bord ta’ Għażla, jekk u meta jkun hemm ħtieġa biex jiġi stabbilit kemm huma adattati għall-impjieg. Madankollu, minħabba l-esigenżi tad-Direttorati Edukattivi, il-Bord ta’ Għażla, jikkunsidra l-ewwel applikazzjonijiet li ġew milqugħa sal-aħħar ta’ nofsinhar (Central European Time) ta’ nhar il-Erbgħa, 29 ta’ Diċembru 2010. Il-Kandidati li jgħaddu jitpoġġew fuq lista ta’ ordni ta’ mertu li tibqa’ valida sal-aħħar tas-sena kalendarja, il-31 ta’ Diċembru 2011.” Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kriterji tal-għażla.

Search lights ħdejn l-iskola ta' Ħal Luqa

Question

Tista' l-Ministru tara li s-search lights li hemm mal-iskola ta' Ħal Luqa, ħdejn id-daħla tal-Kindergarten, jibdew jinxtegħlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fejn u kif qegħdin il-flood lights huwa diffiċli u perikoluż biex jintlaħqu ħalli jinbidlu l-bozoz. Hemm il-ħsieb li jsir xogħol biex il-flood lights jittellgħu fuq iċ-ċinta tal-bejt tal-iskola ħalli jkun aċċessibbli għall-electricians.

Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali — uffiċċju distrettwali ta' Ħal Luqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali, qattx ħaseb biex jitrasferixxi l-Uffiċċju Distrettwali tiegħu f'Ħal Luqa f'post aktar addattat, bil-għan li jkun: [a] aċċessibli; [b] aktar spazjuż u arjuż; [c] joffri privatezza lil dawk kollha li jmorru biex jinqdew minn hemmhekk; [d] ikollu waiting area kif jixraq għal min ikun qed jistenna biex jinqeda; u [e] ikollu ambjent xieraq għall-impjegati li jaħdmu f'dan l-uffiċċju; eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru jinsab fi stadju li jwettaq xogħolijiet ta’ tisbiħ fl-Uffiċju Distrettwali ta’ Ħal Luqa għall-bidu tas-sena d-dieħla u fejn ser tittieħed inkonsiderazzjoni tal-aspetti kollha msemmija fil-mistoqsija.

Tim Nazzjonali tar-Rugby Union ta' Malta — faċilitajiet għall-prattika ta' dan l-isport

Question

Tenut kont li t-tim Nazzjonali tar-Rugby Union ta' Malta avvanza fit-42 post fl-IRB rankings (sa ftit ilu kien qiegħed fit-53 post) - qed nissorpassaw pajjiżi bħall-Olanda - u dan anke wara żewġ rebħiet infila kontra l-Latvja u l-Litwanja; tenut kont li ħafna mill-plejers Maltin ma jitħallsux biex jilagħbu għal Malta u ħafna minnhom jieħdu l-leave mix-xogħol tagħhom biex jirrappreżentaw il-kuluri ta' Malta u allura qed jagħmlu sagrifiċċju mhux żgħir; tenut kont li x-xena tar-rugby Maltija hija nieqsa mill-fondi u hu biss għal numru ta' sponsors li dan is-suċċess jista' jissokta; tenut kont li t-tim tar-rugby mexa 'l quddiem ħafna fil-11-il sena li ilu mwaqqaf; tenut kont li għadd ta' tfal qed jibdew jilagħbu r-rugby kull nhar ta' Ħadd filgħodu; tenut kont li l-Malta Rugby Football Union addirittura tħallas lil Hibernians FC talli tuża l-istadium tal-football tal-Hibs għal-logħbiet internazzjonali; tenut kont li fid-dinja tar- rugby internazzjonali u anke fuq il- website tal-IRB [ www.irb.com ] il-Gvern Malti semma l-proġett tal-White Rocks bħala proġett li kien se jinkludi National Rugby Stadium, għadd ta' pitches u villaġġ tal-isport; tenut kont li fl-aħħar xhur ma smajna propriju xejn iktar; tenut kont li l-gvern kien anke ħareġ expression of interest għal investiment fil-Marsa Sports Complex fejn sal-lum hemm l-uniku speċi ta' training pitch li jintlab ir- rugby fih imma apparentement ftit jew ħadd ma wieġeb għall- expression of interest ; tenut kont li l-Prim Ministru kien wiegħed espressament lid-dilettanti u d-dirigenti tar- rugby il-bini u l-ghoti tal-faċilitajiet meħtieġa; tenut kont li l-Gvern Malti prattikament ma jgħin xejn lil dan l-aqwa tim li qatt kellu pajjiżna f'kull team sport u anzi qiegħed ifalli milli jwettaq il-wiegħda li kien għamel; tista' l-Ministru tgħid b'mod ċar meta u fejn se jinbnew faċilitajiet adegwati lill-MFRU u kif effettivament il-gvern se jibda jgħin għat-tifrix tar- rugby bħala sport f'pajjiżna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern tassew japprezza s-suċċessi tar-Rugby u jfittex li jgħinhom b’diversi modi u għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant mhux korrett meta jgħid li l-Gvern Malti ma jgħin xejn ir-Rugby. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar ħames snin Il-Malta Rugby Union kif ukoll timijiet lokali tar-Rugby irċevew total ta’ €181, 026 f’assistenza mingħand il-Gvern li kienet tinqasam: f’€46,095 f’assistenza finanzjarja diretta u €134,931 f’sussidju fuq kiri ta’ faċilitajiet tal-Gvern biex fihom setgħu jagħmlu t-taħriġ u l-kompetizzjonijiet lokali. Plejers u uffiċċjali li jakkumpanjaw lit-team u li jaħdmu mal-Gvern huma intitolati ukoll għal special sport leave. Il-gvern jibqa’ kommess li jipprovdi faċilitajiet għar-rugby kif diġa qiegħed jagħmel u li jesplora kull possibilita li jżidhom kif miftiehem mal-MRFU. Barra minhekk il-Kunsill Malti għall-Isport permezz tad-diversi programmi sportivi tiegħu introduċa l-logħba tar-rugby fost it-tfal tant li fl-aħħar snin 785-il tifel u tifla ġew introdotti għal din il-logħba permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport.

Estensjoni fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29888, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'tip ta' estensjoni qiegħda tiġi kkunsidrata f'din l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li qed jiġu studjati l-possibilitajiet biex jiżdiedu l-klassijiet sabiex ikun hemm aktar spazju għall-popolazzjoni ta’ din l-iskola.

interviews għal-LSAs

Question

Peress li hemm numru sostanzjali ta' learning support assistants li temmew id-diploma course però għadhom jistennew biex issir l-intervista għal-learning suppost assistant 2, tista l-Ministru tgħid meta se jsiru l-interviews?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sejħa għall-applikazzjoni qed tiġi pproċessata u toħroġ fil-futur qrib.

PBS — kuntratti ma' djar tal-produzzjoni

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti kollha li l-Public Broadcasting Services għandha ma' djar tal-produzzjoni privati għal kull programm li qed jifforma parti mill-iskeda li qed tixxandar bħalissa u dawk li l-kuntratt in kwistjoni jestendi għall-iskedi li jwasslu sa Ġunju 2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni li qed tintalab hija ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant hija ta’ natura kunfidenzjali. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull sena l-PBS tippubblika l-awditjar bl-informazzjoni kollha ta’ kif jintefaq kull sold mill-EPSO jiġifieri l-fondi pubbliċi.