Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Żona Industrijali ta' Kordin — Cleansing Section - rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex ż-żona Industrijali ta’ Kordin tiġi mnaddfa iktar u li l-Cleansing Section li hemm fil-bidu tiġi rilokata għax qed jinġema l-iskart u qed iġibu l-ġrieden ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, li huma ma jżommux skart fis-sit indikat. Rigward iż-Żona industrijali ta’ Kordin, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16835, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha toħroġ bil-kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16835, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li 26 persuna kellhom joħorġu bil-kwarantina minħabba l-każijiet imsemmija.

MCCAA – website bil-Malti

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala s-sit tal-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) mhuwiex bil-Malti ukoll? Ma jaħsibx li dan in-nuqqas ta' rispett lil-lingwa nazzjonali għandu jispiċċa mill-aktar fis?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt l-Awtorità ta’ Malta għall-Uffiċju tal-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hija ġeneralment assoċjata mal-Konsumatur, ħafna mis-servizzi offruti huma ta’ natura teknika għall-użu minn Operaturi Ekonomiċi u l-lingwa Ingliża hija ippreferuta. Fil-fatt l-Att dwar is-Sigurtà’ tal-Prodotti, jagħti lok biex jinħarġu regolamenti bl-Ingliż biss, minħabba n-natura teknika tagħhom. Il-komunikazzjoni mal-pubbliku in ġenerali issir permezz tal-mezzi tax-xandir, telefonati u walk-ins, u f’dawn l-istanzi tintuża l-lingwa Maltija. Darba fis-sena, jitqassam ukoll fuljett fi djar kollha li fih ikollu l-punti ewlenin ta’ interess għal konsumaturi, fejn ukoll huwa bil-lingwa Maltija. Barra minn hekk il-formoli kollha ta’ interess għal konsumaturi li hemm fuq is-sit tal-Awtorità’ diġà huma bil-Malti, u l-Awtorità’ għaddejja b’ħidma biex l-informazzjoni fuq is-sit li tirrigwarda l-Uffiċju tal-Konsumatur tkun ukoll bil-Malti.

Wheelchair Platform Lifts – iċċekkjar tas-CE Mark

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wheelchair platform lifts fis-suq jiġux kollha iċċekjati li jkollhom is-CE mark Certification Directive 2006/42/EC? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu l-wheelchair platform lifts li tpoġġew f’postijiet pubbliċi u li ġew iċċekjati għal CE Mark fis-sena 2018, 2019 u 2020?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Wheelchair platform lifts, kif irregolati mid-Direttiva 2006/42/KE għandhom ikunu mmarkati CE qabel ma jitqiegħdu fuq is-suq u mhux meħtieġ li jkunu rreġistrati qabel mat-tagħmir ikun qed jiġi installat. Min ipoġġi dawn il-platform lifts fis-suq, għandu l-obbligu legali li jara li għandhom ic-CE Mark.

MCCAA — ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem il-bord tal-MCCAA, jew it-tribunal tal-konsumatur, mill-2013 sal-lum, u kemm ġew riżolti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni relatata mat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur tinstab fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10173. Permezz tal-Att XVI tal-2019 li ġie fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 2019, it-Tribunal ġie sostitwit mill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) fejn ma tressaq l-ebda każ ieħor u ma hemm l-ebda każ pendenti. L-informazzjoni mitluba fir-rigward tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi tinsab fit-tabella t’hawn taħt: 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 (18.11.20) Każijiet miftuħa 306 266 258 269 241 202 188 175 Sentenzi 232 206 169 157 118 149 145 56 Kawżi rtirati 90 45 56 56 52 45 49 22

Kompetizzjoni fis-suq ta’ Diesel u tal-LPG

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'azzjoni qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jiżgura li s-suq tad-diesel u tal-LPG ikunu kompetittivi? Ma taħsibx li għandha ssir investigazzjoni jekk hux qed jiġi operat cartel kontra l-liġi f'dawn is-swieq ġaladarba l-fornituri kollha qed ibiegħu l-prodott bl-istess prezz?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni minn dejjem kien attiv biex jassigura li s-swieq tad-diesel u tal-LPG ikunu aktar kompetittivi. Dan jixhduh diversi każijiet fejn l-Uffiċċju ħa azzjoni sabiex d-distribuzzjoni tal-gass bieb bieb ma tkunx limitata għal numru limitat ta’ operaturi u b’hekk il-konsumatur ikollu aktar għażla. L-Uffiċċju ħareġ ukoll deċiżjoni ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-suq tad-diesel fejn kien stabbilixxa li kien seħħ dak li jissejjaħ resale price maintenance, fejn skont l-Uffiċċju kienet saret pressjoni biex pompa tal-petrol tbiegħ id-diesel bil-prezz li xtaq id-distributur a skapitu tal-konsumatur. Nikkjarifika ukoll li l-fatt li prodott jinbiegħ bl-istess prezz mill-kompetituri ma jfissirx li huwa riżultat ta’ cartel. Wieħed irid jifhem l-irwol ta’ dak li jissejjaħ ‘market transparency’ fejn l-istess prezz ma jkunx neċessarjament riżultat ta’ ftehim bejn il-kompetituri, iżda frott tat-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-LPG tal-kumpanija ewlenija li tissuplixxi ċ-ċilindri tal-gass jinstabu kemm fuq il-websajt tagħha kif ukoll fuq il-websajt tar-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma. Il-prezzijiet tad-diesel ta’ kumpanija ewlenija f’dan is-suq jiġu mħabbra b’mod pubbliku, kif ukoll il-prezzijiet huma viżibbli għal kull min jieqaf għand xi pompa li tbiegħ il-karburant. Dan iwassal biex operatur faċilment ikun jista’ jimxi mal-prezzijiet mingħajr l-ebda forma ta’ ftehim bejn il-kompetituri. Dawn il-karatteristiċi fis-suq iwasslu biex ikun hemm dak li jissejjaħ concsious parallelism, li ma hija xejn ħlief imġieba parallela u mhux riżultat ta’ xi ftehim antikompetittiv. Jekk min-naħa tiegħu l-Onorevoli Interpellant għandu xi tip ta’ informazzjoni fejn l-istess prezzijiet huma riżultat ta’ xi ftehim bejn il-kompetituri, nitolbu jinforma lill-Uffiċċju b’dan biex titwettaq kwalunkwe investigazzjoni li hemm bżonn.

Regolamenti rigward apparat li jiġġenera radjazzjoni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17175 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji, 17028 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti kollha li nħarġu mill-Ministeru tas-Saħħa u/jew mis-Superintendent tas-Saħħa Pubblika in konnessjoni ma’ kwalunkwe tip ta' apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing", inkluż kwalunkwe "standards", prassi u proċeduri li għandhom jiġu segwiti in konnessjoni mal-imsemmi apparat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Moniteraġġ tas-Saħħa ta’ membri tal-pubbliku wara l-użu ta’ apparat li jiġġenera radjazzjon

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17177 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17030, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tat-tip ta' moniteraġġ tas-saħħa ta' membri tal-pubbliku matul kif ukoll wara l-użu ta’ apparat li jista' jiġġenera radjazzjoni li hija tat-tip "non ionizing" kif ukoll matul u wara l-imsemmi exposure, flimkien mar-riżultati ta' dak il-moniteraġġ tas-saħħa tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Birżebbuġa – proġett ta’ parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibda u jitlesta l-proġett ta' parkeġġ ta' 450 karozza f'Birżebbuġa liema proġett kien tħabbar f'Mejju li għadda?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu tal-appelli għall-evalwazzjoni tal-offerta skada fis-6 ta’ Novembru u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni. Min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti ġie fformulat il-ftehim tal-kuntratt u dawn għaddewha lill-offerent.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – nefqa fuq reklamar u marketing

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2291, 2306, 2308, 2321, 2323, 2336, 2338, 2351, 2353, 2366, 2411 u 5329, ngħarrfu li tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.

Implimentazzjoni ta’ Direttiva – emendi

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 11353 u 15104, jista' l-Ministru jgħid liema xogħol sar minn mindu twieġbet il-mistoqsija parlamentari 15104, b'mod partikolari jista' jgħid jekk saritx il-konsultazzjoni pubblika li għaliha hemm referenza fit-tweġiba, u jekk le, meta se ssir din il-konsultazzjoni pubblika u liema forma se tieħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-emendi għall-Att dwar il-Kompetizzjoni u għall-Att dwar l-Awtorita` ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolamenti dwar l-Immunita` mill-Penali u t-Tnaqqis tal-Penali f’Investigazzjonijiet dwar Kartelli u r-Regolamenti dwar l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tressqu għall-konsultazzjoni pubblika onlajn li fetħet fit-2 ta’ Ottubru u għalqet fit-30 ta’ Ottubru. Il-konsultazzjoni pubblika kif ukoll ir-rapport finali rigward il-konsultazzjoni pubblika jistgħu jiġu aċċessati minn fuq il-link segwenti: https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MTCP/Pages/Consultations/NationalimplementationoftheECNDirective20191intoMalteseCompetitionlawandotherproposedamendmentstotheCo.aspx Kopja tal-iscreenshot tal-link imsemmi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCCAA — indipendenza fit-tmexxija

Question

Fl-ambitu tal-artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1, tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jitqiesu biex tkun garantita l-indipendenza tat-tmexxija tal-MCCAA u li min hu responsabbli għat-tmexxija jintgħażel abbażi ta' proċeduri trasparenti u ċari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-artiklu 4 tad-Direttiva 2019/1, il-kariga li għaliha jirreferixxi dan l-artiklu hi dik tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, l-indipendenza ta’ min diġa’ hija garantita bid-dispożizzjonjiet preżenti fl-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, cioè l-artikoli 7(3), 11(1)(d) u 12(2) sa (4) tal-imsemmi Att. Din l-indipendenza tad-Direttur Ġenerali u tal-Uffiċċju ser tkompli tissaħħaħ billi ser jiġu trasposti u implimentati fil-liġi Maltija id-dispożizzjonjiet preżenti fl-artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1 u dan kif huwa evidenti fl-abbozz ta’ liġi li ġie ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt l-Artiklu 13A tal-Abbozz jispeċifika fost affarijiet oħrajn li d-Direttur Ġenerali għandu jwettaq dmiru b’mod indipendenti minn influwenza politika u ma jieħux struzzjonijiet mill-Gvern u jastjeni milli jieħu kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mat-twettieq ta’ dmirijietu. Rigward il-ħatra tat-tmexxija tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, huwa kkunsidrat li l-liġijiet nazzjonali diġa’ jipprovdu għall-proċedura ċara u transparenti, permezz ta’ dispożizzjonjiet preżenti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Att dwar is-servizz ta’ impjieg u taħriġ u l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.