Legislature:
Category:
Reset
Active:

Property Malta — tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14581 dwar Property Malta Foundation u r-rapport finanzjarju tas-sena 2018 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat il-pjan nazzjonali fit-tul tal-Industrija tal-Proprjetà li hu wieħed mir-remits ta’ din il-fondazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waħda mir-remits ta din il-Fondazzjoni huwa propju "To Develop a national long-term product positioning strategy for the industry". Fil-fehma tagħna din tirreferi għal mod ta' kif ghanda tigi promossa il-brand "Malta" fuq is-swieq internazzjonali. Din l-mira qed tintleħaq bil-branding li sar diġa’ kemm bħala logo, website u d-disinn ġenerali li jintuża fil-fieri internazzjonali li dejjem iġib isem Malta fuq quddiem. B'hekk qed isir "product positioning" diġa li huwa rifless fl-aġir u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Id-dokumenti relatati tal-brand "Property Malta" qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bathing Water Management Committee – SWM 11

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-miżuri, azzjonijiet u deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Bathing Water Management Committee sabiex tiġi implimentata l-miżura SWM 11 tas-2nd Water Catchment Management Plan rigward iż-żoni uffiċjali tal-Għawm?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, Infrasturttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm żewġ riżenji fis-Segretarjat tiegħi fil-perjodu konċernat. Tajjeb li nirrimarka li dawn iż-żewġ uffiċċjali se jkomplu bil-ħidma tagħhom f’karigi differenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Ħal Qormi — Triq San Basjtan - pavimentari

Question

Peress li waslu xi ilmenti dwar l-istat perikoluż li jkun fih il-pavimentar ta’ Triq San Bastjan (quddiem il-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan) fix-xita, għaliex isir jiżloq ħafna, u peress li sa dalgħodu stess mutur kien involut f’inċident li fortunatament ma kellu l-ebda konsegwenzi serji għas-sewwieq u għar-residenti li jkunu mexjin fl-akkwati, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tgħin biex jittieħdu miżuri ta’ saħħa u sigurtà fil-pjazza msemmija biex dawn l-inċidenti jiġu evitati?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru ikkonċernat.

Wied is-Sewda Ħal Qormi għal Ħ’Attard – ftuħ ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetħu t-toroq li jagħtu minn Wied is-Sewda Ħal Qormi għal Ħ’Attard? Jista’ jgħid kemm se jdumu iżjed magħluqa Triq il-Ħofor u Triq Hannibal li issa ilhom fuq tliet ġimgħat magħluqa u l-bdiewa u s-sewwieqa oħra li jużaw trakkijiet, bowsers u inġenji kbar ma jistgħux joħorġu min-naħa ta’ Ħal Qormi bit-trakkijiet għax minn hemm biss huwa safe għalihom għaliex it-toroq l-oħra li jagħtu għal ġo Ħal Qormi huma dojoq wisq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li c-Central Link Project huwa investiment ta’ €55 miljun biex inaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti, itejjeb il-kwalità tal-ajra u joħloq spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom mal-10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mill-karozzi f’Malta, li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti. Ix-xogħlijiet bdew f’Jannar li għadda bil-pedamenti tal-korsiji ġodda għall-karozzi, il-waqfiet tal-karozzi tal-linja, bankini u korsija għar-roti ġodda li qed isiru biswit Triq l-Imdina u tliet toroq oħra bi drittha, bejn il-Bypass tal-Imrieħel u l-inħawi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard. Fix-xhur li għaddew il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew it-tħaffir tal-post fejn se tgħaddi din it-triq, peress li partijiet minnha ser ikunu f’livell aktar baxx mit-toroq residenzjali f’Ħ’Attard li jinsabu ftit ‘il bogħod. B’hekk jonqos l-impatt viżiv tat-triq minn dawn it-toroq residenzjali, li wkoll qed jinbnew mill-ġdid b’disinn aħjar bħala parti mill-istess proġett. Bejn it-toroq eżistenti u t-triq il-ġdida, Infrastructure Malta qed tiżviluppa korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi u faxxa ta’ siġar u pjanti oħra. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar xhur il-ħaddiema bdew iqiegħdu taħt l-art fejn ġejja t-triq il-ġdida kilometri ta’ pajpijiet, katusi u cables għal sistemi ġodda tad-distribuzzjoni tas-servizzi, għas-sistema tad-dwal tal-istess triq u anke għall-ilqugħ u l-ġbir tal-ilma tax-xita. Bnew ukoll ħafna mill-ħitan tal-ġnub tat-triq, li qed jinksew bil-ġebel tas-sejjieħ. Meta l-proġett ikun lest, din it-triq ġdida b’żewġ korsiji ser tgħaqqad il-karreġġjata tal-Punent tal-Bypass tal-Imrieħel (mill-Imrieħel lejn Ta’Qali) mal-karreġġjata ta’ Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Wied Inċita, viċin id-daħla tal-Isptar Monte Karmeli. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin mill-Imrieħel fid-direzzjoni ta’ Ta’ Qali u r-Rabat, ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jieqfu fit-traffic lights ta’ ħdejn l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u dawk li hemm f’Ħal Balzan kantuniera ma’ Vjal de Paule, lejn il-Ġonna ta’ San Anton. Dawn iż-żewġ sistemi ta’ traffic lights se jispiċċaw. Dan se jwassal biex jonqsu drastikament il-ħin tal-ivvjaġġar, ir-riskji t’aċċidenti u t-tniġġis ikkawżawt mill-konġestjoni matul din ir-rotta. Permezz ta’ din ir-rotta ġdida fid-direzzjoni tal-Punent, mill-Imrieħel lejn Ta’ Qali, Infrastructure Malta ser tkun tista’ tibni mill-ġdid Triq in-Nutar Zarb u Triq iż-Żagħfran, li bħalissa jintu¿aw fl-istess direzzjoni, biex finalment jibdew iservu bħala l-karreġġjata tal-Lvant, minn Ta’ Qali lejn l-Imrieħel. B’hekk, jitneħħa l-bżonn li dawk li jkunu għaddejjin f’din id-direzzjoni jgħaddu mill-qalba ta’ Ħ’Attard, fejn bħalissa r-rotta tidjieq għal korsija waħda. Finalment għalhekk, matul ir-rotta kollha bejn il-Bypass tal-Imrieħel u r-roundabout qabel tibda tiela’ t-Telgħa tas-Saqqajja se jkollha minn tal-inqas żewġ korsiji f’kull direzzjoni, kuntrarjament għas-sitwazzjoni bħalissa fejn għandek partijiet twal b’korsija waħda. Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fl-istess waqt, żiedet ukoll infrastruturra ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona. Infrastructure Malta qed tagħmel ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett f’fażijiet differenti biex tnaqqas kemm tista’ d-diffikultajiet għal aktar minn 30,000 persuna li ta’ kuljum jgħaddu miż-żona, u għar-residenti li jgħixu fil-viċin f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Studji xjentifiċi li saru dwar dan il-proġett jikkonfermaw li jekk ma tiġix imtejba l-infrastruttura preżenti, il-problemi li kuljum qed jolqtu lil eluf ta’ persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, skont dawn l-istudji, jekk ma tiġix imtejba s-sistema ta’ toroq eżistenti fl-inħawi, biex tivvjaġġa mill-Imrieħel sa Ta’ Qali ddum sagħtejn u kwart iġġamjat fit-traffiku, b’veloċità ta’ 1.83km fis-siegħa. L-istudji juru wkoll li permezz tat-titjib ta’ Central Link Project, il-ħin tal-ivjaġġar se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid-domanda għat-trasport li jista’ jkun hemm fil-futur. Studji tal-kwalità tal-arja bba¿ati fuq monitoraġġ tal-arja f’diversi nħawi matul ir-rotta juri l-effetti ħ¿iena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, il-materja partikolata (particulate matter) fl-inħawi, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, tiżdied b’278% sal-2030. B’Central Link Project tonqos ħafna l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu (nitrogen dioxide) jonqsu b’41%. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fil-konnessjoni bejn iż-żewġ toroq indikati u t-toroq li qed jinbnew mill-ġdid bħalissa bħala parti minn Central Link Project. Ta’ min jinnota li minħabba s-sensittività arkeoloġika tal-inħawi, ix-xogħlijiet tal-iskavar jieħdu aktar fit-tul minħabba l-metodi li qed ikollhom jitnu¿aw f’dan ir-rigward. L-aċċess għall-vetturi minn Ħal Qormi għal Triq Hannibal jerġa’ jinfetaħ ladarba tiġi kompluta l-ewwel fażi ta’ Central Link Project, li huwa mmirat li titlesta sal-aħħar ta’ Settembru. Dwar Triq il-Ħofor nispjega li din kienet ingħalqet temporanjament bħala miżura ta’ prekawzjoni u għal raġunijiet ta’ sigurtà minħabba struttura perikoluża li hemm fil-ħruġ ta’ din it-triq f’kantuniera ma’ Triq l-Imdina. Din l-istruttura hija proprjetà ta’ terzi u s-sidien huma fir-responsabbiltà li jassiguraw l-istabbilità tagħha. Din terġa’ tinfetaħ meta jitlestew ix-xogħlijiet u ladarba jkun assigurat li l-istruttura msemmija tkun sigura. Infrastructure Malta qiegħda tistinka biex Central Link Project li tant ilu mistenni jitlesta fl-inqas żmien possibbli, iżda bl-inqas diffikultajiet għar-residenti u dawk kollha li jaħdmu jew jivvjaġġaw fil-madwar, b’mod partikolari l-bdiewa fost oħrajn.

Mellieħa – Bajja tal-Għadira — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jerġa' jikkunsidra li xogħol fuq il-proġett tal-parkeġġ eżistenti biswit il-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa jsir b’mod aktar sostenibbli u jitħaffer l-ispazju fejn hemm l-istess parkeġġ eżistenti minflok sempliċiment jingħata wiċċ ġdid bit-tarmak u b’hekk allura jkun qed jiġi mmassimizzat l-uniku spazju disponibbli fiż-żona indikata? Jista’ ukoll jiġi kkunsidrat li parti mill-istess sit indikat f’dan il-proġett issir bħala wesgħa pubblika għat-tgawdija tal-familji li jżuru ż-żona mhux biss fis-sajf iżda wkoll matul il-kumplament tas-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-bajja tal-Għadira hija l-ikbar bajja nazzjonali li hija ffrekwentata minn mijiet ta’ Maltin u turisti. Is-sit fejn se jsir dan il-parkeġġ huwa dilapitat u filwaqt li ma jirrifletix prodott turistiku xieraq, hemm numru ta’ sitwazzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti. Ix-xogħlijiet li ser jsiru f’dan l-istadju huma tal-inqas intervent, sabiex iħallu lok għal pjani li jistgħu jsiru fil-futur. Il-ħsieb li jingħata wiċċ tat-tarmac huwa maħsub biex is-sit jiġi organizzat b’mod sigur għal dawk kollha li jipparkjaw f’dik iż-żona. Sadanittant, sabiex titħalla wesgħa pubblika jkun ifisser li jonqos in-numru ta’ parkeġġi li huma tant bżonnjużi f’din iż-żona.

Lands Department — Attard – Triq Ġorġ Żammit – kumpens lil sidien tal-artijiet

Question

B’referenza għall-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tad-Dipartiment tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jindika meta d-Dipartiment tal-Artijiet ser ikun qiegħed jikkumpensa s-sidien tal-artijiet esproprijati fi Triq Ġorġ Żammit f'Ħ'Attard b’dan illi sussegwentament persuni li qegħdin fuq konvenju mal-Awtorità tad-Djar fuq djar mibnija fuq l-istess artijiet, ikunu jistgħu jgħaddu għal kuntratt finali ta’ akkwist?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art relattiva hija esproprjata, iżda għadha ma ġietx effettivament akkwistata mill-Gvern ta’ Malta. Tali art tkun tista’ tiġi trasferita lil Awtorità tad-Djar meta jiġi ffinalizzat il-proċess tal-akkwist.

Superyacht – talba għal refueling

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15022 u jinforma lill-Kamra kemm-il talba għal refueling mal-moll minn superyacht ġiet irrifjutata minn Transport Malta mill-bidu ta’ Marzu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, li matul-il-perjodu msemmi kien hemm talba wahda għal refueling mal-moll minn superyacht li Transport Malta irreferiet lil Port Health Medic hekk kif elenkat fit-Travel Ban Legal Notice u liema talba ġiet rifjutata.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – xogħlijiet fuq water culverts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15064 u jispjega kif wara l-ewwel ħalba xita, minn meta sar xogħol ta' culverts minn Infrastructure Malta fil-Mellieħa Bypass (Triq Lewis Wettinger), li għamlet fis-27 ta’ Mejju, xorta baqa’ bl-ilma tax-xita jinġema' kollu fil-ġenb tat-triq b'inkonvenjent għas-sewwieqa li kienu għaddejjin bil-vetturi tagħhom u għar-residenti li reġgħu spiċċaw bi kwantità kbira ta' ilma jiġi mtajjar għal mal-ħitan tar-residenzi tagħhom bil-possibilità li anke jidħlilhom l-ilma fi djarhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Louis Wettinger, jew kif inhi magħrufa l-Bypass tal-Mellieħa, inbniet mill-ġdid fl-2018 b’investiment ta’ €2.8 miljun sabiex tkun aktar sigura għal dawk kollha li ju¿awha. Fost oħrajn, f’din it-triq saret struttura ġdida tal-konkos biex issaħħaħ il-pendamenti tat-triq mal-ġenb tal-karreġġjata tat-tramuntana, fuq ir-riħ tal-Miżieb. Ġie introdott ukoll tagħmir ġdid ta’ crash barriers mal-ġnub tal-karreġġjati u central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs, bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti, biex jonqsu r-riskji t’aċċidenti u ħabtiet bejn karozzi għaddejjin f’direzzjonijiet opposti. It-triq kollha, li qabel qatt ma kienet imdawla, saritilha wkoll sistema ġdida ta’ lampi LED fuq arbli. Fl-istess waqt, flimkien mal-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, din il-Bypass issa għandha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Il-proġett kien jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħrajn li jinfdu magħha, fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħrajn li jwasslu għaż-żoni residenzjali tal-Mellieħa. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bħalma jiġri f’kull proġett ta’ dan it-tip, Infrastructure Malta kkummissjonat it-testijiet tekniċi biex tivverifika l-kwalità tax-xogħol li jkun sar. Dawn it-testijiet ikkonfermaw li partijiet mill-wiċċ tal-asfalt tat-triq kien jeħtieġ li jitranġaw. Xogħlijiet bħal dawn biex jintlaħaq il-livell ta’ kwalità rikjesta jsiru mill-kuntratturi tal-proġett, bi spejjeż għalihom. L-ewwel xogħlijiet ta’ tiswijiet fil-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Bypass bdew lejn l-aħħar tal-2019 u tlestew aktar kmieni din is-sena. Fl-istess ħin, waqt dawn ix-xogħlijiet, fuq talba li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Infrastructure Malta għamlet ukoll tisħiħ tas-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita fl-istess parti ta’ din it-triq. Permezz ta’ dan it-tisħiħ, ġew introdotti pajpijiet u spralli mal-ġenb ta’ din il-karreġġjata, filwaqt li ttejbet ukoll l-istruttura tal-kurduna mal-ġenb tat-triq, sabiex toffri aktar lqugħ għall-ilmijiet. Dawn ix-xogħlijiet m’affettwaw bl-ebda mod il-qisien tal-korsiji tal-karozzi jew tal-korsija għar-roti fl-istess triq, li baqgħu l-istess bħal ma kienu qabel. L-istima għax-xogħol ta’ tisħiħ tas-sistema tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita tat-triq huwa stmat li jismaw madwar €300,000. Dan ma jinkludix l-ispi¿a biex inqala’ l-asfalt u sar mill-ġdid, peress li kif diġa spjegat, dan ix-xogħol huwa spiża li jridu jġorru l-kuntratturi tal-proġett tal-2018. Dik li qed issir referenza għaliha bħala “ħalba xita”, fis-27 ta’ Mejju, kienet fil-fatt maltempata qalila ħafna b’ammont kbir ta’ xita u rjiħat qawwija’, hekk kif jixhed dan ir-rapport meterjoloġiku (li hawn taħt tidher il-link tal-website) u li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra; https://www.malteseislandsweather.com/severe-thunderstorm-on-27-05-2020/?fbclid=IwAR0G0NgdKF5xs7u_7VesfKbvUJkHFEn9Zlxy-i3bCuaJzeU4clYutBPUviY Lanqas ma kienet l-ewwel xita wara li tlesta x-xogħol, għaliex huwa fatt magħruf li din is-sena għamlet ħafna xita f’Marzu meta x-xogħol indikat kien diġa lest. Minn meta tlesta x-xogħol ma kien hemm l-ebda lmenti mir-residenti jew persuni li jgħaddu mit-triq, li kien hemm xi problemi ta’ għarghar fit-triq indikata. Il-filmat li xxandar fuq il-media soċjali mill-Onorevoli Interpellant juru parti minn Triq Louis Wettinger waqt il-maltempata tas-27 ta’ Mejju. F’dan il-filmat jidher l-ilma tax-xita jaqleb lejn il-ġenb tat-triq fejn saret is-sistema ta’ pajpijiet u spralli ġodda. Il-fatt li l-ilma kien qed imur f’dik id-direzzjoni u jibqa’ nieżel fl-ispralli juri li s-sistema kienet qed taħdem b’mod tajjeb, u kif ippjanat. Naturalment, waqt maltempata ta’ qawwa bħal dik li għamlet fil-ġurnata indikata, fil-ħin li tkun nie¿la x-xita, bilfors ikollok l-ilma jiskula lejn il-post fejn hemm l-ispralli mal-ġenb tat-triq biex jibqa’ nie¿el fil-pajpijiet. Il-filmati ma juru l-ebda għadajjar jew għarghar wara l-maltempata nnifisha, li juri li s-sistema hekk kif imsaħħa bix-xogħlijiet aktar kmieni din is-sena qed taqdi l-funzjoni tagħha b’mod tajjeb. Fil-fatt, ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ ilma fil-propjetajiet privati viċin, bħal ma kien iseħħ fil-passat. Fl-istess waqt, l-aġenzija saritilha wkoll talba separata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex f’parti oħra ta’ Triq Louis Wettinger, speċjalment fil-karreġġjata tat-tramuntana, jsiru pajpijiet ġodda għal proġett ġdid li bdiet twettaq ftit tax-xhur ilu. Għalhekk, it-tiswijiet tal-asfalt li jonqos isur u li kienu ordnati lill-kuntratturi minn Infrastructure Malta se jsiru fix-xhur li ġejjin wara li jitpoġġew dawn il-pajpjiet meħtieġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Iċ-ċertifikazzjoni finali tax-xogħol kollu f’din it-triq tkun tista’ tiġi konkluża meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha, inkluż ix-xogħol li ma laħaqx il-livell stabbilit u li se jagħmel tajjeb għalih il-kuntrattur, kif ukoll ix-xogħol addizzjonali li ntalab fl-aħħar xhur minħabba l-proġett ġdid tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – Xogħlijiet fuq water culverts — spiża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15065 u jgħid kemm kienet l-ispiża biex reġa' nqala' t-tarmak u sar xogħol ta' culverts fuq il-Mellieħa ByPass (Triq Lewis Wettinger)?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 15154 tal-istess Seduta.

Property Malta — tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14581 dwar Property Malta Foundation u r-rapport finanzjarju tas-sena 2018 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali u finanzjarju tas-sena 2019?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Property Malta — tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14581 dwar Property Malta Foundation u r-rapport finanzjarju tas-sena 2018 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-Board Allowance li tammonta għall-€39,525 u lil min tħallsu skont l-ismijiet li ssottometta fl-istess tweġiba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-membri tal-bord mgħotija bħala risposta għall-PQ14581 kienet dik ta' Mejju 2020. Annessa fit-tabella t’hawn taħt hemm il-lista tal-membri tal-bord fis-sena 2018 u l-Allowances li ingħataw. PROPERTY MALTA FOUNDATION Board Allowances 2018 Name Details (Eur) Peter Paul Caruana Board Member 3,500.00 Vincent Bone Board Member 3,500.00 Michael Stivala Board Member 3,500.00 Antoine Mallia Board Member 3,500.00 Michael Bonello Board Member 3,500.00 Alfred Camilleri Board Secretary 8,975.00 Sandro Chetcuti Chairman 10,000.00 Joseph Vella Bonnici Board Member 2,375.00 Stephen Mercieca Board Member 675.00 Total Allowances 39,525.00

Property Malta — tmexxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14581 dwar Property Malta Foundation u r-rapport finanzjarju tas-sena 2018 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż tal-fieri internazzjonali li huma msemmija fir-rapport waħda waħda u jagħti wkoll il-break down ta’ kull nefqa ta’ kull fiera maqsuma fi ħlasijiet dwar vjaġġar, entertainment, memberships, participation fees u nfiq ieħor?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-ispejjez tal-fieri huma annessi fit-tabella t’hawn taħt; PROPERTY MALTA FOUNDATION CirtyScape Expo Dubai (October 2018) Breakdown of Costs Details Value (Eur) Direct Stand Related expenses including participation fees, stand build and on-stand features 173,955.27 Flights & Accomodation 6,666.00 Entertainment - Membership Fees - Total Expenditure 180,621.27

Water Framework Directive – Bathing Water Management Committee

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni rigward il-kostituzzjoni tal-Bathing Water Management Committee, liema kumitat kellu jiġi mwaqqaf skont l-Avviż Legali 125 tal-2008 għall-implimentazzjoni tas-2nd Water Catchment Management Plan taħt il-Water Framework Directive?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Is-Siġġiewi – Triq Lapsi – wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta se jitkompla jingħata wiċċ ġdid lil Triq Lapsi fis-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta. It-triq indikata fiha madwar erba’ kilometri, tant li tibda mit-tarf tas-Siġġiewi u tasal s’Għar Lapsi. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid madwar żewġ kilometri u nofs minn din it-triq fejn minbarra tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt, saru wkoll servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ. Il-kumplament tat-triq se tinbena mill-ġdid wara li jitlestew xogħlijiet ta’ servizzi tal-ilma minn entità oħra. Sadanittant, persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Kriterji għal talba għal parking space u personalised parking space għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kriterji li Transport Malta tuża biex tiġi evalwata u eventwalment aċċettata talba sew għal parking space kif ukoll għal personalised parking space għal persuni b’diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-kriterji jinsabu fuq il-website ta’ Transport Malta fuq is-sit: https://www.transport.gov.mt/land/applications-and-requests-1352 li tagħha qed inpoġġu kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – konsultazzjoni mal-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità għal parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tikkonsultax jew titlobx il-parir tal-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità qabel ma toħroġ permess sew għal reserved car parking space jew personalised reserved car parking space għal persuni b’diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ma toqgħodx tikkonsulta mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ persuni b’diżabilita’ għal kull applikazzjoni iżda tikkonsulta kull meta tinħass il-ħtieġa. Iż-żewġ partijiet kienu qablu u fasslu bejniethom kriterji ibbażati fuq il-policy li tinsab fuq is-sit ta’ l-Awtorita’, li tagħha poġġejna kopja fuq il-Mejda tal-Kamra għal Mistoqsija Parlamentari 15346 tal-istess Seduta.