Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20492 u jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-bordijiet, li jirregolaw l-entitajiet governattivi indikati fl-emendi fl-Att VII tal-2015, attwalment kollha għandhom membru li hu/i persuna b’diżabilità, għajr wieħed. F’dan il-każ, mhux isir użu mill-pożizzjoni ta’ membru li żdiedet bl-emendi fil-Liġi sakemm tinstab persuna idonea li tkun tista’ tokkupa r-rwol. Inżid li l-Liġi msemmija ma tobbligax li l-membru b’diżabilità jkun fuq bord bħala “rappreżentant għall-persuni b’diżabilità”, kif qed jindika l-istess interpellant. Ma’ dan irid jingħad ukoll li hemm għadd ta’ bordijiet, kumitati, fora u forom oħrajn ta’ tmexxija li għandhom fi ħdanhom membri li huma persuni b’diżabilità, avolja ma jaqgħux taħt l-emendi fl-Att imsemmi aktar ’il fuq.

Proġett ‘The Meeting Place’

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont sħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-Marigold Foundation fuq ix-xogħol u l-użu ta' The Meeting Place? Jista' jinkludi kemm nefaq il-Ministeru, kemm nefqet il-Marigold Foundation, kemm kienu l-fondi li ġew mill-Unjoni Ewropea, u kemm hi n-nefqa rikorrenti llum min naħa tal-Ministeru għal dan il-proġett?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li The Meeting Place sar b’kollaborazzjoni bejn dan il-Ministeru u l-Fondazzjoni Marigold u qed iservi sabiex diversi NGO’s li jaħdmu fis-settur socjali, edukattiv, tas-saħħa u tal-mard rari, ikollhom fejn jorganizzaw laqgħat, seminars, terapija u sports. Dan il-post qed iservi għal dawk l-NGO’s u benefiċċjarji tagħhom li jaħdmu f’dawn is-setturi u b’mod speċjali għal dawk l-NGO’s li jaħdmu ma’ nies vulnerabli. Sal-lum ibbenefikaw madwar 73 NGO li jagħmlu użu minn dan il-post. Hemm ukoll diversi entitajiet oħra governattivi (FSWS u Agenzija Sapport, Mount Carmel Youth Service) li qed jagħmlu użu mill-post u li qed joffru s-servizz tagħhom minn hemm ukoll. Minn Ġunju tas-sena 2019 sa Marzu 2021, kien hemm 12,782 persuna li għamlu użu mill-post. Dan il-post qed joffri s-servizz tiegħu anke fil-weekends u fi żmien il-pandemija dan l-post kien jintuża biex NGO’s u għaqdiet oħra offrew is-sapport lil diversi persuni vulnerabbli. In-nefqa rikorrenti tal-post bħalissa hija ta’ madwar €214,000 fis-sena. Il-proġett ta’ The Meeting Place ġie jiswa’ total ta’ €1.14m, li minnhom €0.78m ġew minn fondi tal-Unjoni Ewropeja. Il-Fondazzjoni Marigold, li tagħha kienet l-ideja tal-proġett, sal-lum investiet €82,140 fil-post, kemm f’inizjattivi li kien hemm bżonn, għall-ħolqien tiegħu u anki fi ħtiġijiet varji għall-operat ta’ kuljum tal-istess proġett. Għalkemm il-post huwa propjeta’ ta’ dan il-Ministeru u huwa mmexxi minnu, hemm Memorandum of Understanding bejn il-Ministeru u l-Fondazzjoni Marigold li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Nefqa annwali fuq prevenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena mill-2015 sal-2020, kemm kienet in-nefqa annwali fuq: a. Prevenzjoni tal-vizzji (alkoħol, tabakk, droga, logħob, eċċ) b. Kura tal-vizzji; c. Servizzi ta’ prevenzjoni u kura minn aġenziji tal-Gvern; d. Ftehim ta’ servizzi ta’ prevenzjoni u kura minn aġenziji mhux tal-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Foster Carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji u/jew individwi li huma foster carers? Kemm hemm tfal fil-kura ta’ dawn il-Foster Carers?

Response (FALZON, MICHAEL)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li, t-tagħrif mitlub minnha jinsab diġa fit-tweġibiet li ngħataw għal Interpellenzi Numri 18887, 18888, 18889 u 19679 li ġew imwieġba riċentament.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’dawn l-aħħar sentejn u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet sabiex jiġu provduti servizzi li huma siguri u ta’ kwalità għolja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Single Parents Malta

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm hemm single parents f'Malta? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, n-numru tà Single Parents li jirċievu l-Għajnuna Soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Nisa 2,239 Irġiel 31 Total ta' Benefiċjarji 2,270

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — position of trust – persuni mlaqqma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minbarra li dak li qed jitlob jikkostitwixxi tagħrif personali, dawk il-ħaddiema taħt il-Ministeru li huma meqjusin bħala frontliners ġew imlaqqmin parti minn proċess nazzjonali skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Mtarfa – Triq l-Anzjani – proġett ta’ housing

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 20321, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett fl-inħawi ta’ Triq l-Anzjani l-Imtarfa? Għal meta hu ppjanat? X’ser isir mill-Mtarfa Drama Group u l-Iscout Groups li jużaw proprjetà pubblika?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dan il-Ministeru ma għandu l-ebda proġett ippjanat fi Triq L-Anzjani, l-Imtarfa.

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — proġetti tal-ESF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu proġetti tal-ESF taħt id-dekasteru tiegħu u kemm-il persuna ġiet imħarrġa bejn l-2013-2020?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill-Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, minn min kien magħmul il-Kumitat Tekniku li kiteb dan ir-rapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li d-Dokument li qed issir referenza għalih ġie ppubblikat f’Marzu 2021 u mhux f’Settembru 2020. Il-Kumitat Tekniku kien magħmul mis-segwenti tmien (8) professjonisti: 1. Is-Sa Remenda GRECH fl-irwol tagħha ta’ Direttur tad-Direttorat Kura Alternattiva 2. Is-Sur Steve LIBRERI fl-irwol tiegħu bħala Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal 3. Dr Daniela AZZOPARDI BONANNO bħala konsulent legali 4. L-Ispettur Sylvana GAFÀ bħala rappreżentanta tal-korp tal-Pulizija 5. Dr Vanessa GRECH bħala rappreżentanta tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati 6. Is-Sa Marija ZAHRA nominata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni 7. Dr Mariella MANGION nominata mill-Ministeru tas-Saħħa 8. Is-Sur Mauro FARRUGIA nominat mill-Ministeru tal-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill- Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, għalfejn tħallew barra l-pulizija fl-istess linji gwida?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li mhux ċar kif qiegħed jingħad illi tħallew barra l-Pulizija meta ma jissemmew l-ebda professjonisti b’mod speċifiku. Kull professjonist, inkluż uffiċjal tal-Pulizija, illi fil-qadi ta’ dmirijietu jiġi f’kuntatt ma’ minuri, japplikaw għalih id-dispożizzjonijiet fuq raportaġġ mandatarju. Inoltre, kif ġa imwieġeb f’ Mistoqsija Nru 20692, il-Pulizija jissemmew b’mod speċifiku fil-proviso tal-artklu 9(1) tal-Kap. 602 fejn b’mod speċifiku jingħad illi kull rapport ta’ maltrattament fuq minuri li jidħol għand il-Pulizija jrid jiġi mgħoddi lid-Direttur għall-Ħarsien tat-Tfal b’mod immedjat.

Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta

Question

B’referenza għad-dokument “Mandatory Reporting Guidelines for professionals in terms of the Minor Protection (Alternative Care) Act, Cap. 602 of the Laws of Malta” ippubblikat mill- Ministeru għas-Solidarjetà u Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal f’Settembru 2020, jista’ l-Ministru jgħid, jekk saritx konsultazzjoni biex inkiteb dan id-dokument? Jekk iva, ma’ liema stakeholders?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li qabel daħal fis-seħħ il-Kap. 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, inżammu żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi fuq medda ta’ diversi xhur u allura l-artiklu 9 tal-istess Kap li jittratta r-rapportaġġ mandatarju kien ukoll miftuħ għall-konsultazzjoni. Id-dokument li jipprovdi linji gwida lill-professjonisti ġie abbozzat, kif ġa imwieġeb f’ Mistoqsija Nru 20692, minn kumitat tekniku li kien jirrapreżenta b’mod wiesgħa diversi setturi u professjonisti. Il-membri li kienu jiffurmaw parti minn dan il-kumitat tekniku huma kollha professjonisti illi qiegħdin jaħdmu f’dan is-settur kuljum u, għalhekk, qiegħdin jiltaqgħu ma’ dawn ir-realtajiet b’mod konkret fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Tista’ tgħid li l-maġġoranza ta’ dawn il-membri huma speċjalizzati f’dan il-qasam u huwa għal din ir-raġuni li jitqiesu bħala esperti fil-materja tal-protezzjoni tat-tfal. Minbarra dan, il-konsulent legali li kienet tifforma parti minn dan il-kumitat kienet eżaminat u studjat fil-fond is-suġġett tar-rapportaġġ mandatarju fit-teżi tad-dottorat tagħha f’liema studju hi kienet ikkonsultat ma’ professjonisti minn dixxiplini diversi. Id-dokument ta’ linji gwida minnu nnifsu ma jorbotx iżda, kif jfisser l-isem, joffri direzzjoni lill-professjonisti. Mhux eskluż li l-istess dokument jiġi rivedut fil-futur skond il-bżonn.

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex? Min hu eliġibbli li jissieħeb f'din l-iskema u kemm ser iddum is-sħubija f'din l-iskema? Jista' l-Ministru jispjega jekk din hiex l-unika skema li għandha l-Fundazzjoni jew jekk għandhiex skemi oħra ma' ministeri jew entitajiet pubbliċi oħra? Jista' l-Ministru jispjega kif din l-iskema taqa' fil-mansjoni tal-Fundazzjoni in kwistjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema imsemmija għandha 22 parteċipant. Huma eliġibbli biex jipparteċipaw fiha persuni minn 18-il sena ’l fuq. L-iskema hija mifruxa fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Din hi skema immirata għal persuni vulnerabli, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikulari u sitwazzjonijiet diffiċli ekonomiċi u/jew soċjali. Dawn huma l-kategoriji ta’ nies li ta’ kuljum tgħin il-Fondazzjoni u huwa proprju għal din ir-raġuni li l-FSWS daħlet għal din l-inizjattiva flimkien mal-Ministeru għal Għawdex.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Skema tax-Xogol fil-komunità - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kienet in-nefqa tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq l-Iskema tax-Xogħol fil-Komunità sena b'sena mis-sena 2009 sas-sena 2014?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għas-snin imsemmija ma kienetx tinżamm din l-informazzjoni mitluba, fuq dawn il-benfiċjarji. Madanakollu, dawn il-benefiċjarji bdew jirċievu paga sħiħa u mhux benefiċċju soċjali, b’effett mis-sena 2016, hekk kif kien ġie mwiegħed fil-Baġit għall-istess sena. In-numru ta’ dawn il-benefiċjarji fis-sena 2016 kien jammonta għal ċirka 702.

Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship Scheme

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex qed jintalbu illi jwettqu xogħol ta' manutenzjoni u tindif ? Jaħsiebx il-Ministru illi dan m'hux l-aħjar mod kif dawn l-imsieħba jiġu ppreparati sabiex iwaqfu kooperattiva ? X'korsijiet ser jingħataw dawn l-imsieħba sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-għan ta' din l-Iskema ? Kemm iridu jqattgħu ħin bejn xogħol u taħriġ fil-ġimgħa l-imsieħba ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-manutenzjoni u t-tindif huma qasam vast u ukoll neċessarju sabiex l-ambjent ta’ madwarna jinżamm nadif u mantnut bl-aħjar mod possibli biex joffri kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadin. Nemmen li l-Onor. Interpellant jaqbel ukoll li parti mill-istrateġija biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità lejn Għawdex tiddependi wkoll fuq ħidma bla waqfien ta’ manutenzjoni u tindif biex il-Gżira Għawdxija tinżamm dejjem nadifa u fi stat tajjeb. Bażikament kieku dan ix-xgoħol ma jsirx mill-ħaddiema mseħbin f’ din l-iskema, ix-xogħol ikollu jsir permezz ta’ outsourcing . Minbarra dan ix-xogħol ta’ tindif u manutenzjoni, u li twettaq taħt superviżżjoni, dawn il-ħaddiema diġà wettqu ħidma fir-riġenerazzjoni ta’ Trionfi House li ser tintuża għal skop soċjali. Kuntrarjament għal dak li qed jissuġġerrixxi l-Onor. Interpellant, dan huwa qasam li qed joffri opportunità lill-parteċipanti sabiex isaħħu l-ħiliet u l-abilitajiet tagħhom. Huwa wkoll qasam sostenibbli u hemm prospetti u pjanijiet tajbin għall-futur. L-iskema fiha nnifsha hija taħriġ kontinwu u hi maqsuma fuq żewġ binarji – taħriġ on-site training u taħriġ off-site. Il-korsijiet tat-taħriġ off-site huma relatati ma’ aspetti varji sabiex jiksbu l-għarfien u l-ħiliet kif ukoll jiksbu l-informazzjoni kollha neċessarja relatata mal-koperattivi soċjali. Dan għaliex bħala entità ewlenija fil-qasam soċjali, l-FSWS, trid tgħin lin-nies vulnerabbli li jirrikorru għall-għajuna tagħha, jirrintegraw lura fis-soċjetà u ukoll jiġu mgħejuna jiksbu ħiliet bażiċi li jistgħu jużaw fil-ħajja tax-xogħol. Din l-għajnuna qiegħda testendi ruħha ukoll sabiex dawn l-individwu ikunu jistgħu ukoll jimirħu f’xogħol għal rashom, bħala self-employed, bil-għajnuna ta’ intrapriżi soċjali.

National Report on the drug situation in Malta 2020

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20172 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-"National Report on the drug situation in Malta 2020"?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport Nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-Droga f’Malta 2020, kemm f’verżjoni bil-Malti kif ukoll f’verżjoni bl-Ingliż.