Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt — kiri tal-Ġnien ta' Hastings u l-Barrakka t'isfel - Lista tal-kontribuzzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35172, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi il-kontribuzzjoni li saret għal kull kirja li ġiet elenkata fid-dokument impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mill-istess risposta tal-mistoqsija parlamentari 35772?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MEPA — construction site management regulations

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu taħrikiet skont parti IV tal-Avviż Legali 295/07 kontra ksur tar-regolamenti dwar l-immaniġjar ambjentali tas-siti tal-kostruzzjoni kif jingħad f'mistoqsija parlamentari 35802?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bejn 1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Ġunju ta’ din is-sena saru madwar 341 spezzjonijiet fejn 157 minnhom irriżulta li kienu spezzjonijiet li saru darba peress li fejn kien hemm problemi s-sitwazzjoni rranġat mill-ewwel. Skont il-ħtieġa jsir il-follow-up meħtieġ biex jkun eliminat kull inkonvenjent lill-terzi u ma kien hemmx każijiet rappurtati fejn inħass li kien hemm ħtieġa ta’ passi ulterjuri. Mingħajr ma jkun eskluż li jittieħu l-passi legali fejn u meta deliberatament ma tkunx qieghda tkun seġwita l-liġi, huwa wkoll l-każ li l-operaturi jiġu edukati fil-ħarsien strett tal-parametri tal-liġi.

informazzjoni dwar konsum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35821 u 33102 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32371, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholes u dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati? Jista' jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma ġewx imwieġba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor Interpellant isaqsi lill-Ministru tal-Finanzi, Investiment u Ekonomija. Bħal ma għidna kemm-il darba pubblikament, sakemm ma jkun komplut l-eżerċizzju li għadu għaddej tat-twaħħil ta’ meters m’humiex qiegħdin jkunu applikati rati ta’ ħlas għall-estrazzjoni ta’ ilma tal-pjan. Rigward l-istmi ta’ ilma li qiegħed jiġi ppumpjat, filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari imressqa minnu stess, numri 24911 u 25399. B’referenza għall-aħħar part tal-Mistoqsija, ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Gvern m’għandux stimi dwar il-konsum tal-elettriku użat għall-estrazzjoni tal-ilma minn boreholes privati.

Qtugħ ta' siġar bejn il-Lukanda Dolmen u ta' Fra Ben

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx involut fil-qtugħ ta' siġar bejn il-lukanda Dolmen u Ta' Fra Ben (mhux fejn qed isir il-proġett tal-akwarju)? Jekk iva, x'wassal biex jinqatgħu biss parti mis-siġar tal-front u ż-żabra ma saritx fuq is-siġar kollha? Min kien responsabbli minn dan il-qtugħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-PARK ma kienx involut fil-qtugħ ta’ siġar li hemm fis-sit indikat.

Funtana li tneħħiet mill-pjazza tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jinforma jekk hemmx records fejn spiċċat il-funtana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatmament li tneħħiet mill-pjazza tar-Rabat f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma teżisti ebda informazzjoni dwar din il-funtana.

Xogħol meħtieġ għaċ-ċertifikazzjoni konformi mal-Global GAP

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx spetturi Maltin li jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex sar iċ-ċertifikazzjoni ħalli bdiewa Maltin ikunu konformi mal-Global GAP u li dawn l-esperti Maltin li ħadu sehem f'dan ix-xogħol ukoll għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu fl-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà tal-Gvern fejn tidħol l-esportazzjoni u importazzjoni hija waħda limitata għall-fatt li jekk prodott li jkun qiegħed ikun impurtat jew esportat huwiex ħieles minn mard ta’ kwarantina jew le, skont kif inhu stipulata fil-ligijiet rispettivi. Il-Global GAP hija inizjattiva privata li għamluha l-esportaturi għall-valur miżjud. Għaldaqstant il-Gvern m’għandu ebda spetturi fuq din iċ-ċertifikazzjoni. Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 35510 u 35511, nikkonferma li l-Gvern ta l-assistenza tiegħu sabiex din iċ-ċertifikazzjoni sseħħ. Madankollu niġbed l-attenzjoni li l-esperti Maltin għamlu dan ix-xogħol ta’ ċertifikazzjoni fuq bażi personali fi ftehim privat mal-esportaturi u għalhekk fil-każ li għad hemm ħlasijiet pendenti għal dan ix-xogħol privat hija kwistjoni purament kummerċjali bejn żewġ partijiet privati.

Ditta Olandiza — ċertifikazzjoni tal-esportazzjoni tal-patata

Question

Jaħsibx il-Ministru li n-nuqqas ta' pagament lid-ditta Olandiza li għamlet iċ-ċertifikazzjoni jista' b'xi mod jaffettwa ir-reputazzjoni tal-bdiewa Maltin u ta' Malta b'mod ġenerali u li reputazzjoni ħażina tista' ukoll tafettwa l-esportazzjoni tal-patata minn Malta għal dan il-pajjiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru.35512,ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas kollu dovut mill-Gvern sar. Jidher li xi bdiewa/esportaturi għadhom ma tħallsux minħabba xi kwistjoni kummerċjali, u għalhekk mhijiex materja li jista jintervjeni l-Gvern fiha b’ mod dirett.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — entitajiet tal-internal audit

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid: a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda; b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit; ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern; d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u e) kemm għandha impjegati l-entità?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-WasteServ Malta Ltd tuża s-servizzi tal-kumpanija ta’ awdituri Grant Thorton bħala internal auditors għall-ħlas ta’ € 8,504.76 (vat eskluż) għas-sena 2011. Għar-rigward tal-funzjoni ta’ awdituri esterni, dan isir minn kumpanijsa oħra; BDO Malta. It-turnover minn sorsi esterni (jiġifieri bis-sovvenzjoni tal-gvern imnaqqsa) kien ta’ €7,197,560 matul is-sena 2011. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 ll-kumpanija Wasteserv kellha 95 l-impjegat. Min-naħa l-oħra, preżentament l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorzi ma' għandhiex funzjoni ta' internal audit u bħala awdituri esterni tuza is-servizzi tal-kumpanija ta’ awdituri Grant Thornton. Għall-funzjoni tal-awditjar estern għar-rapport finanzjarju tas-sena 2011din il-kumpanija tħallset is-somma €5,050. It-turnover ta’ din l-Awtorità għas-sena 2011 kien ta’ €1,888,528. Tajjeb li ngħid ukoll li din l-Awtorità ma tirċievi ebda sovvenzjoni mill-Gvern Ċentral. Preżentament l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Risorzi għandha 44 impjegat. (35 impjegat tal-Awtorità; 6 impjegati tas-Servizz Pubbliku; u 3 impjegati tal-MEPA) Tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartimenti u 1-entitajiet, b’mod partikolari fejn ma hemmx ‘Internal Audit’ ad hoc, skont il-ħtieġa, jagħmlu użu mill-Internal Audit and Investigations Department.

Civic Amentiy Sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan sabiex l-użu ta' Civic Amenity Sites isiru bi ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-iskop waħdani fit-twaqqif ta’ dawn iċ-Centri kien espliċitament immirat biex skart goff li joriġina minn djar jkun jista’ jiġi depositat, ninfurmah li ma hemm l-ebda pjan għall-introduzzjoni ta’ tariffi għal depożitu ta’ skart goff u/jew perikoluż li jorigina mid-djar.

Bormla — Triq it-8 ta' Diċembru - traffic impact assesment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35608 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk sarx traffic impact assesment fuq Triq it-8 ta' Diċembru Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jsir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-periklu li jeżisti bħalissa f'din it-triq ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infurmat li fil-proċess ta’ evaluazzjoni u konsultazzjoni ta’ l-applikazzjoni li kient ġiet sottomessa lil MEPA, PA 5522/2009, Transport Malta kienu approvaw il-proposta għax-xogholijiet fuq Triq it-8 ta’ Settembru ġewwa Bormla, li sussegwentament kienet ġiet ukoll approvata mill-MEPA. Id- Direttorat tar –Restawr ma ġie qatt mitlub biex jagħmel Traffic Impact Assessment ta’ dan il-proġett mill- MEPA, minn Transport Malta jew minn xi entita oħra. Dan minħabba l-fatt li l-istess volum ta’ traffiku li jgħaddi minn din it-triq sejjer jibqa’ jgħaddi mill- istess triq peress li l-proġett fih innifsu m’għandux potenzjal li jiġġenera traffiku ġdid. Barra minn hekk iż-żewg karreġati kif proposti jikkumplimentaw iż-żewg karreġati li diġa jeżistu tul ix-xatt ta’ Bormla. Dan il-proġett ta restawr u tisbiħ ta’ l-inħawi ta’ Couvre Porte jikkumplimenta mal-proġett ta’ tisbiħ ta’ Dock No.1 li qed jiġi implimentat mill- Grand Harbour Regeneration Corporation fil-konfini tal-Kunsill ta’ Bormla.

Bormla — infestazzjoni ta' nemus kbir

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35357, peress li hu fatt magħruf minn kull min hu kkonċernat li f'tarf il-Baċir No.1, inbniet vaska/i, u peress li fihom hemm ilma qiegħed, qed ikun sors ta' kwantità ta' nemus, jista' il-Ministru jara' li jsir xi ħaġa biex din l-infestazzjoni ta' nemus tispiċċa ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-hekk imsejħa vaska hija parti mill-proġett tal-Baċir numru 1 u għalhekk nistiednu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

Bormla — Triq il-Ġublew tal-Fidda - siġar mdawra bil-concrete

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35356 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li meta saru bankini ġodda fi Triq il-Ġublew tal-Fidda f'Bormla, u meta ngħata l-concrete, is-siġar li hemm iddawwru bil-concrete u b'hekk inqata' kull aċċess għall-ilma għall-istess siġar? Ma jaħsibx li hekk dawn is-siġar se jispiċċaw imutu? X'se jiġri sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari 35356 oriġinarjament kienet indirizzata lili u mhux lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u għaldaqstant infakkru li kont stidintu jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni jiġifieri kif indikajtlu fit-tweġiba mogħtija.

Somma lill-assoċjazzjoni tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-gvern għadda s-somma ta' €30,000 lill-assoċjazzjoni tal-Bdiewa biex jiffinanzja ċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali Good Agricultural Practise?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li l-skont il-ftehim milħuq bejn il-Gvern, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u l-esportaturi, il-Gvern għadda din is-somma lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.

Proċess biex id-Dipartiment tal-Biedja u Sajd jagħmel ċertifikazzjoni fuq il-patata Maltija

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-proċess li mexa bih id-dipartiment tal-bieda u s-sajd biex wassal ħalli jagħti lil dawk li ħadu fl-aħħar mill-aħħar il-flus biex jagħmlu din iċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali G.A.P (Good Agricultural Practice)? Kien hemm sejħa pubblika? Kien hemm iktar minn interess wieħed għal din il-biċċa tax-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35510, ninfurmah li din l-għajnuna ngħatat fuq perjodu ta’ tlett snin wara li tlett pack houses prinċipali ġew għand il-Gvern ħalli l-Gvern jassistihom jiksbu ċ-ċertifikazzjoni kollha mitluba fl-esportazzjoni tal-patata. Kienu l-pack houses stess li irrikommandaw lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u mhux il-Gvern u dan wara li ġew evalwati il-kompetenzi neċessarji. Tajjeb li jingħad li din l-għajnuna kienet ġiet notifikata lill-iState Aid Monitoring Board skont il-proċedura u l-għajnuna mogħtija ikkwalifikat biex tkun rimborsabbli skont kif speċifikat fil-kuntratt li sar bejn il-partijiet.

Kontijiet pendenti ma' kumpaniji li jagħmlu ċertifikazzjoni tal-patata Maltija

Question

Jikkonferma l-Ministru jekk qattx intalab jintervjeni biex jekk hemm kontijiet pendenti lill-kumpaniji barranin fosthom kumpanija Olandiza N.A.C. li għamlet iċ-ċertifikazzjoni tal-patata maltija għall-esportazzjoni, ma jibqgħux pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35511, nikkonferma li kienet saret talba biex dan il-Ministeru jintervjeni fuq il-kwistjoni li għaliha qiegħed jagħmel referenza l-Onorovoli Interpellant. Il-Ministeru jista’ ukoll jikkonferma li kien għamel ir-rakkomadazzjonijiet biex il-ħlasijiet pendenti jsiru. Nittama li l-Onorevoli Interpellant jifhem li dan hu ftehim bejn terzi u allura ftit jista’ jintervjeni l-Ministeru b’mod dirett. Sadanittant, il-Ministeru beda l-proċeduri biex jirkupra l-fondi li ħareġ il-Gvern jew parti minnhom peress li jidher li l-arranġament li kien intlaħaq bejn it-tlett partijiet (esportaturi, Gvern u l-ATB) ma ġiex milħuq fit-totalità tiegħu.

pontoon mwiegħed fil-marina

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma fiex waslet l-applikazzjoni u f'liema fażi tal-proċess tinsab l-applikazzjoni dwar il-pontoon mwiegħed fil-marina tal-Gżira Gardens lura fl 2010 mill-Ministru Gatt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni.

informazzjoni dwar konsum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33102 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32371, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholes u dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati? Jista' jwieġeb il-partijiet tal-mistoqsija li ma ġewx imwieġba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħal Farruġ — ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sitwazzjoni ambjentali f'Ħal Farruġ qed titħalla daqstant tmur mill-ħażin għall-agħar fejn ukoll minħabba din it-traskuragni qed jippreżentaw ruħhom ċerti perikli? Jista'jghħd x'se jagħmel dwar dawn iċ-ċirkostanzi, fost oħrajn li qed joħolqu sfreġju ambjentali u perikolu għan-nies peress li: a) il-ħaxix ħażin li mhux ikkontrollat u li tiela' wara l-blokki tal-appartament tal-ex servizzi, fejn faċilment, f'dan it-temp ta' sħana kbira, jista' jaqbad u jipperikola l-ħajja ta' għadd ta' familji u wkoll jista' jkun kawża ta' danni fil-proprjetà tagħhom; b) il-fence tal-wire li jdawwar l-area ta' Ħal Farruġ fuq in-naħa ta' Triq Wied in-Noqor, huwa mqatta u li b'konsegwenza qed jidħlu vetturi fuq il-ħamrija wara l-blokki tal-appartamenti C u D fejn diversi drabi l-post jintuża għal atti mhux xierqa fil-pubbliku; ċ) il-playing field tinsab fi stat diżastruż u ta' periklu għat-tfal peress li la teżisti art tar-rubber biex inaqqsu l-periklu għat-tfal meta jaqgħu, iżda agħar minn hekk meta ħaddiema għamlu xogħol fuq il-culverts tad-drenaġġ qrib il-playing field, tħalla gandott perikoluż mal-ġenb u b'konsegwenza għadd ta' vetturi qed jgħaddu mill-għelieqi qrib il-playing field u joħolqu periklu ieħor għat-tfal; d) il-bankijiet li jinsabu wara blokk C jinsabu esposti għax-xemx, flok qegħdin f'post fid-dell, fejn jistgħu jkunu mezz ta' mistrieħ għal kulħadd; e) id-dustbins li hemm fil-playing field huma ta' kull xorta, anke landi taż-żebgħa huma użati, flok reċipjenti addattati b'uħud minnhom f'nofs l-għalqa; f) il-ħitan li jisseparaw l-għelieqi mid-daħla (gate), hemm ħafna ġebel nieqes u oħra qed jinġibdu minn vandali; u g) il-parti tat-triq quddiem blokk A fejn hemm statwa tal-Madonna, saret perikoluża ħafna għaliex hija blind corner u dejqa wisq fejn inbeda ħajt tas-sejjieħ bla permess u anke dan huwa ta' periklu għan-nies? Għaldaqstant jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex mhux biss dawn l-aspetti importanti li qed jagħtu dehra ta' telqa u huma kawża ta' periklu jiġu indirizzati, iżda wkoll affarijiet oħra li qed jolqtu l-ħajja tal-familji f'Ħal Farruġ kuljum? Jekk hemm pjan x'inhu? Meta se jiġi implimentat għaliex is-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nerġa infakkar lill-Onorevoli Interpellant, filwaqt li nirreferiha għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34246, li r-reponsabbiltà għas-sit imsemmi hija tal-kunsill lokali.

Birżebbuġa Bini ta' pitch tal-waterpolo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għall-bini ġdid tal-pitch tal-water polo f'Birżebbuġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa inħarġet is-sejħa għall-offerti mid-Dipertiment tal Kuntratti għall-bini ta’ dan il-pitch liema sejħa għalqet u tinsab fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni. Għaldaqstant mhuwiex opportun li jkunu ppubblikati l-istimi f’dan l-istadju

permessi għal qtugħ ta' siġar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35706, jista' l-Ministru jinvestiga min ta' ordnijiet biex jinqatgħu s-siġar li nqatgħu kif ukoll x'tip ta' siġar inqatgħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li s-sit konċernat jaqa’ fil-konfini li għalih huwa responsabbli l-kunsill lokali. Niġbed l-attenzjoni wkoll li l-protezzjoni bil-liġi tas-siġar huwa skont ir-Regolamenti tal-2011 dwar il-Ħarsien ta’ Siġar u Imsaġar taħt l-Att Dwar L-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 504) u/jew skedati skont termini ta’ artikolu 48 (1) tal-Att diġa imsemmi. Għaldaqstant kull permess meħtieġ kellu jintalab mill-Kunsill Lokali konċernat.