Legislature:
Category:
Reset
Active:

MARAM — Klassifikazzjoni tal-każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew klassifikati, f’termini ta’ riskju, il-każijiet li ddiskuta l-Multi Agency Risk Assessment Meeting Board (MARAM) fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill -Onor. Interpellanta li, il-MARAM jsegwi każijiet li jiġu identifikati bħala f’riskju serju. Dan jiġi identifikat wara li jsir assessjar tar-riskju, permezz ta’ għodda bbażata fuq fatturi ta’ riskju li huma xjentifikament ppruvati li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi serji. Minn Awwissu tas-sena 2024, ir-risk assessment li jintuża inbidel mid-DASH risk assessment għal dak li jissejjaħ id-Danger Assessment (DA). Bl-użu tas-sistema ta’ punteġġ ivvalidata tad-Danger Assessment, il-klassifikazzjoni tar-riskju tista tkun; ·     Periklu Varjabbli (Score ta’ 0-7) ·     Periklu Miżjud (Score ta’ 8-13) ·     Periklu Sever (Score ta’ 14-17) ·     Periklu Estrem (Score ta’ 18+) Mis-sena 2024 sa Settemberu 2025, 266 vittma ġew ikklassifikati bħala f’periklu estrem (Extreme Danger), 242 bħala periklu sever (Severe Danger), 28 f’periklu miżjud (Increased Danger), u 9 f’periklu varjabbli (Variable Danger).

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal - Ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu full-time u part-time ma’ kull dipartiment u/jew entità li taqa’ taħtu matul is-snin 2012, 2013, 2016, 2018, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 30776

Supportline 179 - Telefonati minn barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati minn barranin fuq is-Supportline 179, mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-bażi li fuqha hija mibnija r-relazzjoni ta’ fiduċja li s-servizz tan- National Supportline 179 għandu mal-eluf ta’ persuni li fittxew l-għajnuna tul is-snin kienet, għadha w tibqa’ dejjem l-kunfidenzjalità. Għaldaqstant, l-operaturi tas-servizz ma jistaqsux lil min iċempel għal għajnuna, dwar in-nazzjonalità tiegħu jew tagħha. Dan huwa aktar importanti fil-kas ta’ persuni barranin ħalli ma jħossux, jew ma jibżgħux, li jistgħu jiġu ddiskriminati minħabba l-istess nazzjonalità tagħhom.

MARAM — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Multi Agency Risk Assessment Meeting Board (MARAM) u kemm iddiskuta każijiet fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fl-2024, il-Multi Agency Risk Assessment Meeting (MARAM) iltaqa’ 26 darba, fejn ġew diskussi 576 każ. Minn Jannar 2025 sa Settembru 2025, il-MARAM iltaqa’ 19-il darba u ġew diskussi 348 każ.

Talba għal tnaqqis gradwali ta’ għajnuna soċjali - Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie infurmat li t-talba tiegħu għal tnaqqis gradwali tal-għajnuna soċjali ma ġietx milqugħa, għaliex skont l-ittra mibgħuta lilu fis-26 ta’ Awwissu 2025, dan ma kienx jirċievi għajnuna soċjali, meta skont l-iscreenshot mill-website tas-servizzi soċjali, dan jidher li kien?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jgħaddili d-dettalji tal-persuna ikkonċernata privatament biex id-Dipartiment tkun tista’ tagħmel kuntatt miegħu b’mod personali u tispjegalu s-sitwazzjoni tiegħu.

Fond għal Kawżi Ġusti - Entitajiet li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet li bbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti bejn April u Ġunju tal-2025? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kemm kien l-ammont fi flus li ħadet kull entità, u d-data ta’ meta ħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni għal kull entità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 30657

Fond għal Kawżi Ġusti - Entitajiet li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-entitajiet li bbenefikaw mill-Fond għal Kawżi Ġusti bejn Jannar u Marzu tal-2025? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammont fi flus li ħadet kull entità u d-data ta’ meta ħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni għal kull entità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 30654

Domestic Violence — Lista ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx lista ta’ stennija għal xelters tad-Domestic Violence? Jekk iva, kemm hemm persuni jistennew fuq din il-lista ta’ stennija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li t-tagħrif li qed tistaqsi dwaru jinsab fl-estratt tar-Rapport Statistiku tal-Aġenzija Appoġġ għal Jannar – Ġunju 2025 li ġie ppublikat fl-aħħar ta’ Awwissu 2025 (paġni 52-58), liema Rapport qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra ma’ din it-tweġiba. Ir-Rapport Statistiku sħiħ jinsab f’ din il-ħolqa elettronika: https://fsws.gov.mt/wp-content/uploads/2025/09/APPOGG-half-yearly-report-2025-f-1.pdf Mill- statistika dettaljata li hemm f’ dan l-estratt hawn mehmuż, partikularment Tabella Grafika Nru. 82 f’ paġna 55 tad-dokument, jirriżulta li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija XEJN (NIL).

Domestic Violence — Persuni li kellhom bżonn jidħlu f'xelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kellhom bżonn jidħlu f’xelter tad-Domestic Violence fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Anzjani li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha u li qed jirċievu l-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27525 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li għandhom bejn il-61 sena u l-64 sena li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali u li qed jirċievu l-pensjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa n-numru għal kull sena (jiġifieri 61, 62, 63, 64 sena) u kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Anzjani li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha - Pjan biex jibqħu jaħdmu filwaqt li jirċievu l-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27526 u jgħid xi pjanijiet għandu biex jara li dawk l-anzjani li għalqu l-61 sena u aktar u li ħallsu l-kontribuzzjonijiet kollha tas-sigurtà soċjali jkunu jistgħu jibqgħu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li jirċievu l-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-aħħar Gvern li-ġħolla l-eta tal-irtirar kien Gvern Nazzjonalista bir-riforma li kienet saret fl-2006, kważi 20 sena ilu, meta l-eta’ tal-irtirar kienet żdiedet minn 61 sena għall-irġiel u 60 sena għan-nisa, għal 65 sena għal kulħadd. Tajjeb li nżid iżda li fl-2016 konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jkunu ħallsu biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jekk iridu jirtiraw kmieni, iżda jagħżlu li jkomplu jaħdmu jew ikunu jixtieq jaħdmu, għal kull sena li jkomplu jaħdmu u ma jieħdux il-pensjoni, ikollhom żieda addizzjonali fil-pensjoni. Tali żieda addizzonali illum tista’ titla’ sa 29% tar-rata tal-pensjoni li l-persuna tieħu mal-irtirar.

Child care centres — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet għal għarrieda fiċ-childcare centres? Jekk iva, jista’ jgħid kemm saru spezzjonijiet fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk ma sarux, jista’ jgħid għaliex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea - Sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30130 u jgħid jekk jingħatax sussidju lill-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea u li biex jorqdu jkollhom bżonn iħaddmu l-magna bil-lejl? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-sussidju huwiex marbut mat-test tal-mezzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Benefiċċju tal-Enerġija fuq bażi umanitarja jingħata lil min huwa marid u jagħmel użu minn makkinarju li jikkonsma ħafna enerġija jew lil min jaħli ħafna ilma minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu. Fil-każ ta’ magna li tintuża għall-isleep apnea jirriżulta li din waħidha ma tikkonsmax enerġija eċċessiva u għalhekk l-użu tagħha biss ma’ jintitolax lil persuni għal dan it-tip ta benefiċċju. Madanakollu, xorta jiġi wkoll skrutinizzat l-kont tad-dawl ħalli jaraw il-konsum, għax jista’ jkun li l-pazjent juża makkinarju ieħor minbarra dak imsemmi. F’każi bħal dawn ġieli anke tintbagħat is-social worker sabiex tara l-każ mill-lat soċjali. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal Benefiċċju tal-Enerġija fuq bażi umanitarja huma kif ġej: Kap tal-familja jagħti prova li membru tal-familja jbati minn kundizzjoni medika li teħtieġ użu ta’ ilma u elettriku eċċessiv.  Għaldaqstant id-dokumenti meħtieġa mal-applikazzjoni huma: ·     Kopja tal-aħħar kont tad-Dawl u l-ilma ·     Ċertifikat Mediku dettaljat (Ċertifikat riċenti maħruġ mhux aktar minn sitt (6) xhur qabel). ·     Riċevuta jew Ftehim ta’ Kiri ta’ apparat mediku li qed jintuża (f’każ ta’ Ftehim ta’ Kiri dan m’għandux ikun maħruġ aktar minn sitt (6) xhur qabel). ·     Id-dħul tal-familja huwa inqas minn tletin elf u disa’ mija u ħdax-il ewro (€30,911) fis-sena (Sena Bażi tas-sena preċendenti tal-Applikazzjoni). ·     L-applikazzjoni tiġi riveduta mill-Bord Mediku Konsultattiv maħtur skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) sabiex tittieħed deċiżjoni.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku - Impjegati sospiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-settur ċivili u pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li bħalissa jinsabu sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każijiet kriminali pendenti fil-Qorti kontrihom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Edukazzjoni post-sekondarja - Allowance speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji sabiex ġenituri li wliedhom ikomplu jistudjaw f’livell post-sekondarju, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-allowance speċjali ta’ €500? Jista’ jgħid ukoll għal kemm żmien titħallas din l-allowance?

Response (FALZON, MICHAEL)

Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. Bl-implimentazzjoni tal-miżura mħabbra fil-budget 2024 mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Allowance Speċjali li jingħata lill-ġenituri ta’ studenti li jibqgħu jistudjaw f’livell post-sekondarju kienet mwettqa. Dan bl-għan li tkompli tinċentiva lil dawk l-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw. Il-kriterji ta’ eleġibilita’ huma skont il-punti elenkati hawn taħt: •      Jitħallas lil ġenituri, skont il-kustodji legali, residentif’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn l-aħħar ħames(5) snin, li jkollhom tfal li għadhom jgħixu magħhom u li għandhom bejn sittax (16) u għoxrin (20) sena, imma ma għalqux il-wieħed u għoxrin (21) sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le; •      Jitħallas lil studenti li ma jgħixux mal-ġenituri jew li huma ffosterjati jew jgħixu f’istituzzjoni u residenti f’Malta għall-perjodu ta’ mhux inqas minn l-aħħar ħames (5) snin, liema studenti għandhom bejn sittax (16) u għoxrin(20) sena imma, ma għalqux il-wieħed u għoxrin (21) sena fil-bidu tas-sena skolastika u li jkomplu bl-edukazzjoni full-time f’Malta, kemm jekk jirċievu stipendju jew le; •      Dan il-benefiċċju m’għandux test tal-mezzi għaldaqstant student jista’ ikollu impjieg part-time fil-perjodu li jkun student full-time; u Il-ġenituri ta’ tfal li diġà jirċievu benefiċċji oħra tal-   familja, jistgħu xorta jkunu eliġibbli għal din l-allowance. ·     Ta’ min jgħid li għalkemm l-Allowance hija miftuħa għal studenti ta’ bejn 16 u 20 sena, kemm-il darba student ikun għadu jistudja full-time, jaqbeż l-20 sena u jkun diġà beda jieħu l-allowance qabel għalaq 21 sena, xorta jibqa jitħallas il-pagamenti dovuti sal-massimu ta’ €1,500 fuq 3 snin anke wara li jkun għalaq 21 sena. Inżid li dan l-Allowance jitħallas b’mod awtomatiku sa’ massimu ta’ €1,500 maqsum fuq 3 snin b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Madanakollu, wara li jitħallas dan l-benefiċċju f’Mejju ta’ kull sena, lil dawk intitolati, tinfetaħ applikazzjoni sabiex studenti li jkunu qegħdin isegwu l-istudji tagħhom f’istituzzjoni privata, liċenzjata mill-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja, jew jistudjaw barra f’istituzzjoni akkreditata, ikollhom il-possibilità li japplikaw ukoll.

CoRRS — Adoloxxenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sitt adoloxxenti, li kienu taħt correctional order, tpoġġew fil-CoRRS (Centre of Residential Restorative Services), fl-Imtaħleb?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l- Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva) Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta , f’ Artiklu 19, sub-artiklu 1, sub-inċiż (a) (ii) jagħti s-setgħa lill-Qorti Kompetenti li toħroġ Correctional Care Order għal minuri żgħazagħ li jkollhom diffikulta’ kbira sabiex jgħixu fis-soċjetà minħabba imġieba sfidanti ( challenging behaviour ) li tkun ta’ ħsara detrimentali fuqhom nfushom u jew fuq ħaddieħor. Għaldaqstant, ikun hemm bżonn li jkunu contained f’post sigur sabiex minn hemm jibdew jirċievu t-trattament meħtieġ f’ambjent korrettiv u terapewtiku. Fil-CoRRS jingħataw t-terapija meħtieġa permezz ta’ forensic psychologists li jiġu ingaġġati u liema terapija ma tkunx tista’ taħdem jekk ikunu għadhom kaotiċi. Ta’ min jgħid li dawn huma l-aktar każijiet estremi u eċċezzjonali u li bħalissa sad-data li qed inwieġbu din il-mistoqsija, qed nitkellmu dwar minoranza assoluta ta’ minuri wieħed biss (1) mill-460 persuna protetti b’care order. F’dan il-każ il-minuri ntbagħat hemm wara rikors li sar mill-Caritas li huwa responsabli mit-tmexxija tal-programm tal-Ibwar għax ma kienx qed jikkoppera mal-programm u t-terapija li kien qed jingħata, għaldaqstant, qed nitkellmu dwar l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.

Korrimenti fuq il-post tax-xogħol fis-sena 2024 — Benefiċċju – Persuni li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28874 u jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw minn benefiċċji għax weġġgħu fuq il-post tax-xogħol fis-sena 2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.  Interpellanta li, matul is-sena 2024 ibbenefikaw 1,456 persuna mill-Benefiċċju għall-Korriment fuq il-post tax-xogħol.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30149.

Fond għall-Kawżi Soċjali — Entitajiet li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28853 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm inġabru fondi mill-Fond għall-Kawżi Soċjali? Jista’ jgħid ukoll kif intużaw dawn il-fondi; kemm ibbenefikaw entitajiet u l-ammont li rċevew fl-2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.