Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilitajiet ġodda għall-irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal estensjoni jew żvilupp ta’ marinas jew faċilitajiet ġodda għall-irmiġġi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità qiegħda tkompli tevalwa diversi possibbiltajiet sabiex tiżdied u titjieb il-kapaċità tal-faċilitajiet tal-irmiġġi u tal-marinas fil-portijiet tagħha, bil-għan li tkun tista’ tlaħħaq aħjar mad-domanda preżenti u futura. Fl-istess waqt, fir-rigward taż-żoni tal-irmiġġi amministrati mill-Awtorità, qegħdin jitwettqu u jiġu ppjanati proġetti ta’ riorganizzazzjoni f’diversi bajjiet.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar il-ħtieġa għal aktar spazji ta’ rmiġġ madwar Malta u Għawdex?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-domanda għal spazji ta’ rmiġġ hija monitorjata kontinwament abbażi tal-applikazzjonijiet li tirċievi l-Awtorità. L-għadd ta’ applikazzjonijiet jindika domanda dejjem tikber għal irmiġġi pubbliċi. Għaldaqstant, l-Awtorità tkompli tevalwa l-kapaċità eżistenti u l-possibbiltajiet ta’ riorganizzazzjoni u ottimizzazzjoni taż-żoni tal-irmiġġi f’Malta u Għawdex, bil-għan li, fejn possibbli, jiżdiedu l-faċilitajiet disponibbli sabiex tintlaħaq id-domanda preżenti u futura.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – First Aiders iċċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders iċċertifikati f’kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu bħalissa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm 5 first aiders ċċertifikati fil-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tat appoġġ għall-konferenza “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”, organizzata minn Union Print, li trattat tema li hija ta’ interess pubbliku primarju.

Trasport pubbliku b’xejn

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1200, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm mekkaniżmu li bih tinġabar informazzjoni u data dwar in-nazzjonalità tal-persuni li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data miġbura fil-preżent hija dik meħtieġa għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku mingħajr ħlas. Peress li n-nazzjonalità mhijiex kriterju ta’ eliġibbiltà għal dan is-servizz, f’dan l-istadju ma' saritx tali diskussjoni dwar mekkaniżmu speċifiku għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni.

Port tal-Imġarr – Multi marbuta ma’ veloċità eċċessiva

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1615 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1034, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il multa nħarġet wara solverjar u infurzar fil-Port tal-Imġarr, bis-sistemi msemmija fl-istess tweġiba, minn Jannar 2013 sa Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta twettaq is-sorveljanza u l-infurzar meħtieġ fiż-żoni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, inkluż fil-Port tal-Imġarr. Fejn jiġi identifikat ksur tal-liġijiet jew tar-regolamenti applikabbli, l-Awtorità tieħu l-passi neċessarji skont iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-proċeduri stabbiliti. L-infurzar f’din iż-żona jibqa’ jsir kontinwament, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-utenti u l-osservanza tar-regoli tat-traffiku.

Ħal Qormi/Ħ’Attard - Trejqa Wied is-Sewda - Diżlivellar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1710 u jara li jsir xi tip ta’ lqugħ tul it-triq pubblika bejn it-triq u l-wied fi Trejqa Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard (ritratti annessi), minħabba periklu ta’ diżlivell għal min ikun għaddej f’dik iż-żona?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-Awtorità wettqet evalwazzjoni tas-sit inkwistjoni. Bħalissa għaddejja ħidma sabiex jiġi identifikat is-sid tal-art, biex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu kkoordinati l-passi meħtieġa u jittieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li s-sitwazzjoni f’din iż-żona tiġi indirizzata.

Vetturi liċenzjati għal kull kilometru kwadru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati għal kull kilometru kwadru f’Malta u kif din iċ-ċifra titqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Vetturi ġodda reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati vetturi ġodda mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-kategorija tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Il-problema tat-traffiku – Diskussjonijiet fil-Kabinett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Kabinett iddiskuta formalment il-problema tat-traffiku matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet fil-Kabinett huma ta’ natura kunfidenzjali u l-kunfidenzjalità tagħhom hija mħarsa bl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496).

L-Istrateġija Malta in Motion

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Istrateġija Malta in Motion hix qed tissostitwixxi n-National Transport Master Plan 2030 jew jekk hijiex strateġija addizzjonali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illii n- National Transport Master Plan qiegħed jistabbilixxi l-prijoritajiet li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp tas-settur tat-trasport sal-2030, filwaqt li l-pjan Malta in Motion jifforma parti mill-istess qafas ta’ ħidma u huwa msiejjes mill-istess direzzjoni politika. Għaldaqstant, Malta in Motion mhijiex strateġija separata u lanqas hija maħsuba biex tissostitwixxi l- Master Plan ; hija parti mill-istess proċess ta’ implimentazzjoni, li permezz tiegħu il-Gvern qed imexxi ’l quddiem l-investiment u l-miżuri meħtieġa sabiex is-sistema tat-trasport tkompli tiżvilupa b’mod aktar koordinat, effiċjenti u sostenibbli.

L-Istrateġija Malta in Motion – Pjan ta’ implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ implimentazzjoni u t-timeline tal-Malta in Motion Strategy?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

National Transport Master Plan 2030 – Rakkomandazzjonijiet implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema rakkomandazzjonijiet tan-National Transport Master Plan 2030 ġew implimentati, liema għadhom pendenti u liema ġew abbandunati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n- National Transport Masterplan ġie mniedi f'Jannar 2026 u jistabbilixxi qafas ta' implimentazzjoni sal-2030. Minn dak iż-żmien 'l hawn, bdiet il-ħidma fuq numru ta' miżuri u inizjattivi previsti fil-pjan, li jinsabu fi stadji differenti ta' żvilupp u implimentazzjoni.

L-Imġarr, Għawdex – Terminal tal-fast ferry – Struttura permanenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 451 u jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex flok it-tined li hemm fit-terminal tal-fast ferry f'Għawdex, issir struttura permanenti li verament isservi ta' kenn fl-istaġuni kollha u jekk iva, meta se tkun lesta tali struttura?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 551. Ix-xogħlijiet fuq iż-żewġ canopies issa għaddew għall-fażi li jmiss, li tinkludi l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl kif ukoll xogħlijiet addizzjonali sabiex jiżdied il-kenn u jiġi assigurat li l-passiġġieri jkunu protetti aħjar mill-elementi.

Liċenzji tal-muturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sewwieqa li għandhom liċenzja tal-mutur u jaqsam din l-informazzjoni skont liema kategorija hija? Jista’ jgħid ukoll jekk hux ippjanat li jsir iktar inkoraġġament biex jintużaw iktar muturi u roti elettriċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ sewwieqa li, sal-aħħar ta’ Mejju 2026, kellhom liċenzja valida li tippermettilhom isuqu muturi skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.18, maqsum skont il-kategorija, huwa kif ġej: Kategorija Għadd ta’ Sewwieqa A 30,503 A1 33,839 A2 31,190 AM 324,585

Karozzi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu karozzi ġodda matul is-snin 2023, 2024, 2025 u matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għadd ta’ vetturi ġodda rreġistrati matul is-snin indikati qed jingħata fit-tabella hawn taħt: Sena Għadd ta’ vetturi ġodda 2023 14,674 2024 13,175 2025 12,976 Sa Mejju 2026 5,942

Dgħajjes abbandunati jew mhux identifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm dgħajjes abbandunati jew mhux identifikati f’żoni ta’ rmiġġ pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għandha proċeduri ta’ infurzar sabiex bastimenti jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, assigurazzjoni u identifikazzjoni stabbiliti mil-liġi. Fejn jiġi identifikat jew irrappurtat bastiment abbandunat, l-Awtorità tikkuntattja lis-sid biex jirregolarizza s-sitwazzjoni. Fin-nuqqas ta’ azzjoni, l-Awtorità tista’ tipproċedi bit-tneħħija tal-bastiment bl-ispejjeż għas-sid.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il azzjoni ta’ infurzar ittieħdet fir-rigward ta’: (i) irmiġġi illegali; (ii) abbuż ta’ spazju pubbliku marittimu; u (iii) dgħajjes abbandunati?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Irmiġġi għad-dgħajjes – Trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti jew ilmenti dwar trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat ta’ rmiġġi matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul il-perjodu bejn Frar u Mejju 2026, l-Awtorità ma rċeviet l-ebda rapport jew ilment dwar trasferiment illegali jew kiri mhux awtorizzat ta’ rmiġġi. L-Awtorità tibqa’ ssegwi u tinvestiga kull rapport li jista’ jiġi riferut lilha sabiex jkun assigurat li l-użu u l-allokazzjoni tal-irmiġġi jsiru skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli.