Persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea — Sussidju
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30009 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u tgħid jekk jingħatax sussidju lill-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea u li biex jorqdu jkollhom bżonn iħaddmu l-magna bil-lejl? Jekk iva, tista’ tgħid jekk dan is-sussidju huwiex marbut mat-test tal-mezzi?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Rigali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23958 fejn intqal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, tista’ l-Ministru tgħid kemm qalgħet rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulha?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika tifkiriet li waslu għand dan il-Ministeru kienu maħduma minn persuni b’diżabilità jew mogħtija mill-għaqdiet volontarji li tkun saret żjara uffiċjali għandhom jew li jkunu ġew fi żjara fil-Ministeru. Dawn il-mementos ikunu ngħataw bħala tifkira ta’ dik l-istess żjara.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tagħha matul it-tieni nofs tal-2025? Tista’ tgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat m’għandu l-ebda direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni matul it-tieni nofs tas-sena 2025 u għalhekk m’għandu l-ebda direttiva li għadha pendenti.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Sindki u Kunsilliera
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tagħha, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Tista’ tgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li hemm impjegat wieħed (1) fil-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħti li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsill Lokali.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Tista’ tgħid ukoll liema laqgħat hija mistennija li tattendi fit-tieni nofs tal-2025?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel nofs tas-sena 2025 attendejt għas-Summit Dinji tad-Diżabilità f’Berlin, organizzat mill-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Ġordan flimkien mal-International Disability Alliance.
Ninfurmah ukoll li matul il-ħames xhur li ġejjin tas-sena 2025, mhux mistenni li jkolli attendenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Ewropa.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Impjegati full-time u part-time
Question
Tista’ l-Ministru tagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tagħha, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninsab infurmata li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 661-il ħaddiem li jaħdmu full-time u 66-il ħaddiem part-time.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23941, tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tagħha fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?
Ħlas għal terapija — Appoġġ finanzjarju għall-ġenituri
Question
Fid-dawl li ħafna ġenituri qed ikollhom iħallsu għal terapiji għal uliedhom peress li dawn l-istess terapiji mhux qed jiġu provduti fl-iskola, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser ikun hemm xi tip ta’ appoġġ finanzjarju għal dawn il-ġenituri? Jekk iva, jista’ tgħid x’ser ikun dan l-appoġġ finanzjarju?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern jagħraf id-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, inklużi dawk imsemmija mill-Onorevoli stess.
Kien għalhekk li fid-diskors tal-Budget 2023 tħabbret l-Iskema ta’ Kreditu fuq it-Taxxa marbuta ma’ Terapiji. Din l-iskema kienet tipprovdi rifużjoni ta’ €200 fi kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul tal-2023, lill-ġenituri li jħallsu għal terapiji privati għal uliedhom. L-uniċi kundizzjonijiet kienu li t-tfal ikunu rreġistrati bħala persuni b’diżabilità u għaldaqstant ikollhom il-Karta Ewropea tad-Diżabilità, ikunu taħt is-17-il sena, u li t-terapiji jkunu pprovduti minn terapisti li għandhom warrant jew li huma liċenzjati, skont il-linji gwida maħruġa flimkien mal-iskema.
Minn din l-iskema bbenefikaw 203 familja, b’total ta’ €39,530 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
Fl-2024, din l-iskema ġiet imsaħħa permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ kreditu għal €500 għal kull wild. Bħala riżultat, ibbenefikaw minnha 372 familja, b’total ta’ €172,083 fi kreditu fuq it-taxxa tad-dħul.
Il-Gvern, b’mod proattiv, kompla jsaħħaħ l-għajnuna fl-2025 billi żied l-appoġġ lill-ġenituri biex itaffi l-piż finanzjarju relatat ma’ dawn l-ispejjeż u biex l-għajnuna tilħaq lill-ġenituri kollha. Għal dan il-għan, il-benefiċċju żdied għal €750 għal kull wild, u l-iskema ġiet mibdula minn kreditu fuq it-taxxa tad-dħul għal pagament dirett. Dan sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll il-ġenituri bi dħul baxx li ma jħallsux ħafna taxxa, kif ukoll biex il-pagament isir f’perjodu ħafna iqsar.
Għaldaqstant, minn din is-sena daħlet fis-seħħ l-Iskema tar-Rifużjoni ta’ Spejjeż għal Terapija. Permezz tagħha, il-ġenituri jirċievu ċekk maħruġ direttament mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Ta’ min jinnota li l-ġenituri għandhom l-għażla li jibgħatu l-irċevuti u d-dokumentazzjoni meħtieġa matul is-sena, u l-Kummissjoni toħroġ ċekk kull kwart. Dan il-mekkaniżmu jgħin biex jittaffa l-piż finanzjarju fuq il-familji, b’aktar flus f’idejn il-ġenituri u mingħajr il-ħtieġa li jżommu l-irċevuti kollha sal-aħħar tas-sena, u mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew sas-sena ta’ wara biex jirċievu r-rifużjoni fuq it-taxxa. Din is-sitwazzjoni, f’ċerti każijiet kienet tfisser li xi familji ma kinux jibbenefikaw minħabba nuqqas ta’ dħul.
Matul din is-sena, sal-aħħar ta’ Marzu, il-Kummissjoni ħarġet €14,846 f’ċekkijiet lil 44 familja, filwaqt għat-tieni kwart tas-sena ser jinħarġu €40,638 f’ċekkijiet lil 94 familja.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Tista’ tgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat huma impjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-allokazzjonijiet tal-baġit u l-pjanijiet:
i. għar-reklutaġġ ta’ Behavioural Therapists;
ii. għaż-żieda ta’ Speech Therapists u speċjalisti tal-komunikazzjoni; u
iii. għat-titjib tal-infrastruttura fiżika u l-ambjenti terapewtiċi?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid liema qafas jeżisti biex jitkejjel l-impatt edukattiv, emozzjonali u finanzjarju fit-tul tal-investiment f’sistema edukattiva inklużiva u b’riżorsi tajbin għaż-żgħażagħ b’diżabilità intellettwali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
L-Iskola Guardian Angel — Studenti li spiċċaw il-ħdax-il sena
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ser jittieħdu biex tiġi assigurata l-way forward għal dawk l-istudenti li spiċċaw il-ħdax-il sena fl-Iskola Guardian Angel? X’soluzzjonijiet qed jiġu kkunsidrati biex il-ġenituri ta’ dawn l-istudenti jkollhom moħħhom mistrieħ dwar il-futur ta’ uliedhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — President Kunsill tal-Iskola
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-Ministeru naqas milli jaħtar President tal-Kunsill tal-Iskola għaċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, skont l-obbligu legali tiegħu? Tista’ tgħid ukoll x’passi ttieħdu biex jiġi żgurat li dan ma jerġax jiġri?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex tiġi żgurata rappreżentanza tal-istudenti fil-Kunsill tal-Iskola taċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, speċjalment għaż-żgħażagħ li ma jitkellmux?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ċentru ta’ Riżorsi Guardian Angel — Involviment tal-ġenituri u tal-professjonisti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex jiġi garantit l-involviment tal-ġenituri u tal-professjonisti fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Remote working - teleworking
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 164 ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working.
Studenti b’diżabilità intellettwali u multipla – Taħriġ għat-tuturi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet strutturati biex jiġi żgurat li t-tuturi jirċievu taħriġ għal żvilupp professjonali regolari u speċjalizzat biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-istudenti b’diżabilità intellettwali u multipla? Jekk iva, tista’ tgħid x’inhuma dawn il-pjanijiet?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li ċ-Ċentri tar-Riżorsi huma segregati b’mod li t-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu fihom ma jitħallewx jaqsmu l-bitħa u jitħalltu ma’ studenti oħrajn?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.