Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna fil-mument qiegħda tuża s-servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sad-data tat-tweġiba kien hemm 416-il klijent li għamel użu mis-servizzi pprovduti minn Sonia Tanti Independent Living Centre. Dawn jinkludu servizz ta’ assessjar għal siġġu tar-roti, assessjar għal sewqan b’modifikazzjonijiet, u lezzjonijiet tas-sewqan mill-Adaptive Driving Motoring School (L527).

Tibdil ta’ logo ta’ diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex tindirizza l-logo tad-diżabilità peress li jeżistu abilitajiet differenti? Għaliex nitkellmu fuq Inklużjoni soċjali, madankollu l-logo jibqa’ dak ta’ siġġu tar-roti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-logo ser jiġi indirizzat fis-sena 2023, kif titlob ukoll ‘Libertà li Tgħix’, l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, fl-Azzjoni 4.9 tagħha. Ser nimxu lil hinn minn kunċett illi jkopri sempliċement aspett wieħed tar-realtà tad-diżabilità, biex minflok, kif titlob ukoll l-Istrateġija, jintuża kunċett illi jesprimi b’mod aħjar id-diversità konnessa ma’ din ir-realtà, fl-ispirtu tal-Inklużjoni.

CDAU – early interventions

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir minħabba nuqqas ta’ riżorsi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), speċjalment fejn jidħlu early interventions?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Psychological report lill-ġenituri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex konxja minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — karozzi elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru, m’għandhomx karozzi tal-elettriku li huma leased.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali

Question

Tista’ l-Ministru ssemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tagħha, mill-2013 'il hawn?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 sal-lum, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità xtrat is-servizzi ta' Jon Mallia għal total ta' €10,466.60 (VAT inkluż), u Take2 Ltd għal total ta' €5,798.50 (VAT inkluż), skont it-tabelli provduti hawn isfel. Ma sarux pagamenti u/jew sponsorships lill-persuni jew kumpaniji msemmija separatament mill-Ministeru u/jew xi entità oħra li taqa’ taħt dan il-portafoll. Jon Mallia Data tal-ħlas Dettalji Ammont 2018 Ħolqien u preżentazzjoni ta' scripts għall-produzzjoni 'Fi Kliemna' €3,056.20 2020 Workshops għal 'Fi Kliemna' €1,746.40 2020 Kitba ta' żewġ scripts għal 'Fi Kliemna' €2,950.00 2020 Workshops għall-produzzjoni 'Fi Kliemna' €778.80 2021 Kitba mill-ġdid tal-iscript 'Kull deni ħudu b'ġid' €1,085.60 2021 Rehearsels għall-produzzjoni 'Kull deni ħudu b'ġid' €849.60 Take2 Ltd Data tal-ħlas Dettalji Ammont 2020 Filming ta' trailer €413.00 2020 Filming dwar il-Lingwa tas-Sinjali €265.50 2022 Produzzjoni ta' film qasir €5,120.00

Direttiva (UE) Nru. 2020/1828 – bdil leġiżlattiv

Question

B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika li ħarġet fil-11 ta’ Novembru, 2022 dwar il-bdil leġiżlattiv li qed jiġi propost biex tiġi trasposta d-Direttiva (UE) Numru 2020/1828, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn għal finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, qed jiġi propost li dan isir tramite Att ġdid imsejjaħ l-Att tal-2022 dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi minflok li jiġi meqjus li t-traspożizzjoni ssir tramite emendi għall-Att dwar Proċedimenti Kollettivi, Kap. 520 – liġi fejn diġà hemm il-qafas għax-xorta ta’ azzjonijiet kontemplati fl-imsemmija Direttiva?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għan ewlieni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (EU/2020/1828) huwa li jiġi żgurat li f’kull Stat Membru jkun hemm mekkaniżmu proċedurali effettiv u effiċjenti għal azzjonijiet rappreżentattivi u tapplika għal ksur domestiku u anke transkonfinali tal-leġiżlazzjonijiet imsemmija fl-Anness tad-Direttiva. Għaldaqstant din id-Direttiva tittratta speċifikament azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn konsumaturi, u ma tinkludix fiha l-liġi tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-premess, u anke peress li l-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi (Kap. 520) japplika wkoll għal proċeduri istitwiti minn ‘Korpi Kostitwiti’ li ma jirrappreżentawx konsumaturi, id-Direttiva ġiet trasposta f’Att separat u ġdid, u l-Kap. 520 jibqa’ fis-seħħ, iżda ħa jibqa’ japplika biss għall-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – ħaddiema barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tagħha? Jekk iva, kemm hemm?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport timpjega ħdax (11)-il impjegat barrani filwaqt li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur timpjega ħames (5) impjegati barranin. Il-Ministeru, dipartimenti u l-bqija tal-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru, ma jħaddmux impjegati barranin.

MCCAA — Ħaddiema li telqu

Question

Tista’ l-Ministru telenka kemm staff ta’ grad professjonali telqu minn mal-MCCAA xahar b’xahar mill-2020 s’issa? F’kull każ tista’ tgħid jekk saritx sejħa għal replacement, kemm dam il-proċess u x’kien l-eżitu finali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din li ġejja hija l-lista ta’ impjegati li rriżenjaw mill-Awtorità, kif ukoll id-dettalji biex jinstab replacement. Date since position was vacant Position Replacement of Position Apr-20 1 COO No - Position of COO was abolished Jun-20 1 Professional Officer Yes - Replaced on April 2022 Nov-20 1 Professional Officer Yes - Replaced on October 2021 Dec-20 1 Professional Officer No - Transferred to another entity, along with duties portfolio. Dec-21 1 Professional Officer Yes - Replacement in progress Jan-22 1 Professional Officer Yes - Replaced on December 2021 Mar-22 1 Professional Officer Yes - Replaced on April 2022 Mar-22 1 Director Yes - Replaced on July 2022 Jun-22 1 Manager Yes - Replacement in progress Nov-22 1 Professional Officer Yes - Replacement in progress

Aġenzija Sapport – ħaddiema Support Workers

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm l-Aġenzija Sapport tħaddem persuni u kemm hemm minnhom li jaħdmu bħala support workers? Tista’ tagħti tagħrif dwar jekk is-support workers u dawk li jaħdmu direttament mar-residenti, jingħatawx taħriġ kontinwu matul is-snin u x’tip ta’ taħriġ jingħataw?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan l-Aġenzija Sapport hemm 623 impjegat li sad-data tat-tweġiba, 428 minnhom huma fil-grad ta’ support worker. L-impjegati kollha jingħataw taħriġ skont il-bżonnijiet li jkunu ġew identifikati. Fir-rigward ta’ support workers u professjonisti li jaħdmu direttament tal-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Aġenzija, hemm taħriġ obbligatorju bħal First Aid, Food Handling, Mental Health First Aid u firxa wiegħsa ta’ taħriġ speċjalizzat ieħor, bħal dawk elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt. Id-Dipartiment tar-Rizorsi Umani jikkordina dan it-taħrig u jimplimenta l-iskeda ta’ korsijiet li jkunu ġew identifikati wara li tkun saret analiżi ta’ x’taħriġ wieħed għandu bżonn (training gap analysis). L-Aġenzija tassisti wkoll lil dawk l-impjegati li jkomplu jistudjaw permezz ta’ study leave u toħroġ wkoll sejħiet għal sponsorship għal korsijiet akkreditati bħal dawk organizzati mid-Dipartiment tal-Istudju dwar id-Diżabilità fl-Università ta’ Malta. Taħriġ ieħor jinkludi: Autism and Spell Framework Programme for New Support Workers Self-Advocacy Training Award in Planning and Organisation Skills Supervision and Leadership Training Induction Training Training on Addiction IT Training Course on Sex Education Epilepsy Training Training on Bullying Developing Emotional Resilience Award in Occupational Health and Safety Psychiatric Medication Training Non-Abusive Psychological and Physical Intervention Training (NAPPI) Active Support and Positive Behaviour Support National Strategy on Disability Training

Servizzi ta' terapija għal persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema servizzi ta' terapija jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll kemm hemm persuni b'diżabilità li qegħdin effettivament jibbenefikaw minn kull wieħed minn dawn is-servizzi u kemm hi l-waiting list għal kull servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. (Korezzjoni: Ara Dokument PL 929 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 58, tat-22 ta' Novembru 2022)

Aġenzija Sapport – Djar fil-Komunità għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm huma u liema huma d-djar fil-komunità għal persuni b'diżabilità f'Malta u Għawdex? Minn dawn id-djar fil-komunità liema huma dawk amministrati mill-Aġenzija Sapport u liema huma dawk li l-Gvern joffri għajnuna finanzjarja biex dawn ikunu jistgħu jitħaddmu? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm żieda fin-numru ta' dawn id-djar fil-komunità? Jekk iva kemm ser jiżdiedu u fejn hu mistenni li dawn jiżdiedu? Kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilità li jagħmlu użu minn kull waħda minn dawn id-djar fil-komunità? Tista' tinforma kemm huma dawk il-persuni b'diżabilità li qegħdin fuq il-waiting list tal-Aġenzija Sapport biex jidħlu f'waħda minn dawn id-djar fil-komunità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tmexxi 11-il dar residenzjali fil-komunità għal persuni b’diżabilità. Dawn huma: Dar Lokalità Immexxija minn Numru ta’ persuni b’diżabilit à Ġiżimina Żurrieq Aġenzija Sapport 5 Dar Warda Pembroke Aġenzija Sapport 4 Dar Ave Maria Marsa Aġenzija Sapport 3 Dar Iris Żabbar Aġenzija Sapport 7 Appartament Fgura Aġenzija Sapport 3 Appartament Kirkop Aġenzija Sapport 3 Appartament Birżebbuġa Aġenzija Sapport 4 Villino Maria Mtarfa Aġenzija Sapport 8 Dar Andrew Bormla Aġenzija Sapport 6 Orkidea Siġġiewi Aġenzija Sapport 3 Dar il-Fjuri Rabat, Għawdex Aġenzija Sapport 10 Dawn minbarra 13-il residenza oħra mmexxija minn entitajiet mhux governattivi li magħhom hemm ftehim fis-seħħ għal servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità. Dawn huma: Dar Lokalità Immexxija minn Numru ta’ persuni b’diżabilit à li qed jibbenefikaw mill-ftehim Dar Bjorn Ħal-Qormi ALS Malta Foundation 13 Dar il-Ġublew tal-Ħniena Għajnsielem Għawdex Fondazzjoni Arka 5 Dar Madonna ta’ Pinu Għajnsielem Għawdex Fondazzjoni Arka 5 Dar Arka Għajnsielem Għawdex Fondazzjoni Arka 15 Dar Nazareth iż-Żejtun Fondazzjoni Nazareth 10 Dar l-Arċipriet Degabriele iż-Żejtun Fondazzjoni Nazareth 10 Dar Madre Tereża iż-Żejtun Fondazzjoni Nazareth 10 Dar il-Wens il-Kalkara Fondazzjoni Wens 23 Dar l-Abilità il-Kalkara Fondazzjoni Wens 4 Dar Merħba il-Fgura Fondazzjoni Wens 16 Dar l-Akkwarell il-Qawra Dar tal-Providenza 2 Dar Pirotta B’Kara Dar tal-Providenza 10 Dar Shalom iż-Żurrieq Dar tal-Providenza 5 21 persuna b’diżabilità jirċievu servizz ta’ long-term respite minn Casa Apap Bologna u 5 oħra minn Casal Paola, it-tnejn immexxija minn Ħila Homes Ltd, bi ftehim ma’ Aġenzija Sapport. Hemm 81 persuna b’diżabilità li jinsabu fuq lista ta’ stennija biex jidħlu f’residenza. Dawn jiġu segwiti minn professjonisti waqt li jiġi diskuss xi pjanijiet oħra jistgħu jiġu offruti li jkunu skont Artiklu 19 tal-Konvenzjoni tal-UNCRPD u l-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Aġenzija Sapport hi kommessa li timxi mal-prinċipji tal-Konvenzjoni biex b’hekk jissaħħu s-servizzi fil-komunità u jiġi implimentat il-pjan ta’ deinstitutionalisation. Fil-preżent għaddejja ħidma fuq proġett biex jinfetħu 3 idjar oħra fil-komunità li ser ikunu mmexxija mill-Aġenzija Sapport. Dawn jinsabu fil-Qrendi, Ħal Kirkop u waħda f’Ħad-Dingli (F’dan ir-rigward, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi wkoll għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 3638).

Webinars dwar id-Diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tindika kemm saru webinars dwar id-diżabilità mill-2019 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Dwar xiex kienu jikkonsistu dawn il-webinars?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità organizzat 11-il webinar mill-2019 sal-lum, b’dettalji ta’ kull wieħed kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-istess ħin l-Aġenzija Sapport ikkordinat u wasslet 22 webinar mill-2019 sad-data tat-tweġiba. Dawn kienu jikkonsistu fi 11 dwar mezzi u programmi differenti ta’ teknoloġija assistiva u 11 oħrajn dwar sapport lill-ġenituri u familjari ta’ persuni b’diżabilità. Id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) matul dan il-perjodu organizza side-event waqt l-14-il Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) għall-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li saret virtwalment fis-17 ta' Ġunju tal-2021, bit-titlu “Freedom to Live: Malta's Path to 2030, How can a National Disability Strategy contribute towards implementing the CRPD and SDGs?” .

Settur tad-diżabilità – aktar vuċi lill-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tindika x’qiegħed isir sabiex il-persuni b’diżabilità jkollhom aktar vuċi b’saħħitha dwar is-settur tad-diżabilità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenżija Sapport qed taħdem biex tagħmel kumitat konsultattiv mas-service users, kif ukoll ikomplu jżommu kuntatt kontinwu mal-għaqdiet non-governattivi li jaħdmu fil-qasam. Filwaqt li d-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) speċifikament iħares lejn l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) (Kapitolu 627 tal-Liġijiet ta' Malta), li għadda f'Lulju tal-2021, introduċa, permezz tal-artikolu 6 tiegħu, u fit-termini tal-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni UNCRPD, l-ENGAGE, forum parteċipattiv fi ħdan id-DDI, li jlaqqa' flimkien persuni b'diżabilità, il-federazzjoni nazzjonali tad-diżabilità, u rappreżentanti tas-CRPD bħala regolatur settorjali, u tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta' Malta, li fiha jinsab id-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, bħala kumitat permanenti biex jiddiskuti leġiżlazzjoni, strateġiji u politiċi fil-futur. Ir-Regolamenti tal-2022 dwar l-ENGAGE (L.S. 627.02) ġew approvati reċentement mill-Kabinett f'dan ir-rigward, fit-termini tal-artikolu 6 tal-Att, u l-forum għandu jibda jopera fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità hija kommessa li tkompli ssaħħaħ il-vuċijiet tal-persuni b’diżabilità. Fil-fatt b’mod kontinwu l-persuni b’diżabilità huma inklużi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kummissjoni, permezz ta’ appointments li jsiru minn żmien għal żmien fuq bordijiet ta’ entitajiet varji fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, f’kampanji li jkollna kontinwament biex inkomplu nqajmu għarfien fis-soċjetà Maltija u Għawdxija, u f’inizjattivi partikolari. Fost l-inizjattivi, fis-sena 2021 is-CRPD flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ ħolqot Forum għal Żgħażagħ b’Diżabilità sabiex ikollhom spazju fejn jissaħħu bħala attivisti filwaqt li jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet nazzjonali. Fil-ġimgħat li għaddew ħarġet u ngħalqet is-sejħa għat-tieni grupp ta’ żgħażagħ li se jkunu parteċipi f’dan il-forum. Intant, għall-ewwel darba s-CRPD organizzat serje ta’ fora għal NGOs fis-settur tad-diżabilità li għandhom l-irwol ta’ advocacy, bit-tema “Vuċi aktar b’saħħtu għad-Diżabilità”. Matul is-sena 2022, ġew organizzati tliet fora fejn l-għaqdiet kellhom l-opportunità jitkellmu dwar l-isfidi li jiffaċċjaw fis-settur, kif ukoll jiddiskutu opportunitajiet u ideat li bihom jistgħu jikkollaboraw flimkien. F’dawn il-fora, is-CRPD ikkollaborat mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u Servizzi Ewropej Malta (SEM). Għas-sena 2023, is-CRPD qiegħda tesplora kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra, sabiex tilħaq lil persuni b’diżabilità fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex, u tqajjem aktar kuxjenza dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u modi ta’ kif wieħed jista’ jirrapporta diskriminazzjoni u jsib rimedju.

Mtarfa Day Centre – xogħlijiet ta’ rinnovar u estensjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3637 dwar xogħlijiet ta’ rinnovar u l-estensjoni tal-Imtarfa Day Centre għall-persuni b'diżabilità, tista’ l-Ministru tgħid fiex intefqu l-€214,000 imsemmija? Meta hu mistenni li jibda u jitlesta ċ-ċint mal-periferija għal aktar sigurtà? Matul l-2022 kemm kienet in-nefqa fuq xogħol ieħor ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħrajn taċ-ċentru u kemm hi stmata li tkun nefqa simili sal-aħħar tal-2022 u matul l-2023, b’mod separat għal kull perjodu? S’issa kemm intefaq f'dan l-istess ċentru għal dawn ix-xogħlijiet? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li twettqu jew li se jitwettqu matul l-2022? X’inhuma r-raġunijiet għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intefaq matul l-2022? Kemm hu maħsub li jkun il-valur totali tax-xogħlijiet li se jitwettqu matul l-2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-€214,000 imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3637 koprew spejjeż marbuta ma’: § Twaqqigħ ta’ binja § Skavar tas-sit § Xogħol marbut mal-preparazzjoni ta’ pjanti u permessi § Spejjeż ta’ professjonisti § Studji arkeoloġiċi u monitoraġġ § Saħħa u sigurtà § Tindif tas-sit u ġarr ta’ materjal Ix-xogħlijiet fuq iċ-ċint mal-periferija hu mistenni jibda ladarba jispiċċa l-proċess kollu konness mal-aġġudikar u l-approvazzjoni tat-tender. Xogħlijiet oħra ta’ rinovazzjoni f’partijiet oħrajn taċ-ċentru fl-2022 apparti dan il-proġett u dawk proġettati għas-sena 2023 huma kif imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3657. Id-diskrepanza bejn il-valur tal-flus ivvutati għas-sena 2022 u dak li mistenni jintefaq hi riżultat tal-waqfa fix-xogħlijiet, sabiex jiġu diskussi pjanti ġodda wara li nstabu fdalijiet ta’ wirt storiku, kif innutat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3637.

Ħad-Dingli – Proġett ta’ dar residenzjali għall-persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3638 dwar il-proġett ta' dar residenzjali għal persuni b'diżabilità adulti f’Ħad-Dingli, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm mill-Baġit allokat għal din is-sena għal dan il-post intefaq matul l-2022 u fiex intefaq? Tista' tgħid kemm hu maħsub li jkun il-valur tax-xogħlijiet inkluż servizzi li se jitwettqu matul l-2022 u fiex inhu maħsub li dan il-valur se jkun intefaq? X'inhi r-raġuni għad-diskrepanza bejn il-valur li kien budgeted għall-2022 u l-valur totali li fil-fatt hu maħsub li jkun intefaq matul l-2022?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-baġit allokat għall-proġett ta’ dar residenzjali f’Ħad-Dingli fl-2022 intefqu €19,639. Dawn kienu spejjeż marbuta ma’ xogħol meħtieġ għall-preparazzjoni ta’ pjanti u sottomissjoni tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3638, ix-xogħlijiet jibdew ladarba titlesta l-fażi tal-abbozzar, pubblikazzjoni u għotja tat-tenders wara li joħorġu l-permessi meħtieġa u għalhekk mhux proġettat li jkun hemm l-ebda nefqa oħra sal-aħħar tal-2022.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — inkarigu tal-Permanet Secretary

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi d-data tal-inkarigu tal-Permanent Secretary li hemm fil-Ministeru tagħha rispettivament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-profil tas-Segretarju Permanenti fi ħdan dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm ġew trasferiti impjegati li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li issa qed jaħdmu mal-gvern/fis-settur pubbliku, f’entità jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tindika x’salarju għandhom dawn l-impjegati? Tista’ tindika wkoll il-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn l-impjegati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-PQ 3391.

Skema ta' aċċessibilità għall-każini tal-banda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif titħaddem l-iskema ta' aċċessibilità tal-każini tal-banda? Tista' tgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskema tiġi estiża wkoll għal każini oħra?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema Soċjetajiet Mużikali aktar inklussivi tinfetaħ darba fis-sena. Jistgħu japplikaw għal din l-iskema soċjetajiet mużikali li huma konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji kif ukoll membri mal-Għaqda Soċjetà mużikali li huma eliġibbli skont it-termini u kundizzjonijiet tal-iskema. Din is-sena l-iskema tnediet fl-14 ta’ Ġunju u bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni biex jintgħażlu l-proġetti rebbieħa.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux lista waħda li fiha hemm imniżżla l-persuni kollha li għandhom xi tip ta' diżabilità? Tista' tgħid jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar in-numru ta' persuni b'diżabilità li hawn f'Malta u Għawdex? Jekk iva, tista' tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li huma magħrufa li għandhom diżabilità u tagħti tagħrif dwar kif din il-lista tiġi aġġornata minn żmien għal żmien? Kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom blue sticker f'pajjiżna u f'liema lokalità huma rreġistrati li joqogħdu lokalità b'lokalità? Kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom European Disability Card f'pajjiżna u f'liema lokalità huma rreġistrati li joqogħdu lokalità b'lokalità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li lista speċifika kif mitluba ma teżistix, anke għax il-firxa wiesgħa ta’ benefiċċji relatati mal-persuni b’diżabilità huma mqassmin fi skemi, direttorati u entitajiet differenti fi ħdan Ministeri differenti. Minkejja dan, fejn jidħol id-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 23,817 persuna li għandhom EU Disability Card li minnhom, 13,412 persuna għandhom il-Blue Badge. Tajjeb li wieħed jinnota li benefiċċju ma jeskludix lill-ieħor u dan japplika fejn jidħlu benefiċċji oħrajn li jinħarġu mill-Ministeri l-oħrajn involuti. Li hu żgur hu li llum, u issa anke bil-miżuri mħabbrin fil-Baġit għall-2023, qed tingħata jew tiġi offruta l-akbar għajnuna lill-persuni b’diżabilità.