Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom meta mqabbel mal-irġiel?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 624, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 kien hemm 19,666 nisa li jaħdmu part-time bħala l-impjieg prinċipali waqt li irġiel kien hemm 17,470. L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.

Nisa li jaħdmu part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time meta mqabbel mal-irġiel?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 623, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta` April 2026 in-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time (dawk li għandhom part-time bħala impjieg ewlieni tagħhom u dawk li għandhom part-time u għandhom impjieg ieħor full-time) kien jammonta għal 37,776 waqt li n-numru tal-irġiel kien jammonta għal 51,195. L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2026.

Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2026?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Jobsplus – Impjieg ta’ persuni b’diżabilità – Skemi u għajnuniet finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-iskemi u għajnuniet finanzjarji kollha li Jobsplus joffru lill-employers sabiex jinkoraġġixxu l-impjieg ta' persuni b'diżabilità u għal kull waħda minnhom jindika: i.    id-data tat-tnedija tal-iskema jew miżura; ii.   l-għanijiet tagħha; u iii.  it-tip ta' għajnuna jew inċentiv offrut?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1742, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Jobsplus toffri għadd ta’ skemi u miżuri finanzjarji li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu lil min iħaddem jimpjega u jżomm fl-impjieg persuni b’diżabilità. Bridging the Gap Scheme – Din l-iskema ġiet imnedijja fl-1993. L-Għan tal-iskema: L-għan primarju hu li tassisti persuni b’diżabilità u dawk vulnerabbli jiksbu esperjenza prattika ta’ xogħol. L-għan aħħari huwa li persuni mmsemmija jiġu mpjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema. Għajnuna lil min iħaddem: Fil-perjodu mifthem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunita li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus jew/u l-Lino Spiteri Foundation. Għajnuna lill-parteċipant: Din l-iskema  tiffaċilità t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg.  Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni b’diżabilità u dawk vulnerabbli jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Inċentiv Fiskali - Din il-miżura ġiet imnedija fl-2015. L-Għan tal-iskema: L-għan ta’ din il-miżura hu li jiżdiedu, jinżammu u jitjiebu l-impjieg tal-persuni b’diżabilità. Inċentiv lil min iħaddem : Dawk li jħaddmu magħhom persuni b’ diżabilità jistgħu  japplikaw biex jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali tal-persuna impjegata rregistrata b’diżabilità, sa massimu ta’ €4,500 , immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Biex jikkwalifikaw għal dan l-incentiv, min iħaddem irid ikun konformi mal-obbligu tal-2% kwota. Benefiċċjarji mill-iskema tal-A2E jew skemi simili ma jkunux eligibbli għal dan l-inċentiv. Eżenzjoni mill-ħlas ta’ Kontribuzjonijiet tas-Sigurta Socjali - Din ġiet imnedija fl-2015 L-Għan tal-iskema: L-għan ta’ din il-miżura hu li jiżdiedu, jinżammu u jitjiebu l-impjieg tal- persuni b’diżabilità. Inċentiv lil min iħaddem : Employers privati li jimpjegaw persuni b’diżabilità jistgħu japplikaw ma’ Jobsplus biex jiġu eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. L-infurzar tat-2% kwota ta’ impjegati diżabbli - Dan beda jseħħ fl - 2015 għal min iħaddem iktar minn 20 persuna . L-għan tal-miżura: Jiżdiedu l-persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.  Dawk il-kumpaniji li ma jikkonformawx ma’ din il-leġiżlazzjoni huma meħtiega iħallsu kontribuzzjoni annwali ta’ €2,400 għal kull persuna b’diżabilità li kellhom jimpjegaw sa massimu ta’ €10,000 għal kull kumpanija. Għajnuna lil min iħaddem u lill-persuni b’diżabilità: Jobsplus flimkien ma’ Lino Spiteri Foundation, li ukoll twaqqfet fl-2015, jaħdmu biex jgħinu kumpaniji jimpjegaw persuni b’ diżabilità.  Dan isir billi jassistu fil-ħolqien t’opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’ diżabilità permezz ta’ “job carving ”.  Matul l-impieg is-servizz ta’ Job Coach jingħata skont il-bżonn biex tassisti lil persuna b’diżabilità kif ukoll tkabbar l-għarfien mall-kollegi dwar il-bzonnijiet u l-ħiliet tal-impjegata b’diżabilità. Nota : Il-flus migbura mingħand min iħaddem li ma jkunux konformi mal-ligi tat-2%, qed jintużaw fl-għajnuniet imsemmija hawn fuq biex il-persuni b’diżabbilita’ isibu posthom u jibqgħu fid-dinja tax-xoghol.

Infrastructure Malta – Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2145 u ċjoè: B’referenza għall-billboards li ttellgħu minn Infrastructure Malta fix-xhur ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali illi jgħidu “1,000 triq fl-aħħar sentejn”, jista’ l-Ministru: i.    jipprovdi lista bl-ismijiet ta’ kull triq u l-lokalità; u ii.   jgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru f’kull triq, inkluż it-tul f’metri tal-istess xogħlijiet f’kull triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta twettaq diversi tipi ta’ xogħlijiet infrastrutturali madwar Malta. Dawn ivarjaw minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija meħtieġa biex tinżamm l-infrastruttura tat-toroq f’kundizzjoni tajba, għal interventi relatati mat-tqattigħ u r-reinstatement ta’ trinek sabiex jiġu installati jew imtejba servizzi u networks taħt l-art, kif ukoll xogħlijiet imwettqa b’kollaborazzjoni ma’ jew f’isem entitajiet oħra. Barra minn hekk, l-Aġenzija twettaq rikostruzzjonijiet sħaħ ta’ toroq, li jistgħu jinkludu s-sostituzzjoni jew it-tisħiħ tas-saffi tat-triq, bankini, sistemi tad-drenaġġ u infrastruttura oħra, kif ukoll proġetti infrastrutturali maġġuri li jinvolvu junctions, flyovers, underpasses, rotot ġodda u infrastruttura għal mezzi ta’ trasport alternattivi. Għaldaqstant, in-natura, il-kobor u l-ispiża tax-xogħlijiet ivarjaw konsiderevolment skont l-iskop u l-kumplessità tal-intervent meħtieġ. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet fit-toroq fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż.

TCNs - Permessi ġodda ta’ residenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi huma dawn l-individwi u kemm inħarġu permessi ġodda ta’ residenza lil ċittadini ta’ kull pajjiż?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Infrastructure Malta – Ammonti dovuti

Question

Jista' l-Ministru jagħti figura finanzjarja dwar kemm għandha tiġbor fondi Infrastructure Malta mingħand entitajiet u azjendi tal-Gvern sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Infrastructure Malta – Ammont dovut lill-kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont totali dovut minn Infrastructure Malta lill-kuntratturi għal xogħlijiet li twettqu u ġew iċċertifikati, kemm permezz ta’ ċertifikati finali kif ukoll ċertifikati interim, iżda li sal-lum għadhom ma tħallsux?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-obbligazzjonijiet finanzjarji ta’ Infrastructure Malta lejn il-kuntratturi għal xogħlijiet iċċertifikati, huma suġġetti għal proċessi kontinwi ta’ verifika, ċertifikazzjoni u ħlas skont it-termini kuntrattwali applikabbli.

Infrastructure Malta – Allokazzjoni finanzjarja – Sena 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-allokazzjoni finanzjarja totali mogħtija lil Infrastructure Malta għas-sena finanzjarja 2026? Jista’ jgħid ukoll kemm minn din l-allokazzjoni ġie effettivament minfuq sal-lum, u kemm għad fadal fondi mhux użati mill-allokazzjoni tal-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-allokazzjoni finanzjarja ta’ Infrastructure Malta għas-sena 2026 hija dik approvata mill-Kamra tad-Deputati permezz tal-Estimi Finanzjarji tal-Gvern.

Infrastructure Malta - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1858 u 2294 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Infrastructure Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Siti brownfield – Definizzjoni, kriterji u database nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jew l-Awtorità tal-Ippjanar adottawx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u jekk tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti? Jekk iva, jista’ jqiegħed id-definizzjoni, il-kriterji, il-metodoloġija użata u l-lista ta’ siti ‘brownfield’ fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’adottatx definizzjoni uffiċjali ta’ sit ‘brownfield’ u għalhekk ma tinżammx lista jew database nazzjonali ta’ dawn is-siti.

OHSA – Setturi tax-xogħol b’riskju għal espożizzjoni għal materjali tossiċi – Miżuri ta’ prevenzjoni u infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tas-setturi ekonomiċi li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tqis bħala l-aktar esposti għar-riskju ta’ espożizzjoni għaċ-ċomb, komposti taċ-ċomb, carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic, u jindika b’mod ċar x’miżuri speċifiċi ta’ infurzar u prevenzjoni qegħdin jittieħdu f’kull wieħed minn dawn is-setturi individwali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol  wettqet spezzjonijiet f’diversi setturi ekonomiċi li jistgħu jinvolvu espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi salons tax-xagħar, kumpaniji farmaċewtiċi, ‘garden nurseries’ fejn jintużaw pestiċidi, garaxxijiet reġistrati li jwettqu xogħlijiet ta’ sprej, mastrudaxxi u pompi tal-petrol. Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-Awtorità vverifikat il-konformità mar-rekwiżiti legali relatati mal-użu, il-ħażna u l-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi, inklużi carcinogens, mutagens u sustanzi reprotoxic fejn applikabbli. L-enfasi tqiegħdet fuq l-evalwazzjoni tar-riskju, il-miżuri ta’ kontroll, , il-ventilazzjoni fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ tal-ħaddiema u l-użu ta’ tagħmir protettiv personali adegwat u l-konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni u monitoraġġ. Fejn instabu nuqqasijiet, ittieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa skont il-każ, filwaqt li ngħataw ukoll rakkomandazzjonijiet sabiex jitjiebu l-miżuri preventivi u jitnaqqas ir-riskju għall-ħaddiema.

OHSA – Infurzar tar-regolamenti relatati ma’ xogħol li jinvolvi sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet min-naħa tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), fir-rigward tal-infurzar tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol b’rabta ma’ sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm instabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, u kemm employers ġew imħarrka għall-ksur ta’ dawn ir-regolamenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-2024 sa Settembru ta’ din is-sena, saru 1,880 spezzjoni f’siti li jagħmlu użu minn sustanzi perikolużi u aġenti kimiċi. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu 183 Improvement Notice, 760 ordni u 11-il Stop Order.

BCA – Assistenza finanzjarja għall-ħsarat fil-proprjetà – Fondi użati

Question

B’referenza għall-mekkaniżmu mħabbar mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex tingħata assistenza finanzjarja sa massimu ta’ €15,000 lil terzi li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom b’rabta ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid speċifikament jekk hux se jintużaw, direttament jew indirettament, fondi mid-Development Planning Fund (DPF) jew minn xi fond ieħor amministrat mill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hu l-ammont li se jiġi trasferit jew allokat, taħt liema dispożizzjoni legali se jsir dan, u minn liema allokazzjonijiet jew lokalitajiet se jittieħdu dawn il-fondi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux ser jintużaw ebda fondi mid-Development Planning Fund (DPF) jew minn xi fond ieħor amministrat mill-Awtorità tal-Ippjannar. Iżda l-fondi li ser jintużaw se jiġu mill-kontribuzzjonijiet li jagħmlu l-iżviluppaturi ma’ kull applikazzjoni. Barra minn hekk, il-flus maħruġa lit-terżi mir-Riserva, se jerġaw jiġu rkuprati mill-iżviluppaturi li allegatament ikunu kkawzaw il-ħsarat.

BCA – Assistenza finanzjarja għall-ħsarat fil-proprjetà

Question

B’referenza għall-mekkaniżmu mħabbar mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex tingħata assistenza finanzjarja sa massimu ta’ €15,000 lil terzi li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom b’rabta ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fond jew sors finanzjarju se tkun iffinanzjata r-riżerva li minnha se jitħallsu dawn il-kumpensi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 3019.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għall-bini ta’ lukandi (ta’ kull klassi) ġew approvati kull sena mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn il-permessi li diġà ġew approvati u kemm huwa n-numru hekk approvati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2578, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

Bini ta’ lukandi - Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ applikazzjonijiet li huma pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ lukandi ta’ klassijiet differenti, maqsuma skont il-klassi? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 2577, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-klassi tal-iżvilupp propost ma jinżamx f’mod li jista’ jiġi estratt mingħajr ma wieħed jistudja l-applikazzjonijiet kollha każ każ.

Permessi ta’ żvilupp – Appelli pendenti – Sospensjoni tax-xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-konsultazzjoni li għaddejja dwar ir-riforma tas-sistema tal-appelli fl-ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li, meta jkun hemm appell pendenti kontra permess ta’ żvilupp, ix-xogħlijiet relatati ma’ dak il-permess jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-appell? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern iqisx li dan il-prinċipju għandu jiġi introdott sabiex jiġi evitat li jsiru xogħlijiet li, jekk l-appell jintlaqa’, ma jkunux jistgħu jiġu rriversjati jew li l-ambjent ma jkunx jista’ jiġi rrestawrat għall-istat preċedenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed imexxi proċess leġislattiv. L-Abbozz ta’ Liġi għadda mill-Ewwel Qari fil-Kamra tar-Rappreżentanti fis-27 ta’ Lulju 2026. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tnieda wkoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, liema proċess l-Oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax fih, akkumpanjat minn dokument ta’ konsultazzjoni pubblika, sabiex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati u tal-pubbliku. L-Abbozz issa jinsab fl-istadji tal-proċess parlamentari.

Kemmuna – Protezzjoni tal-ambjent naturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.