Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-proġett ta’ ċentru edukattiv fil-Buskett minn Ambjent Malta ma tkompliex? Tista’ tgħid ukoll għaliex ma sarux il-faċilitajiet sanitarji mwiegħda għaliex il-bini jidher mitluq u fih konsenturi kbar? Tista’ tgħid ukoll x’se jsir minn dan il-proġett f’post daqstant frekwentat mnin turisti u Maltin, speċjalment fi żmien ix-xitwa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Edukattiv fil-Buskett kienu tlestew fl-2023. Peress li sussegwentement kienu ġew osservati xi konsenturi fini fil-binja, Ambjent Malta, bħala miżura ta’ prekawzjoni u fuq parir tekniku, kienet ikkummissjonat monitoraġġ u testijiet speċjalizzati sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni strutturali tal-binja. Sakemm jitlestew dawn l-evalwazzjonijiet u jkunu magħrufa r-rakkomandazzjonijiet finali tal-professjonisti, il-binja aktar kmieni din is-sena nżammet magħluqa sabiex tkun garantita s-sigurtà tal-pubbliku.
Infurmata li Ambjent Malta qed tistenna r-rapport finali, sabiex fuq il-bażi tiegħu jiġu deċiżi u implimentati l-passi meħtieġa biex il-faċilità tkun tista’ tkompli tintuża skont il-funzjoni maħsuba tagħha.
Fir-rigward tal-faċilitajiet sanitarji pubbliċi fil-Buskett, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 3097.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inqabdu crayfish minn Wied il-Qlejgħa fis-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Wied il-Qlejgħa tneħħew madwar 5,000 ċkala (crayfish) tal-ilma ħelu fl-aħħar snin, fosthom 500 fl-2024 u 460 fl-2025. L-informazzjoni għall-2026 għadha mhix disponibbli. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), daħlet ukoll fi proġett Interreg mal-Università ta’ Malta u msieħba minn Sqallija biex jissaħħu l-isforzi għall-kontroll tal-iċkala f’Wied il-Qlejgħa.
B’referenza għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, fejn ġie mwiegħed li se ssir it-tiswija fuq ħajt li hemm f’Wied il-Qlejgħa fis-sajf meta l-wied ikun mingħajr ilma, tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma saritx it-tiswija biex jitranġa u jinbena l-ħajt kif kien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2432. F’każ li qed jirreferi għal xi ħajt ieħor, nitolbu jindika b’mod aktar speċifiku s-sit fejn jinsab.
Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti l-iskema ta' tħawwil ta' siġar li għandha Project Green? Tista’ tgħid ukoll kemm persuni bbenefikaw minn din l-iskema, kemm siġar fil-fatt tqassmu permezz ta' din l-iskema u x'tip ta' siġar tqassmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li permezz tal-Iskema ta’ Tħawwil ta’ Siġar applikanti eliġibbli jistgħu jingħataw siġar mingħajr ħlas biex jitħawwlu fl-artijiet tagħhom, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ambjentali fit-tul, ir-reżiljenza għall-klima u t-tħaddir tal-gżejjer Maltin. Permezz ta’ din l-iskema, applikanti li jgħaddu mill-proċess ta’ verifika jingħataw vouchers diġitali biex jiġbru s-siġar mingħand fornituri approvati.
Infurmata li s’issa nħarġu 8,390 voucher, ekwivalenti għal 47,303 siġra, lil 688 benefiċjarju. Il-proċess tal-ġbir tas-siġar mill-benefiċjarji għadu għaddej skont il-validità tal-vouchers u d-disponibbiltà mingħand il-fornituri approvati.
Is-siġar jitqassmu minn lista ta’ speċi produttivi u mhux produttivi li tinkludi fost oħrajn il-Balluta x-Xewwikija, l-Għargħar, is-Siġra ta’ Ġuda, iċ-Ċipress, iż-Żebbuġ Selvaġġ, it-Tin, il-Ħarrub, iż-Żebbuġ, ir-Rummien u t-Tut.
Limiti tal-Mellieħa – Impjant taċ-Ċumnija – New water
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm bdiewa li qed jingħataw new water mill-impjant Taċ-Ċumnija, fil-limiti tal-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll f'liema lokalitajiet jinsabu l-bdiewa li qed jirċievu dan l-ilma, u kemm f'kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll x'inhi r-raġuni li għaliha l-bdiewa li qed jirċievu dan l-ilma qed jingħataw ilma għal ħinijiet qosra ħafna? Tista' tgħid ukoll jekk l-impjant hux qed jitħaddem il-ħin kollu, inkella għal ħinijiet iqsar? Jekk għal ħinijiet iqsar, tista’ tgħid x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sistema tan-New Water fit-Tramuntana tal-pajjiż qed tforni madwar 700 bidwi u tinkorpora fiha 200 dispenser. In-network jestendi f’diversi żoni fosthom iċ-Ċumnija, l-Aħrax, il-Miżieb, il-Manikata, Binġemma, l-Imġarr, tas-Santi, Għajn Tuffieħa u ż-żona ta’ Popeye Village.
L-ammont li jiġi prodott kuljum mill-polishing plant, li jopera b’mod kontinwu ħlief għal waqfien f’istanti fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma jkollhiex kontroll fuqhom, jiġi mqassam skont il-volumi li ġew kalkolati mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel (MAFF) ibbażati fuq il-crop plan. Ta’ min jenfasizza hawnhekk li l-allokazzjoni tal-ilma mill-MAFF issir bil-metru kubu u mhux bil-ħin.
Matul is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma produċiet ammont rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-ilma mormi illi jinġabar f’Malta qed jiġi trattat, f’liema impjanti, u kemm minnu wara t-trattament qed jerġa’ jintuża, inkluż għall-agrikoltura u għall-użu mill-bdiewa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Tista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali tgħid meta huwa mistenni li jiftaħ l-Isptar tal-Annimali f’Għawdex? Tista’ tgħid jekk ġiex identifikat u allokat is-sit fejn se jkun dan l-isptar, u jekk iva, fejn hu dan is-sit? Tista’ tgħid ukoll kif huwa ppjanat li jopera dan l-isptar, jekk hux se jipprovdi servizz ta’ 24 siegħa kuljum, liema servizzi veterinarji se jkunu disponibbli, u jekk hux se jkun mgħammar sabiex joffri kura ta’ emerġenza u interventi kirurġiċi għall-annimali f’Għawdex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat,
Tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġi mnaddaf it-terrapien li ntrema f’Wied il-Qlejgħa? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx CCTV cameras jaħdmu fl-akkwati biex tara min kien responsabbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali ta' Project Green, irriżulta li l-materjal li għalih qed jirreferi jinsab f'għalqa privata u għaldaqstant ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija.
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 - Appoġġ finanzjarju
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3024, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm appoġġ finanzjarju għall-konferenza "Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026" u tikkwantifika l-ammont ta’ tali appoġġ? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokumenti oħra relatati ma’ tali appoġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3024 ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont kien ta’ €2,500 (VAT eskluża).
Charging points, pillars u connectors pubbliċi għall-vetturi elettriċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu n-numru attwali ta’ charging points pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’Malta u f’Għawdex, kemm hemm charging pillars u connectors individwali, u kemm minnhom huma installati, ikkummissjonati u operattivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm 570 charging points fuq is-sistema ‘charge my ride’. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ identifikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-postijiet fejn ser jiġu installati charging pillars addizzjonali skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtha għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3037.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn jispiċċa l-ilma mormi li, wara t-trattament jew għal kwalunkwe raġuni oħra, jintrema' fil-baħar, u f’liema każijiet dan l-ilma jkun trattat qabel ma jintrema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Problemi fis-sistema tad-drenaġġ – Ilmenti/rapporti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irreġistrati ilmenti jew rapporti relatati ma’ problemi tad-drenaġġ, inkluż overflow, ħruġ ta’ ilma mormi, riħa jew problemi fis-sistema tad-drenaġġ, matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-maġġoranza assoluta tal-ilmenti jirriżultaw minn rimi llegali tal-ilma tax-xita u ta’ materjali li ma jistgħux jintremew fin-network tad-drenaġġ, u li sussegwentament jikkawżaw sadd u żbroffi fin-network. F’dan ir-rigward, fl-2021 kienu reġistati 3,622 ilment; 2,901 fl-2022; 2,953 fl-2023; 2,714 fl-2024; u 2,671 fl-2025.
Tista’ l-Ministru tgħid x’monitoraġġ qed isir biex jiġi żgurat li l-ilma mormi jkun qed jiġi trattat skont l-istandards meħtieġa u li ma jkunx qed jikkawża riskji għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
Ilmijiet kostali u żoni tal-għawm – Każijiet ta’ kontaminazzjoni/traċċi ta’ drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew identifikati każijiet ta’ kontaminazzjoni jew traċċi ta’ drenaġġ f’ilmijiet kostali jew f’żoni ta’ għawm matul l-aħħar ħames snin, u f’liema lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Espożizzjoni għall-ilma mormi/kontaminat – Każijiet ta’ problemi tas-saħħa
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx data dwar infezzjonijiet, mard jew problemi tas-saħħa relatati ma’ espożizzjoni għall-ilma mormi jew kontaminat, kemm ġew irrappurtati każijiet u x’kienet in-natura ta’ dawn il-każijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministeru konċernat, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport f’dan ir-rigward.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed tiġi kkunsidrata b’serjetà l-problema tal-kapaċità tas-sistema tad-drenaġġ, fid-dawl tat-tkabbir urban u demografiku ta’ Malta, u x’inhu l-pjan tal-Gvern biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tad-drenaġġ tlaħħaq mal-iżvilupp preżenti u tal-futur?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 2464.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1691, fejn intqal li “l-piż finanzjarju biex tiġi żmantellata vettura għandu jinġarr minn min ikun poġġa l-vettura fuq is-suq oriġinarjament”, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex qed tirreferi għall-konsumatur jew għall-importatur/bejjiegħ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li insegwitu ta’ Leġislazzjoni Ewropea li tirregola l-vetturi u l-batteriji, il-piż finanzjarju biex tiġi żmantellata vettura u tiġi trattata l-batterija tagħha għandu jinġarr minn min ikun poġġa tali vettura fuq is-suq oriġinarjament. Il-liġi Ewropea tirreferi għal min jimmanifattura, jimporta jew jiddistribwixxi u jpoġġi fuq is-suq b’mod professjonali tali vettura. F’każ ta’ individu li jpoġġi fuq is-suq tali vettura jkun responsabbli hu sakemm ma tiġix trasferita.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 485 dwar il-main dispenser tan-new water f’Kerċem, fejn intqal li dan issewwa u qed jopera b’mod normali, tista’ l-Ministru tgħid min ikkonferma l-istat attwali ta’ dan id-dispenser u f’liema data saret it-tiswija li ssemmiet fit-tweġiba? Tista’ tikkonferma li l-vit tad-dispenser inkiser u għaldaqstant mhux biss ma jistax jitqies bħala operattiv, iżda lanqas huwa possibbli li jitqassam l-ilma? Tista’ tgħid ukoll x’miżuri ser jittieħdu sabiex dan jibda jopera b’mod affidabbli u kontinwu, speċjalment fl-eqqel tas-sajf, u ma jibqax iġarrab ħsarat ripetuti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kull darba li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ssewwi dan id-dispenser, qed jiġi vandalizzat minn terzi u dwar dan anke sar rapport lill-Pulizija. Infurmata wkoll li meta ngħatat din it-tweġiba d-dispenser kien qed jaħdem kif suppost. F’każ li l-Onor. Interpellant ikollu xi informazzjoni li tista’ tgħin lill-Pulizija fl-investigazzjoni tajjeb li jgħaddiha.