Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Skola medika ta' Barts — kirja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kirja li qed titħallas mill-iskola medika ta' Barts għall-użu tal-iskola ġdid li ġiet mibnija minn Steward? Jista' jgħid min qed iħallas din il-kirja u min qed jiġbor il-flus tagħha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise hi soġġetta għal kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act). Kawza ta’ dan il-fatt, flimkien minħabba n-natura sensittiva ta’ dan il-kuntratt kummerċjali, il-Malta Enterprise m’hix f’pożizzjoni li tiżvela dettalji ta’ dan il-kuntratt.

Interess minn kumpaniji fil-produzzjoni tal-kannabis mediċinali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi fuq l-interess minn kumpaniji li lesti joperaw minn pajjiżna fil-produzzjoni ta’ kannabis mediċinali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interess minn kumpaniji li lesti joperaw fil-qasam tal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali huwa tajjeb ħafna min diversi pajjizi inkluż kemm mill-Ewropa kif ukoll mill-Kanada, l-Amerika u l-Iżrael. Il-Malta Enterprise sa issa ġa ħarġet 24 letters of intent, li bejniethom ser jinvestu €140.9M u jħaddmu 959 impjieg full time fi żmien tlett snin minn mindu jibdew l-operat tagħhom. Il-focus tal-Malta Enterprise hija l-kwalita’ tal-prodotti li jitilqu minn Malta biex noffru kannabis mediċinali tal-aqwa livell fl-Ewropa skont standards stabbiliti. Il-Korporazzjoni qed tiffoka fuq riċerka u zvilupp u iffirmat MOUs ma’ Universitajiet ta’ reputazzjoni globali bħal La Sapienza u McGill University. Hemm faċiilitajiet li waslu viċin it-tlestija u oħrajn li jinsabu f’diskussjonijiet mal-MIP sabiex jibda l-bini tagħhom mgħammrin bl-għola livelli ta’ sigurta’ li nesiġu fl-industrija.

Business First

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta’ Business First?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min meta saret ir-riforma fl-2017 u l-Business 1ST sar joint venture bejn il-Gvern u l-GRTU, il-ħidma u s-servizz li jiġi offrut komplew jikbru. Filfatt illum, Business 1ST jagħmel parti mis-servizz.gov peress li huwa meqjus bħala l-one-stop-shop għan-negozji. Business 1ST joffri opportunitajiet lid-dipartimanti tal-Gvern biex joffru servizz ħolistiku mill-uffiċċju tal-Business 1ST biex b’hekk il-klijenti jiffrankaw ħafna ġiri u ħin meta jiġu biex jibdew negozju tagħhom. Barraminhekk il-Business 1ST joffri assistenza kontinwa lill-Gvern biex il-formoli tas-servizzi offruti jiġu disponibbli online. L-uffiċċjali tal-Business 1ST jgħinu klijenti li jsibu diffikulta bis-servizzi online billi jispjegawlhom il-proċeduri u l-assistenza disponibbli. Bejn Jannar u Ottubru ta’ 2019, il-Business 1ST laqa’ aktar minn 20,000 klijent fl-uffiċċini b’żieda ta’ 7,000 klijent meta mqabbel mal-istess xhur ta’ 2018. Matul dan iż-żmien il-Business 1ST assista kważi 38,000 klijent matul l-istess xhur tas-sena. Illum, il-Business 1ST għandu l-aġenti tiegħu li jgħinu startups u intrapriżi japplikaw għal servizzi u inċentivi tal-Gvern. Dawn jinkludu uffiċjali preżenti kuljum mill-Kummissarju tat-Taxxa; Awtorita tat-Turiżmu u Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Dipartimenti oħra li jkunu preżenti darba fil-ġimgħa jinkludu Dwana, Identity Malta, Jobs Plus u l-Measures and Support Division. Barraminhekk il-Business 1ST għandu arranġamenti ma’ dipartimenti u entitajiet oħra li jkunu disponibbli skont il-bżonnijiet tal-klijent. Il-kwalita’ tas-servizz li llum il-ġurnata joffri Business 1ST ġie rikonnoxut f’Settembru meta rċieva l- Quality Service Award , premju li ngħata lill-tlett entitajiet biss mill-aġenziji kollha tal-Gvern. Il- Quality Service Charter ġie ppublikat u l-Business 1ST qed jimmoniterja s-servizz tal-livell offrut biex dan i​żomm l-istandards li qed jiġu mwegħda.

Xewkija Għawdex — Gozo Innovation Hub

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tas-7 ta’ Novembru 2019 tal-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm hemm nies jaħdmu f'dan l-Innovation Hub u ma' liema kumpaniji qed jaħdmu u jekk fis-7 ta' Novembru meta saret din l-inawgurazzjoni x-xogħol kollu kienx lest jew kienx għad fadal xogħol xi jsir mill-kuntratturi inkarigati? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuq dan il-Hub għadux għaddej?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Għawdex- Fabbriki għall-produzzjoni tal-Mediċina Cannabis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex hemmx applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-mediċina tal-Cannabis u jekk iva kemm hu l-ammont ta' applikazzjonijiet li hemm u f’liema lokalitajiet ġewwa Għawdex huma dawn l-applikazzjonijiet jew permessi li diġà nħarġu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks m’għandhomx applikazzjonijiet biex jinbnew fabbriki tal-produzzjoni tal-medicina tal-Kannabis ġewwa Għawdex.

Fibre Optic Cable

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-Proġett tal-Fibre Optic Cable ta’ bejn Malta u Għawdex? X’persentaġġ ta’ xogħol sar s’issa u x’fadal isir? Meta u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda jiffunzjona?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ħafna mix-xogħol ta’ inġinerija ċivili sar. F’Malta l-Cable tal-art ser jibda’ jitqiegħed fil-jiem li ġejjin. Fil-każ t’Ghawdex ix-xogħol b’rabta ma’ l-inġinerija ċivili għaddej u tlesta 66% tiegħu, kif jitlesta jibda’ jitqiegħed il-cable tal-art. Il-cable tal-baħar huwa mmanifatturat u lest biex fil-ġimgħat li ġejjien u kif it-temp jippermetti jitpoġġa fil-baħar. Huwa mistenni li s-sistema kollha tkun ikkommissjonata s-sena d-dieħla.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — nefqa fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta? Jista' jgħid kemm kien l-ammont minfuq fuq kull credit card fl-2018 u fl-2019?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda uffiċjali fid-dekasteru tiegħi li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta.

Gozo Innovation Hub – xogħlijiet fuq triq

Question

Peress li fil-ġimgħat li ġejjin huwa ppjanat li jinfetaħ il-Gozo Innovation Hub b'fondi tal-Unjoni Ewropea ġewwa x-Xewkija Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Pitkalija hux ser tinbena mill-ġdid peress li ser tkun it-triq minn fejn ħa jkun l-uniku aċċess għal Gozo Innovation Hub, fejn din tinsab fi stat diżastruż, peress li żżomm ħafna ilma, u hija ta' periklu għal min jużaha? Jista’ jgħid ukoll jekk hux ser jinbidlu s-servizzi, jekk humiex se jsiru storm water culverts, jekk humiex se jsiru bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u jekk hux ħa jsir id-dawl f’din it-triq, qabel jiġi inawgurat il-Proġett tal-Gozo Innovation Hub?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Proġett tal-White Rocks

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 8203 u 10123 peress li kien intqal 'li waslu fi stadju avvanzat ta' negozjati l-proġett tal-White Rocks Malta' jista' l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar dan il-proġett li diversi xhur ilu kien deskritt minnu bħala proġett ambizzjuż? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbeda u jsir dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijorita u l-oġġettiv tal-Gvern huwa li n-negozjar tal-White Rocks jilħaq bilanċ bejn il-miri finanzjarji u ekonomiċi, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u l-komunitatjiet tal-madwar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — servizz ta' kumpanija għal microtargeting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu użatx is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum? Jekk iva, meta u għalxiex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fid-dekasteru tiegħi ma użat is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament.

Żona Industrijali ta’ Kordin — tindif

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10792, jista’ l-Ministru jara li ż-Żona Industrijali ta’ Kordin tiġi mnaddfa u rranġata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant, fil-kuntest li mhux Kordin kollu jaqa’ taħt ir- responsabbilità tal-Malta Industrial Parks, jista’ jindika għal-liema żona speċifika f’Kordin qiegħed jirreferi?

Ditta Legali — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas mitlub mid-ditta legali Ingliża li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament sabiex ippatroċinat lilu jew kemm kien il-ħlas li sar mill-erarju pubbliku u meta sar jew kien mitlub biex din id-ditta legali f’Settembru 2019 wieġbet għan-nom tiegħu bħala Ministru?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11516.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – kumpanija — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, ma ngħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — contract of service u contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10884 u jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab informat illi biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.

Persuni li għamlu użu mill-postijiet tal-Gambling

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari W444 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għamlu użu mill-postijiet tal-gambling matul is-snin 2016, 2017 u 2018? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Konsulenzi minn ditta legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħaditx konsulenzi mill-Gvern jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn is-sena 1998-2003? X’kienu dawn il-konsulenzi? Liema entità tat dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv ħalli dawn jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kemm kull konsulenza kienet tinvolvi bħala flus?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 23724 tat-12-il Leġiżlatura.