MFHEA - Programmi akkreditati - Professjoni fil-qasam tas-saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn istituzzjonijiet privati liċenzjati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) biex joffru programmi akkreditati li jwasslu għal xi professjoni fil-qasam tas-saħħa? Jista’ jgħid ukoll kemm hawn studenti qegħdin isegwu dawn il-korsijiet u liema minnhom huma aċċettati mill-Ministeru għas-Saħħa biex meta jiggradwaw l-istudenti jingħataw il-warrant?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li hemm 22 istituzzjoni privati li huma liċenzjati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) u li joffru programmi li jwasslu għal xi professjoni fil-qasam tas-saħħa. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li Malta ssegwi wkoll direttivi Ewropej f’dan il-qasam.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Lista ta’ konsulenzi
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Malta Business Wallet huwa fid-dekasteru ta’ Ministeru ieħor.
Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku tax-xogħlijiet li ġew imwettqa mill-Edu Infrastructure mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Edu-Infrastructure Programme tnieda f’Jannar 2025 bil-għan li jimmodernizza l-faċilitajiet edukattivi f’Malta u jipprovdi ambjenti aktar siguri, aċċessibbli, sostenibbli u funzjonali għall-istudenti u għall-edukaturi. Il-programm jinkludi rinnovazzjonijiet interni u esterni, estensjonijiet, titjib tal-aċċessibbiltà, swali u spazji miftuħa, kif ukoll modernizzazzjoni tas-servizzi u tal-faċilitajiet.
Matul l-2025, saret rinnovazzjoni estensiva fl-Iskola Primarja Adrian Borg f’Birkirkara, li inkludiet klassijiet u sala ġodda, tiġdid tas-sistemi tal-elettriku u tad-drenaġġ, titjib tal-ground u tal-bejt, pannelli fotovoltajċi, arja kkundizzjonata, lift u faċilitajiet sanitarji aċċessibbli. Rinnovazzjonijiet simili jinsabu fl-ewwel fażi tagħhom fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, fl-Iskola Primarja tas-Sliema u fi tliet blokok tal-Iskola Medja tal-Blata l-Bajda ukoll l-ewwel fażi tar-rinnovazzjoni tal-Iskola Primarja tal-Belt Valletta.
Ġew rinnovati l-ALP Hall, is-Sala tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli u s-sala tal-Iskola Primarja ta’ San Ġwann, filwaqt li għaddejjin xogħlijiet fis-swali tal-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel u tal-Iskola Primarja taż-Żurrieq. Fl-Imrieħel tlestiet ukoll librerija ġdida u ġiet imtejba ż-żona tal-canteen.
Il-programm jinkludi wkoll l-implimentazzjoni tal-iskema Open Horizons għat-tisħiħ tat-tagħlim tas-suġġetti STEM, ir-rinnovazzjoni tal-Migrant Learners’ Unit fin-Naxxar u tal-Home Economics Hub, kif ukoll titjib tal-ispazji esterni fl-iskejjel primarji tax-Xgħajra u tal-Luqa. Barra minn hekk, saru interventi f’diversi skejjel fuq il-bjut, il-faċċati u l-faċilitajiet sanitarji, sabiex titkompla tissaħħaħ il-kwalità tal-ambjenti edukattivi.
Foundation for Tomorrow’s Schools – Elenku tax-xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku tax-xogħlijiet li ġew imwettqa mill-Foundation for Tomorrow’s Schools mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lista ta’ xogħlijiet ewlenin f’dan il-perjodu hi kif qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Software programs għat-tagħlim – Skadenza u tiġdid tal-liċenzji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liċenzji tas-software programs ActiveInspire, SMART Board u StarBoard skadewx ? Jekk iva, jista’ jgħid meta skadew, kemm kienu jkopru utenti jew apparat u għaliex ma ġewx imġedda qabel il-bidu tas-sena skolastika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li, wara li l-bordijiet interattivi preċedenti ġew sostitwiti b’oħrajn ġodda, kien hemm talba sabiex ikunu jistgħu jkomplu jużaw is-software li kienu jużaw mal-bordijiet preċedenti.
Għaldaqstant, il-Ministeru ħareg cirkulari li tipprovdi gwida lill - edukaturi kif jistgħu jagħmlu użu min dawn is-software.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li matul is-sajf li għadda tneħħew mil-laptops tal-għalliema fl-iskejjel tal-Istat is-software programs ActiveInspire, SMART Board u StarBoard, li kienu jintużaw bħala għodda għat-tagħlim fil-klassi? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l – Ministeru ma neħħa l-ebda liċenzja relatata mas-software imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid min ħa u meta ttieħdet id-deċiżjoni relatata mal-policies il-ġodda mħabbra fl-20 ta' Awwissu 2026 mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA)?
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema laqgħa tal-bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ġew diskussi l-policies imħabbra fl-20 ta' Awwissu 2026 mill-istess awtorità? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm qbil unanimu waqt il-laqgħa tal-bord dwar it-tali policies?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal risposta numru 2511.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policies ġodda mħabbra mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) fl-20 ta' Awwissu 2026 humiex konformi mal-liġijiet u l-proċeduri rispettivi li jirregolaw il-proċess biex istituzzjonijiet edukattivi jingħataw liċenzja ta' università jew stat ta' awtoakkreditazzjoni? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll minn liema lat huma konformi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għandu jirreferi għall-Kapitolu 607 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-policies imħabbra mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) fl-20 ta' Awwissu 2026 ġew diskussi qabel it-tnedija tagħhom mal-istituzzjonijiet edukattivi li għandhom liċenzja mill-istess awtorità? Jista’ jgħid ukoll kif tmexxa dan il-proċess ta' konsultazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-policies imħabbra mill-entita msemmija fl-20 ta' Awwissu 2026, ġew diskussi fl-10 ta’ Ġunju 2026, matul it-13-il laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-MFHEA. Dan il-Kumitat jinkludi rappreżentanti ta’ fornituri edukattivi pubbliċi u privati liċenzjati, kif ukoll partijiet interessati rilevanti.
Infurmat li Matul il-laqgħa, il-membri ġew mistiedna jissottomettu aktar ‘feedback’ bil-miktub, liema ‘feedback’ ġie debitament ikkunsidrat u, fejn xieraq rifless fil-policies finali qabel l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom fl-20 ta’ Awwissu 2026.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1765 u jipprovdi lista ta' konsulenti li għandha l-AIMS, jgħid kemm tħallsu mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minnhom għadhom attivi u jekk humiex on a retainer basis?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi tul il-perjodu msemmi, l-AIMS kellha tlett (3) konsulenzi legali, li preżentament wieħed minnhom biss għadu attiv, żewġ (2) konsulenzi attivi fir-rigward ta’ Integrita Sportiva, konsulenza waħda (1) dwar Anti-Doping li għadu attiv u konsulenza waħda (1) attiva dwar Data Protection Compliance. F’kull każ, tkun segwita l-proċedura skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza – Żmien medju ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu ż-żmien medju ta’ stennija – mid-data tas-sottomissjoni sad-data tad-deċiżjoni finali – għal kull tip ta’ applikazzjoni għaċ-ċittadinanza (eż. ċittadinanza b’naturalizzazzjoni, bi żwieġ, b’dixxendenza/reġistrazzjoni, b’investiment/servizzi eċċezzjonali, jew kwalunkwe kategorija oħra użata mill-Ministeru), abbażi tal-applikazzjonijiet deċiżi fl-aħħar ħames snin u jipprovdi l-informazzjoni kif mitlub fit-tabella annessa? Jista’ jgħid ukoll:
i. liema miżuri, jekk hemm, ittieħdu mill-Ministeru sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ applikazzjonijiet li ilhom pendenti għal aktar minn sentejn;
ii. jekk l-Aġenzija Komunità Malta hijiex qed tipprovdi perjodu ta’ żmien speċifiku lill-applikanti li għadhom jistennew id-deċiżjoni finali fuq il-każ tagħhom;
iii. kemm staff addizzjonali, jekk hemm, ġie assenjat biex jipproċessa applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza fl-aħħar sena, u jekk il-Ministeru huwiex qed jikkunsidra li jipprovdi riżorsi oħra biex jindirizza l-backlog; u
iv. jekk il-Ministeru jsegwix u jippubblikax statistiċi dwar iż-żmien ta’ proċessar tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza, u jekk le, huwiex ser jimpenja ruħu li jagħmel dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Aġenzija Komunità Malta taħdem skont il-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ u tieħu l-passi meħtieġa biex fit-tħaddim ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun effiċjenti u rigoruża. Ninsab infurmat ukoll li għandu jkun iċċarat ukoll li l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija jiġu pproċessati fuq bażi individwali, skont in-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, filwaqt li jiġu osservati l-provvedimenti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għaldaqstant, ma japplikawx termini ta’ żmien speċifiċi għall-ipproċessar jew għad-deċiżjoni finali tagħhom.
Jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni kif mitlub fit-tabella annessa u għall-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza sottomessi bejn l-2021 u l-2025 jgħid:
i. is-sena tas-sottomissjoni;
ii. it-tip ta’ applikazzjoni (eż. ċittadinanza b’naturalizzazzjoni, bi żwieġ, b’dixxendenza/reġistrazzjoni, b’investiment/servizzi eċċezzjonali, jew kwalunkwe kategorija oħra użata mill-Ministeru); u
iii. kemm għadhom pendenti u ma rċevewx deċiżjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Jista’ jgħid ukoll x’inhuma r-raġunijiet prinċipali għad-dewmien fl-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet u liema bottlenecks
speċifiċi ġew identifikati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2770.
Skejjel - Installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-bjut tal-iskejjel jiġu utilizzati għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi, sabiex tiġi ġġenerata enerġija nadifa li tista’ tgħin tilqa’ għall-ħtiġijiet addizzjonali tal-iskejjel, inkluż dawk relatati mal-arja kkundizzjonata?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru jiżgura li l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi ssir skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull sit. Qabel ma titwettaq kwalunkwe installazzjoni, issir evalwazzjoni bir-reqqa tal-bżonnijiet, tal-fattibbiltà teknika u tal-benefiċċji mistennija, sabiex jiġi żgurat li l-investiment ikun effettiv, sostenibbli u jagħti l-aħjar riżultati kemm mill-aspett enerġetiku kif ukoll minn dak finanzjarju.
Barra minn hekk, il-Ministeru qed ikompli jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Awtorità dwar il-Klima u entitajiet oħra rilevanti sabiex jiġu identifikati l-aħjar opportunitajiet għall-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi. Dan ix-xogħol jinkludi valutazzjonijiet tekniċi, konsultazzjonijiet u ppjanar strateġiku, bil-għan li kull proġett ikun konformi mar-rekwiżiti regolatorji u jikkontribwixxi għall-miri nazzjonali ta’ sostenibbiltà u effiċjenza enerġetika.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux politika li tippermetti lill-għalliema rtirati li minn jeddhom ikomplu jagħtu sehemhom u jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat, fuq bażi full-time jew part-time? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi introdotta tali politika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Ftehim Kollettiv għall-Edukaturi jipprevedi li, fejn ikun meħtieġ u skont il-ħtiġijiet tas-servizz, il-Ministeru jista’ jinvolvi edukaturi supply u/jew edukaturi rtirati li jkunu l-aktar kwalifikati u idonei biex iwettqu d-dmirijiet meħtieġa.
Kull każ jiġi kkunsidrat skont il-ħtiġijiet operattivi tas-servizz u f’konformità mal-qafas regolatorju u l-proċeduri applikabbli.
Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1136 u 1452 u jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika:
a. l-isem tal-entità;
b. l-ammont mogħti;
ċ. id-data tal-ħlas;
d. l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u
e. l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament?
Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom;
ii. xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u
iii. kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat huma diversi l-iskemi li jgħinu għaqdiet sportivi u l-entitajiet li jagħtu din l-għajnuna mhux kollha jaqgħu taħt dan il-Ministeru, għaldaqstant l-informazzjoni mhux miġbura kif qed tintalab minnu u mhux kollox jista’ jitwieġeb minn dan il-Ministeru. Taħt l-istess Ministeru wkoll hemm diversi għajnuniet li jingħataw. Intant, ninsab infurmat ukoll kif fost oħrajn Sport Malta tagħti għajnuna mifruxa bl-iskemi ta’ Parteċipazzjoni internazzjonali u dawk ta’ turiżmu sportiv li fl-aħħar snin għenu mijiet ta’ għaqdiet bl-ammonti investiti jidru hawn taħt.
Skema
2024 (€)
2025 (€)
2026 (€)
Skema Parteċipazzjoni Internazzjonali
1,045,042.65
1,028,358.38
125,166.81
2,198,567.84
Turiżmu Sportiv
192,627.44
230,451.90
36,375.00
459,454.34
Total kull sena
1,237,670.09
1,258,810.28
161,541.81
2,658,022.18
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-klassijiet u n-numru ta’ studenti fil-bidu ta’ kull waħda mis-snin skolastiċi minn mindu nfetħet l-Iskola Primarja tal-Qawra? Jista' jgħid ukoll liema faċilitajiet li kienu jiffurmaw parti mill-iskola kellhom jitneħħew biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-klassijiet f’dik l-iskola? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li l-istess skola titkabbar biex tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ tfal fl-inħawi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li għal din is-sena skolastika l-iskola tal-Qawra se jkollha 61 klassi li fihom se jilqgħu 1074 student. Il-Ministeru jkompli jissorvelja l-ħtiġijiet tal-infrastruttura edukattiva madwar il-pajjiż kontinwament u kwalunkwe intervent jew investiment futur jiġi evalwat skont il-ħtiġijiet edukattivi, id-domanda u l-prijoritajiet stabbiliti fiż-żmien rispettiv.
Atleti li jirrappreżentaw lil Malta – Spejjeż imħallsa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm atleti magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta li kellhom iħallsu, kompletament jew parzjalment, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni jew spejjeż oħra relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jindika n-numru ta' każijiet, id-dixxiplini sportivi involuti u r-raġuni għaliex dawn l-ispejjeż ma ġewx koperti minn fondi pubbliċi jew mill-entità sportiva rispettiva?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-Kumitat Olimpiku Malti huma korpi awtonomi u indipendenti li jamministraw l-affarijiet tagħhom b’mod indipendenti. Għaldaqstant, dan il-Ministeru ma jistax jiprovdi l-informazzjoni kif mitluba. Fl-istess ħin hemm diversi iskemi f’dan ir-rigward li jiġu mogħtija minn SportMalta u l-Ministeru u huma amministrati mill-entità stess skont il-proċeduri u l-kriterji tagħha.