Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14188 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu jekk student li jkun qed jieħu l-istipendju u li jaħdem part-time, jiġi mwaqqaf mix-xogħol minħabba l-COVID 19, u mhuwiex intitolat għal għajnuna kif għandhom kollegi li kellhom l-istess xogħol u tilfuh, però mhumiex studenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 14045.
Studenti li kienu assenti mill-iskola mingħajr raġuni medika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-istudenti li kienu assenti mill-iskola b’mod konsistenti u mingħajr raġuni medika għall-aħħar tliet snin skolastiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti li kienu assenti mill-iskola b’mod konsistenti u mingħajr raġuni inkluża dik medika għall-aħħar tliet snin skolastiċi huwa skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena skolastikaNumru ta’ Studenti Registrati fl-Iskejjel tal-IstatTotal ta’ studenti li kienu assenti
2016 - 201725228639
2017 – 201825879681
2018 - 201926468887
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13874 u jgħid jekk sarux studji dwar kif is-sistema ta’ assessjar kontinwu laqgħat lit-tfal tal-iskola, u jekk iva min għamel dawn l-istudji u x’kienu l-konklużjonijiet tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li s-sistema ta’ assessjar kontinwu kienet fit-tieni sena tagħha f’din is-sena skolastika. L-istudji fuq l-effetti tat-tibdil ser ikun qed isir meta l-implimentazzjoni sħiħa tkun saret.
Argotti and Botanic Gardens Resource Centre – inizjattivi u studji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi u studji ttieħdu tul dawn l-aħħar tliet snin u ċjoè fl-2017, 2018 u 2019 fl-Argotti and Botanic Gardens Resource Centre? Jista’ jindika ukoll x’baġit ġie allokat u kemm hemm persuni jaħdmu hemm?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm jaħdmu ġewwa l-Argotti and Botanic Gardens Resource Centre dawn il-persuni:
Curator Manager - 1
Technical Officer - 1
Ġardinara - 2
Matul iż-żmien kien hemm ukoll varji voluntiera li attendew diversi drabi.
Matul is-snin 2017-2019, kien hemm 20 student li għamlu short-term internships. Kien hemm ukoll erba’ (4) studenti oħra li għamlu l-proġett tal-Baċellerat tagħhom ġewwa l-Argotti u dawn kienu minn dipartimenti diversi. Persuna oħra spiċċat l-MSc bir-Riċerka mad-Dipartiment tal-Bijoloġija. Bħalissa hemm ukoll zewġ (2) studenti tal-MSc bir-Riċerka mad-Dipartiment tal-Bioloġija.
Proġetti:
Hei-Pladi – Erasmus+ (2016-2018) - €41,411
Il-proġett kien jinvolvi żvilupp ta' pakketti edukattivi marbutin mal-immaniġjar tal-ġonna botaniċi u l-erbarju. Kors ta' ġimgħa kien organizzat ġewwa l-Argotti mis-16 sal-20 ta' April 2018 għal numru ta' studenti minn pajjiżi diversi li kienu qed jipparteċipaw f’dan il-proġett.
SiMaSeed – Italia Malta (2018-2020) - €486,800
Il-proġett kien jinvolvi ġbir ta' żerriegħa u bini ta' bank taż-żerriegħa, biss dan il-proġett m’għadux fi ħdan l-Argotti u ttieħed fid-Dipartiment tal-Bioloġija.
Il-Baġit rikurrenti ta' kull sena kien ta’ madwar €10,500. Dan ma jinkludix il-pagi.
Fl-aħħar kwart tal-2019 ġie mniedi ukoll proġett ta' rinovar tal-ġnien biex dan jerġa’ jibda jiffunzjona bħala ġnien botaniku. L-ewwel fażi kienet tikkonsisti fil-ġarr u qtugħ ta' bosta siġar mejta u rimi ta' ħafna skart miġmuh. Dan involva:
Kiri ta’ Skips: €1,275.54
Tneħħija ta' mbarraz u skart minn madwar u ġewwa l-kantina tal-villa antika: €2,975.00
Tindif u tneħħija ta' skart minn diversi lokalitajiet fil-ġnien: €2,925.00
Żbir, qtugħ u ġarr ta' materjal organiku mejjet minn siġar: €1,999.80.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid:
a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva?
b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika jekk fil-qasam sportiv hemmx xi pjanijiet li fil-Mellieħa jinbnew xi faċilitajiet sportivi ġodda? Jekk iva jista' l-Ministru jindika x'tip ta' faċilità u f’liema żona fil-lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fiż-żmien li ġej SportMalta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Mellieħa se joħroġ sejħa għall-offerti biex isir żvilupp fl-outdoor gym li hemm fil-Family Park Mellieħa.
COVID-19 — Għaqdiex Mhux Governattivi – ħaddiema li se jibbenefikaw minn pakkett finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ Għaqdiet Mhux Governattivi (u ma' liema għaqdiet jaħdmu) li se jkunu qed jibbenefikaw mill-hekk imsejjaħ pakkett finanzjarju li l-Gvern ħabbar b'rabta mal-imxija tal-COVID-19? Fl-istess risposta, jista' jgħid kemm kien l-ammont fi flus li dawn l-istess għaqdiet ser ikunu qed jingħataw mill-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Xiri ta' karozzi li ma jagħmlux ħsara ambjentali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13449, jista' l-Ministru jindika meta se jixtri vetturi li ma jagħmlux ħsara ambjentali? Meta beħsiebu li dan isir?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu fil-pjanijiet tiegħu li jinkludi tali vetturi fix-xiri li ser ikun qiegħed isir.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq fuel/petrol/diesel
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13450, jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni kien hemm żieda daqshekk sostanzjali kif ġej:
a. SportMalta li żiedet l-infiq tagħha minn €18,120.40 (fl-2017) għall-€80,370.13;
b. Aġenzija Litteriżmu li żdiedet minn €11.00 (fl-2018) għall-€235.00 fl-2019; u
c. L-FES li żdiedet minn €597.75 għall-€1,254.89)?
Għal liema raġuni n-nefqa fi fuel min-naħa tal-NCFHE naqset minn €1,119.94 (fl-2017) għal €763.14 (fl-2019)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-risposti, fl-istess ordni alfabetiku tad-diversi mistoqsijiet li saru f'din l-interpellanza, huma kif ġej:
a. SportMalta: Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 il-pixxina nazzjonali kienet magħluqa għal perjodu ta’ tliet xhur minħabba xogħol ta’ rinovazzjoni tal-pixxina u l-art tad-deck.
Fis-Sena 2018 u 2019 il-pixxina baqgħet miftuħa s-sena kollha għal taħriġ tat-timijiet Nazzjonali Maltin tal-Waterpolo u Għawm minħabba impenji internazzjonali, għall-kuntrarju tas-snin preċedenti fejn għal perjodu ta’ ħmistax-il jum, bejn Jannar u Diċembru, il-pixxina kienet tkun magħluqa għall-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena. (Użu ta’ fuel f’dan iż-żmien ma jkunx hemm bżonn.)
Fis-snin ta’ wara kien hemm żieda fl-infiq minħabba:
· Kien hemm żieda fil-membri tal-pixxina minn 1,748 fl-2017 għal 2,349 fl-2019
· Kien hemm żieda fin-numru ta` klabbs li jużaw il-pixxina
· Kien hemm żieda fl-attivitajiet internazzjonali li jużaw il-pixxina
· Medja ta` Temperaturi baxxi li jaffetwaw it-temperatura tal-ilma
· Fil-perjodu ta’ Diċembru/Jannar il-pixxina baqgħet miftuħa f’liema żmien it-temperaturi jkunu baxxi u għalhekk hemm bżonn ta` iktar fuel.
Il-fuel fil-pixxina nazzjonali ma` jintużax għal tisħin tal-ilma tal-pools biss però jintuża wkoll biex isaħħan il-boilers tax-showers. Dawn ix-showers, minħabba żieda fin-numru ta’ nies li jużaw il-kumpless, qed jintużaw ħafna iktar. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li t-temperatura tal-ilma tiġi affetwata mir-riħ. Qed naraw li b’mod regolari nassiguraw li nżommu temperatura kostanti tal-ilma liema temperatura tiġi affetwata b’mod drastiku meta r-riħ ikun qed jonfoħ mit-tramuntana jew mill-punent.
Il-Management jieħu ħsieb li jara li t-temperatura tal-pool tinżamm kostanti għal 26.5 grad b’testijiet regolari matul il-ġurnata hekk kif mitlub mir-regolamenti tal-Federazzjoni Internazzjonali u dik tax-showers ta’ 50 grad kif mitlub mil-linji gwida ta’ sanità ta’ pool, kif ukoll għal showers użati mill- pubbliku biex ma jkunx hemm possibiltà ta’ legionella u jkun hemm iġene tajba.
b. Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu: Kien hemm żieda fin-nefqa fuq fuel/petrol/diesel minn €11.00 fl-2018 għal €235.00 fl-2019 minħabba li l-Aġenzija kellha domanda qawwija biex tqassam il-kotba tal-qari u r-riżorsi tal-litteriżmu lill-iskejjel.
c. FES: Iż-żieda fl-użu ta’ fuel għas-sena 2019 kienet minħabba li l-vettura tal-entità kellha tiġi użata aktar biex seta' sarix-xogħol ta’ manutenzjoni meħtieġ fiċ-ċentri u saru xi deliveries relatati oħra.
Rigward il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE), infurmat li n-nefqa fil-fuel naqset fl-2019 minħabba l-fatt li naqsilha l-Office Attendant li kellu r-responsabbiltajiet ta’ Driver u għalhekk il-vettura tal-Kummissjoni ma ntużatx daqshekk fil-perjodu ta’ bejn Ottubru 2019 u l-aħħar tas-sena 2019. Għal dan il-perjodu ħafna mill-impjegati użaw il-vetturi personali tagħhom. Barra minn hekk, minħabba l-ħinijiet tax-xogħol tas-sajf u tax-xitwa, il-vettura tal-Kummissjoni tintuża ħafna aktar fil-ħinijiet tax-xitwa u għalhekk fil-perjodu ta’ bejn Ġunju u Settembru l-vettura ntużat ħafna inqas milli kienet se tintuża fil-perjodu ta’ bejn il-bidu ta’ Ottubru u l-aħħar ta’ Diċembru. L-Office Attendant il-ġdid beda fl-2020.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 13875, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-iskejjel kollha f’Malta qegħdin jagħtu tagħlim onlajn permezz ta’ klassijiet virtwali u ċjoè permezz ta’ laqgħa virtwali li sseħħ bejn l-għalliem u l-istudent?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li online teaching qed isir fl-iskejjel kollha skont il-linji gwida maħruġa mill-Grupp ta’ Ħidma mwaqqaf mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. It-tagħlim online ma jinkludix biss laqgħat virtwali imma hemm metodi oħra. Għaddejjin proċessi sabiex jinġabar feedback dettaljat mill-iskejjel kollha tal-pajjiż sabiex ikun hemm stampa sħiħa tat-tip ta’ online teaching li qed isir, inkluż laqgħat virtwali bejn għalliem u studenti.
Talba għall-sistema tal-eżamijiet minflok assessjar kontinwu
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13877, jista’ l-Ministru jgħid jekk kinitx deċiżjoni meħuda mill-Ministeru jew jekk kinitx deċiżjoni meħuda minn xi skejjel li jerġgħu jintroduċu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena għal dawk l-istudenti li din is-sena qegħdin fil-Form 2 u se jitilgħu għal Form 3?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-iskejjel tal-Istat hemm direzzjoni ċara li ma jkomplux isiru eżamijiet ta’ nofs is-sena u allura dawn l-eżamijiet mhux qed isiru fl-iskejjel kollha filwaqt li baqgħu isiru l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Fil-każ tal-iskejjel mhux tal-Istat, filwaqt li ħafna skejjel isegwu l-mudell tal-iskejjel tal-istat, l-iskejjel jistgħu jagħżlu l-metodu ta’ assessjar li jridu kif ukoll il-frekwenza ta’ meta jagħmluh.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13879, jista’ l-Ministru jindika x’kienet ir-rata ta’ Early School Leaving għas-sena 2019?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li r-rata tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għas-sena 2019 skont il-Eurostat, fis-sit pubbliku u uffiċjali tagħha, kompliet titnaqqas u hija ta’ 16.7%. Għal darb’oħra kien hemm tnaqqis fir-rata li kienet 17.5% fl-2018. Din l-istatiska tinġabar mill-NSO bħala parti mil-LFS (Labour Force Survey) Ewropew.
Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol fuq l-estensjoni tal-Iskola Primarja fil-Mellieħa, liema xogħol kien imwiegħed qabel l-elezzjoni tal-2017 tant li jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali indikata kienu twaħħlu billboards fl-istess żona?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda wara li jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar u jkunu aġġudikati s-sejħiet għall-offerti biex jitwettaq ix-xogħol.
Kumpaniji tal-Istampar u media – ftehim ta’ sponsorship
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista tal-kumpaniji tal-istampar u media houses li magħhom il-Ministeru għandu ftehim ta' sponsorship? Jista’ jagħti deskrizzjoni ta' tali ftehim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
COVID-19 — Korsa tal-Marsa – xogħlijiet ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħol ta' manutenzjoni sar fil-kumpless tal-Korsa tal-Marsa minn meta waqfu t-tiġrijiet minħabba l-COVID-19?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta waqfu t-tiġrijiet minħabba l-imxija tal-COVID-19, il-ħaddiema tal-Malta Racing Club baqgħu għaddejjin b’diversi xogħlijiet kemm fil-korsa ewlenija kif ukoll fil-korsa l-antika fosthom tindif tal-culverts tal-ilma, tiswijiet ta’ paddocks, qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar u tindif ġenerali ieħor. Barra dan kollu iż-żewġ korsiji baqgħu jinħadmu u jingħataw l-ilma skont il-ħtieġa.
Il-Marsa — Kumpless tal-Korsa taż-Żwiemel - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx data ppjanata meta mistenni jibda x-xogħol ta’ bini mill-ġdid tal-kumpless tal-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa wara l-ftehim milħuq mal-konsorzju privat is-sajf li għadda?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li bħalissa l-konsorzju qed jistenna li l-outline planning permit ikun approvat sabiex tiġi stabbilita data meta jkun jista’ jibda x-xogħol.
Sports — miżuri wara li jiġu rtirati r-restrizzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema miżuri se jittieħdu ladarba jiġu rtirati r-restrizzjonijiet biex wieħed jissalvagwardja l-aspetti ta' saħħa u finanzi għall-klabbs, atleti u spettaturi fejn jidħlu:
(¡)Team Sports bħal football, basketball, volleyball, waterpolo u rugby; u
(ii) Individual Sports bħal atletika, weightlifting, tiġrijiet taż-żwiemel, ġinnastika, tennis, 8ball u motor sports?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, mill-bidu ta’ din ir-realtà ġdida, is-Segretarjat Parlamentari żamm kuntatt kontinwu ma’ numru ta’ federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet sportivi kif ukoll mal-Kumitat Olimpiku Malti. Dan kollu sar billi, sa fejn hu possibbli, tiġi faċilitata l-komunikazzjoni mad-dipartiment tas-saħħa u jiġi ppjanat il-futur ta’ dawn l-isports. Ovvjament, wieħed irid jikkonsidra numru ta’ fatturi li jinkludu jekk l-isports huwiex meqjus bħala sport individwali jew inkella bħala tim sport, il-livell ta’ kuntatt li jġib miegħu l-istess sport, spettaturi li jirrikoru għall-istess sport, l-istaġuni rispettivi li fihom isiru il-kompetizzjonijiet u commitments fuq livelli lokali u anke internazzjonali. Tajjeb wieħed jgħid li kull pjan se jitħabbar meta jkun il-waqt u wara li jintemm il-proċess, aktar fuq imsemmi, u jiġi assigurat li m’hemmx periklu għall-atleti tagħna.
Fejn għandu x’jaqsam ma’ finanzi, tajjeb wieħed jgħid li s-settur sportiv ibbenefika mill-pakkett t’għajnuna finanzjarja imħabbra mill-gvern u kif ukoll mill-iskema ta’ Fond ta’ Emerġenza għall-għaqdiet volontarji.
Introduzzjoni ta’ Learning Class Assistant fil-Kinder 2
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma dwar l-introduzzjoni tal-learning class assistant tal-kinder 2 għas-sena skolastika li ġejja? Jista’ jgħid fiex waslet din il-ħidma preparattiva u meta se titħabbar deċiżjoni dwar dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Tajjeb li wieħed jikkjarifika li n-nomenklatura ta’ dan il-proviżjon t’assistenza introdott matul is-sena skolastika li qiegħda tagħlaq hija Class Support. Dan il-proviżjon ta’ Learning Support Educator (LSE) tassisti lill-Kindergarten Educator (KGE), ingħata lill-klassijiet tal-Kinder 1 li kellhom aktar minn 12-il student/a fil-klassi skont il-Ftehim Settorali 2017. Studenti li kellhom Statement of Support FT 1-1 ingħataw LSE assenjata magħhom u tqiegħdu fi klassi ta’ 12-il student/a jew iżgħar.
Sadanitttant, ix-xogħol u l-eżerċizzji meħtieġa bi preparazzjoni għall-ftuħ ta’ sena skolastika oħra ilu għaddej u parti minnu huwa l-allokazzjoni tal-LSEs fl-iskejjel kollha tal-Primarja u Sekondarja u mhux biss fil-livell ta’ Kinder. Sintendi, parti mill-eżerċizzju hija l-allokazzjoni tal-Class Support issa mal-Kinder 2 ukoll fejn irid ikun hemm aktar minn 14-il student/a fil-klassi biex tiġi assenjata LSE ħalli tassisti lill-KGE.
Madwar nofs Mejju l-iskejjel Primarji se jkunu ffinalizzaw il-Classification tal-iskola tagħhom biex hekk l-Education Resources Department fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jkun jista’ jevalwa x’riżorsi umani hemm meħtieġa fosthom LSEs u class support fil-Kinder 2.
Jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-learning outcomes framework ta' diversi suġġetti li kellhom jibdew ikunu implimentati fil-ħames sena tal-primarja minn Settembru 2020 u fis-sekondarja u li ġew posposti għas-sena skolastika ta' wara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sillabi bil-Learning Outcomes li kellhom jibdew fil-Year 5 minn Settembru li ġej jinsabu onlajn https://curriculum.gov.mt/en/new_syllabi/Pages/year_05.aspx
Is-sillabi bil-Learning Outcomes li kellhom jibdew fil-Year 9 minn Settembru li ġej, huma s-sillabi tas-SEC, li jinsabu onlajn https://www.um.edu.mt/matsec/syllabi/secsyllabi2024.