Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu 2021 il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid:
a) Jekk l-edukaturi fl-Iskejjel Statali humiex mistennija jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom mill-iskejjel rispettivi jew le? u
b) Jekk l-edukaturi hux se jkunu qed jingħataw il-laptops il-ġodda b’mod immedjat biex iservuhom fil-perjodu tal-online teaching? X’apparat teknoloġiku ieħor tqassam lill-edukaturi jew hemm intenzjoni li jitqassam?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fil-linji gwida li tqassmu lill-iskejjel, l-edukaturi mistennijin joffru tagħlim onlajn ta’ kwalità. Dan jista’ jkun offrut mid-dar jew f’każijiet ta’ ħtieġa u ta’ bżonn għall-edukatur mill-iskola.
Irid jingħad li kull edukatur fl-iskejjel tal-Istat diġà għandu laptop. Dan minbarra li l-iskejjel tal-Istat huma attrezzati kemm bl-Interactive Whiteboards jew bl-Interactive Flat Panels u bl-All-In-One computers.
Skejjel li kellhom problemi bil-konnessjoni tal-internet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hawn skejjel madwar Malta li nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu kellhom problemi bil-konnessjoni tal-internet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu kien hemm problema temporanja ta’ konnettività u li ġiet riżolta minnufih bil-konnessjoni tal-internet li affettwat 100 skola.
Studenti tal-11-il sena tas-sekondarja — eżamijiet
Question
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu l-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istudenti tal-11-il sena tas-sekondarja hux se jkunu qed ikomplu bl-eżamijiet tagħhom wara l-11 ta’ April? Jekk le, x’inhu l-pjan? Jekk l-iskejjel ma jinfetħux kif ppjanat fil-11 t April x’se jiġri mill-eżamijiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li fil-każ li l-Awtoritajiet tas-Saħħa jippermettu li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom fit-12 ta’ April 2021, l-eżamijiet għall-istudenti tal-11-il sena se jkomplu minn fejn waqfu.
Jekk l-iskejjel ma jiftħux fit-12 ta’ April 2021, immorru għal elaborazzjoni ta’ marki miksuba, fejn applikabbli, fis-snin skolastiċi preċedenti tal-istudent, fl-assessjar.
Dawn il-miżuri kollha jkunu qegħdin jittieħdu sabiex studenti xorta jiksbu ċ-ċertifikat tal-SSC&P. Dan ukoll biex jassigura li l-istudenti jistgħu jimxu għall-istudji tagħhom f’livell post-sekondarju fis-sena skolastika li jmiss.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-fatt li min-nhar it-Tnejn 15 ta’ Marzu il-lezzjonijiet se jkunu qed isiru b’mod online, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-eżamijiet tal-MATSEC hux se jsiru kif ippjanat jew jekk hux ser isiru online jew jekk hux ser ikunu posposti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MATSEC diġà ħaseb u mexxa l-eżamijiet b'numru ta' ġimgħat lura. Bħal ma sar fl-2020, il-MATSEC ser jagħmel is-sessjoni tal-eżamijiet filwaqt li jkun qiegħed jirrispetta d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Tista’ l-Ministru tgħid, sal-ġurnata li titwieġeb din id-domanda, x'inhi d-deċiżjoni rigward l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fl-iskejjel tagħna u rigward l-eżamijiet tal-Matsec, tal-iskejjel post-sekondarji u tal-Università?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed nitkellmu dwar l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fl-iskejjel u ser ikollna pożizzjoni fuqha.
Rigward l-eżamijiet tal-Matsec, tal-iskejjel post-sekondarji u tal-Università, ninsab infurmata kif ġej:
MATSEC
Il-Bord tal-MATSEC skeda żewg sessjonijiet tal-eżamijiet, kemm fil-livell tas-SEC, kif ukoll fil-livell tal-Matrikola.
Skejjel post-sekondarji
L-eżamijiet annwali tat-tieni sena qed isiru bħalissa f'Sir MA Refalo Sixth Form; l-eżamijiet tal-Annwali għall-istudenti tal-ewwel sena hemm il-pjan li jsiru f'Ġunju 2021 bħas-soltu.
Il-mock exams tal-Gem 16+ ser isiru bejn is-26 u d-29 t’April 2021.
L-eżamijiet annwali tal-ewwel sena ġewwa l-Giovanni Curmi Higher Secondary ser isiru kif ippjanat fil-bidu ta` Ġunju filwaqt li mal-istudenti tat-tieni sena ser nimxu fuq il-continuous assessment.
MCAST
L-assessjar fl-MCAST huwa wieħed kontinwu, fejn l-assessjar ta’ kull unità ta’ studju huwa diviż f’assessjar matul is-sena kollha u assessjar fl-aħħar tas-sena. Huwa maħsub li jsir hekk kif ippjanat u jintużaw diversi modi ta’ assessjar.
Junior College
Rigward il-Junior College ġie deċiż li l-eżamijiet ta’ Ġunju din is-sena ma jsirux u l-istudenti jiġu promossi għat-tieni sena fuq bażi ta' assessjar kontinwu.
L-Università
Id-deċiżjoni tal-Università kienet li tagħti l-possibilità lill-fakultajiet rispettivi sabiex l-eżamijiet isiru kemm onlajn kif ukoll fiżikament fuq il-kampus tal-Università. Fil-każ ta' eżamijiet fuq il-kampus tal-Università ser ikun assigurat li kemm id-distanza soċjali u kif ukoll il-kundizzjonijiet kollha, ikunu marbuta mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u ser jiġu osservati.
Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm fondi tal-Unjoni Ewropea ġew utilizzati s'issa mill-MCAST ġewwa Għawdex, inkluż fi proġetti li għadhom għaddejjin? Fuq liema proġetti jew inizjattivi intużaw u kemm kien l-ammont ta' fondi tal-Unjoni Ewropea użati jew li se jintużaw għal kull proġett jew inizjattiva?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-istudenti ġewwa l-MCAST ta’ Għawdex qed igawdu minn diversi inizjattivi bħala parti minn proġetti ESF li l-MCAST qed jamministra. Dawn jinkludu l-ESF 3.003 li joffri programmi ta’ Masters li jinkludu Master of Science in Environmental Engineering, Master of Science in High Performance Buildings, Master of Science in Integrated Water Resource Management, Master of Arts in Product Design, Master of Science in Mechatronics, Master of Science in Exercise and Sports Science u l-ESF 2.058, Adding Value: Nurturing Learning Journeys at the MCAST Foundation College. Dawn il-proġetti huma mmirati kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex u għalhekk il-fondi ma jkunux maqsuma.
Studenti Għawdxin igawdu wkoll minn sistema żviluppata, parti minn proġett ERDF, CMIS, li permezz ta’ sistema ċentralizzata, l-istudenti jistgħu japplikaw u jirreġistraw b’mod virtwali, fost servizzi oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan għall-parkeġġ li hemm taħt l-iskola tal-Qawra? Dan se jkun għall-użu tal-pubbliku, bħalma kien wiegħed il-Gvern meta kienet qed tinbena l-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19289. Nerġa' ntenni li hi l-intenzjoni tal-awtoritajiet li dan il-parkeġġ ikun aċċessibbli għall-użu minn terzi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien it-total ta' warrants li ngħataw dan l-aħħar lill-għalliema? Kemm minn dawn il-warrants ġew mogħtija fuq bażi ta' snin ta' esperjenza? Kemm minn dawn il-warrants ingħataw lill-gradwati tal-PGCE? Kemm minn dawn il-warrants ingħataw lill-gradwati tal-MA? Kemm minn dawn il-warrants ingħataw lill-gradwati tal-MSc?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li minn Settembru 2020 sa Jannar 2021 inħarġu 117-il warrant.
Infurmata wkoll li filwaqt li l-ebda warrant ma ngħata fuq bażi ta’ snin ta’ esperjenza, ħames (5) warrants ingħataw lill-gradwati tal-PGCE, tliet (3) warrants ingħataw lill-gradwati tal-MA u warrant wieħed (1) ingħata lill-gradwat tal-MSc.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u tgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19253.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fl-Iskola Primarja tax-Xewkija, Għawdex hemmx nuqqas ta' spazju peress li parti mill-Iskola fl-aħħar snin ittieħdet għal skopijiet oħra? Jekk iva x'qed isir biex jiġi rimedjata dan in-nuqqas ta' spazju?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m'hemmx nuqqas ta’ spazju fl-Iskola Primarja tax-Xewkija.
Skejjel ta' Għawdex — servizz ta' pulizija fil-ħinijiet ta' dħul u ħruġ tat-tfal
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel kollha f'Għawdex hux qed ikollhom servizz ta' Pulizija fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal? Jekk le x'inhi r-raġuni? Ma taħsibx li s-sigurtà tat-tfal għandha tiġi qabel kull ħaġa oħra?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmata li fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal, l-iskejjel f’Għawdex qed ikollhom servizz tal-Pulizija jew tal-uffiċjali tas-sigurtà, liema miżura ġiet introdotta minn din is-sena skolastika.
Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – tindif ta’ klassijiet
Question
Fid-dawl tal-informazzjoni li fl-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex, it-tindif tal-klassijiet qed jispiċċa jsir fil-ħin tal-iskola u li t-tfal qed jispiċċaw ikollhom jistennew barra mill-klassijiet sakemm isir dan it-tindif, tista’ l-Ministru tintervjeni u tieħu l-miżuri neċessarji biex tara li dan kollu ma jibqax jirrepeti ruħu b'detriment għall-istudenti u l-ħidma tal-edukaturi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li dan kien każ uniku ta’ klassi ta’ l-ewwel sena. Il-purtinara li tieħu ħsieb din il-klassi partikulari kienet assenti minħabba mard u t-tindif kellu jsir l-ewwel ħaġa filgħodu. Infurmata wkoll li din il-problema ġiet solvuta billi wara tqassam b’mod aħjar ix-xogħol tal-purtinara.
Skola Primarja tax-Xagħra Għawdex – klassijiet tal-ewwel sena amalgamati
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-klassijiet tal-ewwel sena fl-Iskola Primarja tax-Xagħra Għawdex ġew amalgamati flimkien meta ż-żmien ta' pandemija li qed ngħixu fihom bħalissa, jitlob proprju l-kuntrarju? Tista' tintervjeni u tara li dan l-amalgamar ma jibqax iseħħ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fl-Iskola Primarja tax-Xagħra hemm klassi waħda tal-ewwel sena li fiha erbgħa u għoxrin (24) student. Dawn qegħdin skont in-numri tal-popolazzjoni tal-klassi skont l-Agreement. Infurmata wkoll li l-klassi li qegħdin fiha kbira biżżejjed biex joqgħodu l-istudenti skont il-protokolli li ħarġu l-Awtorità tas-Saħħa.
Studenti li qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja
Question
Tista’ l-Ministru tgħidilna jekk il-Ministeru jew id-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’Malta hux qed iżomm rekord, u rekord aġġornat, dwar in-numri ta’ studenti fil-livell primarju, u fil-livell sekondarju li għal xi raġuni, fosthom l-esklużjoni, qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja? Jekk iva, tista’ tgħaddilna n-numri tal-istudenti fil-livell primarju, u fil-livell sekondarju b’mod separat skont it-tip għall-aħħar 5 snin, li għal xi raġuni qed jispiċċaw barra mis-sistema edukattiva obbligatorja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema edukattiva li qed inħaddnu ma tippermetti l-ebda student jispiċċa barra mis-sistema edukattiva obbligatorja.
Tista’ l-Ministru telenka liema policy jew gwida titħaddem għall-proċess attwali ta’ statementing b’rabta mal-aċċess għall-appoġġ u jew servizzi fl-iskejjel jew edukazzjoni bi ħtiġijiet speċjali? Liema hi l-gwida tal-proċedura u tal-appoġġ mogħti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu linji gwida ta’ proċedura biex skejjel jirreferu tfal lil Statementing Board. Id-dokument li qed nirreferi għalih huwa dak imsemmi ta' "The Statementing Process: Referral Guidelines for Schools".
Child Care Centres li ser jiftħu – ħlas mill-Gvern
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament ir-raġunijiet wara d-deċiżjoni biex Child Care Centres li qed jippreparaw biex jiftħu, ma jingħatawx il-possibbiltà li jirċievu ħlas mill-Gvern bħal ma jirċievu Child Care Centres oħra li laħqu fetħu? Tista' tispjega wkoll għaliex din id-deċiżjoni ttieħdet ħabta u sabta bla pre-avviż? Tista' tgħid ukoll jekk din id-deċiżjoni hix temporanja? Tista' tgħid ukoll kif ser jiġu kkumpensati dawk li minħabba d-deċiżjoni bla mistenni tal-Gvern, daħlu fi spejjeż għalxejn?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19329.
Ministeru għall-Edukazzjoni — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u tindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-varji bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ġew maħtura mill-Ministeru l-persuni fil-karigi li se nsemmi:
Chairperson/Deputy Chairperson - 47 li minnhom 15 huma nisa
Membri - 356 li minnhom 156 huma nisa
Board Secretary (inkluż Onorarju u Eżekuttiv) - 23 li minnhom 12 huma nisa