Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar - ERA - Multa amministrattivi u ittri ta’ twissija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33142, dwar spezzjonijiet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid meta tinħareġ multa amministrattiva u meta tinħareġ ittra ta’ twissija? Tista’ tgħid ukoll kemm-il multa amministrattiva u ittri ta’ twissija nħarġu f’San Pawl il-Baħar, matul is-snin 2024 u 2025, separatament għal kull triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fejn jikkonċerna l-liġi tar-Rimi u s-Separazzjoni tal-Iskart per se, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) toħroġ multa amministrattiva meta: Persuna tinqabad toħroġ skart mhux skont il-ġurnata stipulata fl-iskeda nazzjonali għall-ġbir tal-iskart. L-iskart ikun inħareġ f’ħin skorrett. Persuna tiddepożita skart qrib laned taż-żibel, skips, jew reċipjenti oħra li jinsabu f’post aċċessibbli għall-pubbliku. L-uffiċjali tal-infurzar isibu dettalji mill-iskart mitfugħ diġà li jwasslu biex jiġi identifikat persuna. Apparti dan, ittra ta’ twissija uffiċjali tinħareġ meta l-uffiċjali jaraw persuna tiddepożita borża tal-iskart sewda bi skart organiku u/ jew skart riċiklabbli fiha li juri li l-persuna qed tonqos milli tirriċikla l-iskart kif stipulat fil-liġi rispettiva. F’każ li din l-istess persuna tkun diġà nqabdet f’inċident separat toħroġ skart mhux separat b’mod korrett, din tirċievi multa amministrattiva mill-Awtorità mhux ittra ta’ twissija oħra. Fir-rigward ta’ multi amministrattivi li nħarġu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar għall-kontravenzjonijiet indikati hawn fuq, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-multi amministrattivi maħruġin mill-ERA, skont it-triq fejn saret il-kontravenzjoni. Fir-rigward ta’ ittri ta’ twissija, l-ERA ma żżommx lista ta’ toroq, iżda huma klassifikati bil-lokalità. Għaldaqstant, apparti l-multi, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, l-ERA ħarġet 207 ittri ta’ twissija fis-sena 2025 u mija u 114 fis-sena 2024. Tajjeb infakkar li apparti l-multi u ittri ta’ twissija maħruġa mill-ERA, tali liġi hija nfurzata wkoll mill-LESA u mill-Pulizija.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Ittri ta’ twissija u multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33169 u tgħid kemm inħarġu ittri ta’ twissija u multi amministrattivi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), għal kull lokalità f’ Malta u Għawdex, matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll kif jitqabblu dawn iċ-ċifri, maċ-ċifri tal-2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet total ta’ 1,206 ittri ta’ twissija uffiċjali u 1,302 multi għad-diversi illegalitajiet ambjentali mwettqa madwar Malta u Għawdex kollha matul l-2024. Matul is-sena 2025, l-Awtorità ħarġet 1,168 ittra ta’ twissija u 1,401 multa amministrattiva.

Toroq neqsin minn dawl xieraq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32629, tista’ l-Ministru tara kemm hemm toroq prinċipali li jinsabu fi stat mudlam tant li s-sewwieqa jkollhom isuqu bid-dawl mixgħul b’periklu għal sewwieqa oħra? Tista’ tara li din il-materja tkun indirizzata bis-serjetà mill-entità kkonċernata biex jitnaqqsu l-perikli fit-toroq tagħna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fir-rigward tad-dawl f’toroq arterjali dan jiġi ddisinjat skont l-istandard Ewropew EN13201 biex ikun żgurat livell għoli ta’ sigurtà. Normalment l-installazzjoni ta’ lampi f’toroq residenzjali fl-ibliet u rħula ssir mill-Kunsill Lokali. Enemalta tipprovdi s-servizz tal-elettriku biex jinxtegħlu wara li l-Kunsill Lokali jissottometti applikazzjoni STL.

Il-Miżieb - Tiswijiet

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi żgurat li l-ħsara kkawżata mix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) lill-ħajt li jifred l-għelieqi mit-triq (fiż-żona tal-Miżieb, fuq l-għolja li twassal għall-Imbordin) tissewwa kif suppost, peress li l-ilma qed jinżel fl-għelieqi u qed jikkawża ħsara li qed tissarraf f’danni lill-bdiewa tal-madwar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandhiex rapporti ta’ tiswijiet pendenti fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tipprovdi iktar dettalji speċifiċi f’każ li jirriżultalha li hemm xi tiswijiet li jeħtieġ isiru min-naħa tal-Korporazzjoni.

San Pawl il-Baħar – Qtugħ tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex partijiet sostanzjali ta’ San Pawl il-Baħar kienu bla ilma bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru, 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm ħsara fuq il-mejn ewlieni li jissupplixxi Buġibba bis-servizz tal-ilma, u l-provvista kellha tingħalaq sakemm tissewwa din il-ħsara.  Il-ħaddiema tal-Korporazzjoni raw li din il-problema tiġi solvuta fl-iqsar żmien biex l-inkonvenjent kien mill-inqas possibbli.

Ix-Xemxija – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal għall-qtugħ frekwenti tad-dawl fl-inħawi tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll, b’mod partikolari, ir-raġuni li għaliha d-dawl inqata’ diversi drabi matul il-jum tat-8 ta’ Jannar, 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fid-data indikata ma daħal l-ebda rapport ta’ qtugħ ta’ dawl fix-Xemxija, kemm fuq livell ta’ vultaġġ baxx kif ukoll fuq livell ta’ vultaġġ medju, u lanqas ma ġiet sospiża l-provvista minħabba xogħol ippjanat.

Kennedy Grove – Attivitajiet ta’ żmien il-Milied – Nefqa

Question

Tista’ l Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa biex inżamm il-programm ta’ attivitajiet ta’ żmien il-Milied fl-inħawi ta’ Kennedy Grove? Fiex kienu jikkonsistu dawn in-nefqiet, u kif kienu maqsuma, bħal: armar, tiżjin, dwal eċċ.? X’tip ta’ sigurtà kien hemm waqt l-attivitajiet u minn min ġiet ipprovduta? Tista’ tagħti dettalji ta’ nefqiet oħra li kienu involuti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l‑avveniment pubbliku msejjaħ ‘Christmas in the Park’ jagħti opportunità lill‑familji u lill‑viżitaturi biex, filwaqt li jgawdu l‑ispazji miftuħa u jqattgħu ħin ta’ kwalità mal‑għeżież tagħhom, jitgħallmu kif jagħmlu għażliet aktar għaqlin u sostenibbli fil‑ħajja ta’ kuljum. Dan kollu jsir f’atmosfera festiva tipika tal‑Milied, li tgħaqqad id‑divertiment mal‑edukazzjoni u l‑għarfien ambjentali. Matul l-għaxart’ijiem li damet għaddejja, bejn it-12 u l-21 ta’ Diċembru 2025, din l-attività żaruha għadd kbir ta’ viżitaturi li ngħataw l-opportunità li jiltaqgħu ma’ rappreżentanti mid-diversi entitajiet tal-Ministeru. Dawn laqgħu lill‑pubbliku u permezz ta’ attivitajiet u logħbiet edukattivi, komplew iwasslu messaġġi b’saħħithom favur il‑ħarsien tal‑ambjent u s‑sostenibbiltà. L‑esperjenza kienet imsaħħa b’attivitajiet bħal realtà virtwali, wirjiet interattivi, logħob edukattiv u diversi dimostrazzjonijiet tematiċi oħra. L‑ispiża netta tal‑avveniment kienet ta’ €323,069. Din tinkludi spejjeż relatati ma’ servizzi ta’ disinn u reklamar, loġistika, armar, tiżjin u set-up ġenerali, programm ta’ divertiment u attivitajiet għat‑tfal, trasport, servizzi ta’ saħħa u sigurtà, polza ta’ assigurazzjoni u tindif.

Ir-Rabat, Malta – Triq ir-Rumani – Charging points

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jibdew jaħdmu ċ-charging points tal-karozzi fi Triq ir-Rumani, ir-Rabat, Malta, peress li ilhom ġimgħat ma jaħdmu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li sal-lum għadu qatt ma kien hemm servizz tal-iċċarġjar tal-vetturi fit-triq indikata u għaldaqstant żgur li mhux il-każ li wieħed jgħid li dan ilu ġimgħat ma jaħdem. Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma xogħlijet infrastrutturali u elettriċi li saru bi tħejjija biex f’dik it-triq, għall-ewwel darba, issir charging pillar ġdida li se jkollha żewġ charging points.

Birżebbuġa – Xogħlijiet – Compliance/Conformity Assessment Reports

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33603, tista’ l-Ministru tqiegħed il-Conformity Assessment Reports b’mod li l-informazzjoni sensittiva tkun eskluża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ġie spjegat fit-tweġiba preċedenti li ngħatat, dan id-dokument jitratta l-infrastruttura kritika tal-pajjiż u għaldaqstant ma jistax jiġi pubblikat minħabba li huwa ta’ natura kunfidenzjali u sensittiva.

ARMS Ltd – Eko-riduzzjoni – Nuqqasijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ARMS tafx kemm kien l-ammont ta’ kontijiet residenzjali milquta min-nuqqas tekniku li wassal biex jitilfu l-eko-riduzzjoni, u jekk iva, kemm kien preċiżament dan l-ammont?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika dwar is-suġġett, fejn fiha spjegajt ukoll li ħtart audit indipendenti. Se nistenna l-eżitu ta’ dan l-audit. Peró għall-korrettezza qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija tal-ARMS li fiha kien hemm inkluż ukoll email tal-ARMS li wriet li meta l-Onor. Interpellant mar jikkwota emails quddiem il-bini tal-ARMS, kien qed jiċċensura l-istess emails biex ta impressjoni li ma tirriżultax meta wieħed jara l-korrispondenza sħiħa. Irrid infakkar ukoll li huwa dan il-Gvern li dejjem assigura l-orħos kontijiet tal-enerġija, u l-istess se jibqa’ jagħmel. L-istess kif solva inġustizzji mal-konsumaturi li ħalla Gvern Nazzjonalista kif spjegat ukoll fl-istqarrija tal-Ministeru li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Finalment, nassigura wkoll li anke f’dan il-każ kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.

CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION – Offerenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33613, peress li fil-link provdut hemm biss id-dokumenti li bihom inħareġ it-tender, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tas-sottomissjonijiet li saru mill-offerenti, inkluż dawk li rebħu t-tender?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 33613, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni provduta f’din il-link https://www.etenders.gov.mt/epps/eawarding/showDetailsOpenedTender.do?resourceId=12461784 , li qed inpoġġi screenshot tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Kwalunkwe informazzjoni u dokumenti mhux aċċessibbli mill-pjattaforma tal-ePPS huma ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma jistgħux jiġu pubblikati.

Is-Siġġiewi – Żona ta’ Għar Lapsi – Ħsarat kawża tal-maltemp

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri se jittieħdu biex jiġu indirizzati l-ħsarat li hemm fiż-żona ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi, kawża tal-maltemp li ffaċċja pajjiżna f’dawn il-jiem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ħaż-Żebbuġ - BCRS - Magna out of order

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-magna tal-BCRS f’Ħaż-Żebbuġ, Malta, spiss qed tkun ‘out of order’?  Tista’ tgħid ukoll x’passi qegħdin jittieħdu sabiex dan l-inkonvenjent żejjed għar-residenti jinqata’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mir-riżulat tal-analiżi li saret dwar il-prestazzjoni tal-RVM ta’ Ħaż‑Żebbuġ, ma ġewx identifikati anomaliji jew irregolaritajiet abnormali fil-funzjoni tagħha. Madankollu, r-Regolatur se jibqa’ jiżgura li l-operatur liċenzjat jibqa’ jissorvelja u jimmonitorja b’mod kontinwu l-prestazzjoni tal-imsemmija magna, ħalli jekk jirriżulta li jkun hemm anomaliji dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv.

Grid tal-elettriku – Xogħlijiet u Infrastruttura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex ser ikun qed jikkonsisti x-xogħol marbut mal-grid tal-elettriku, fuq firxa ta’ disa’ snin imħabbar mill-Ministeru u l-Enemalta? Tista’ tgħid ukoll kif ser jiġi żgurat li l-infrastruttura meħtieġa, issir b’mod li ma tkissirx lill-infrastruttura eżistenti, fl-istess toroq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal stqarrija (PR260019) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-8 ta’ Jannar 2026, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Għawdex - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar il-proġetti li Project Green qed tiffinanzja fil-gżira ta’ Għawdex?  Tista’ tgħid ukoll: a. meta nbeda kull wieħed minn dawn il-proġetti; b. jekk hux ta’ kuljum qed isir xogħol fuqhom mill-kuntratturi rispettivi; ċ. jekk kienx hemm xi varjazzjonijiet sa issa u jekk iva, fiex kienu jikkonsistu u għaliex saru dawn il-varjazzjonijiet u jekk jammontawx fi flus; u d. meta huma ppjanati li jitlestew biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà kont spjegajt fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 30518, Project Green qed tiżviluppa Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem b’investiment ta’ madwar €1,050,000. Dan il-proġett jinvolvi spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet fosthom tagħmir tal-logħob għat-tfal, anfiteatru u ċentru edukattiv. Ix-xogħolijiet bdew f’April li għadda u bħalissa, qed isir skavar tal-ġibjun. Dan il-ġnien se jkollu wkoll faċilitajiet pubbliċi u bħalissa għaddej ukoll xogħol fuq il-pedament tagħhom. Infurmata li x-xogħol fuq dan is-sit isir kuljum, diment li t-temp jippermetti, biex dejjem nassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Huwa mmirat li x-xogħlijiet jitlestew fit-tielet kwart ta’ din is-sena. Proġett ieħor li qed twettaq Project Green f’Għawdex huwa dak ta’ EcoGarden fix-Xewkija li għalih l-investiment hu ta’ madwar €470,000. Hawnhekk l-Aġenzija se tkun qed tagħti prijorità lill-enerġija rinnovabbli biex il-ġnien ikun awtosuffiċjenti. Se jkun qed jinbena wkoll ġibjun għall-ħażna tal-ilma u se jiġi installat tagħmir tal-logħob għat-tfal. Wara li ġie ffirmat il-kuntratt u sar il-proċess biex jinkisbu l-permessi meħtieġa, Project Green qed tistenna l-clearance mill-BCA biex ikunu jistgħu jinbdew ix-xogħlijiet fuq is-sit. F’dan iż-żewġ każijiet, u kif tagħmel fi kwalunkwe proġett ieħor, Project Green tassigura li l-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet jonoraw l-iskedi u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Minbarra l-proġetti li qed twettaq Project Green, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kien u għadu involut permezz ta’ entitajiet oħrajn fi proġetti oħra f’Għawdex. Fost l-oħrajn, Ambjent Malta kienet involuta f’xogħlijiet ta’ tisbiħ f’San Lawrenz, il-Munxar u Għajnsielem, filwaqt li fl-Għasri assistiet fir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kenn is-Salvatur. F’ħidma konġunta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Ambjent Malta wettqet ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-ħbula u s-sinjali tal-informazzjoni li jipproteġu l-għaram tar-ramel fir-Ramla l-Ħamra, biex tiġi mħarsa l-veġetazzjoni endemika. Barra minn hekk, ġew installati sinjali ta’ informazzjoni ġodda f’diversi żoni protetti u f’siti ġodda ddikjarati bħala protetti. F’Ottubru li għadda Ambjent Malta bdiet timplimenta proġett f’Għajnsielem bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali li l-investiment tiegħu hu stmat li se jammonta għal €300,000 u huwa mmirat li jitlesta fis-sajf li ġej. Sadattant, qed tħejji sejħa għall-offerti biex taħt l-istess skema, b’investiment ta’ €23,862 isir proġett ta’ żona ta’ rikreazzjoni fi Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala. Min-naħa tagħha l-ERA sar xogħol biex tindirizza u tikkontrolla l-ispeċi aljeni invażivi li qed jheddu l-integrità ekoloġika tas-sit protett tal-Għadira ta’ Sarraflu. Filwaqt li, permezz tal-proġett CORALLO, ċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tad-Dwejra ġie promoss bħala ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali marittima u użat bħala sit ewlieni ta’ għarfien dwar in-Natura 2000.

Iż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta) - Okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika

Question

Fid-dawl tal-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fiż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta), fejn anke ġie rrappurtat li kienet ikkaġunata ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet kompetenti biex titwaqqaf din l-illegalità u jiġi aċċertat li s-sit jiġi żgumbrat kompletament, u tgħid x’passi legali jew ta’ infurzar qed jittieħdu fil-konfront tal-persuni responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

l-Imġarr, Malta – Nuqqas ta’ vultaġġ elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex bejn is-6:00 p.m. u t-8:00 p.m. diversi djar f’toroq residenzjali tal-Imġarr, Malta, qed isofru min-nuqqas ta’ vultaġġ li jwassal għal qtugħ tal-elettriku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżatt iż-żona li qed jirreferi għaliha biex ir-risposta tkun korretta, madankollu infurmata li għaddejjin il-preparamenti biex kif għamilna f’lokalitajiet oħrajn madwar Malta u Għawdex inkomplu bix-xogħol ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni anke fil-lokalita tal-Imġarr. Fil-fatt, matul din is-sena se tkun qiegħda tiġi kummisjonata substation ġdida f’żona partikolari fl-Imġarr.