Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18675 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ir-reġistru fejn persuna tkun reġistrata biex taħdem fuq siti ta’ kostruzzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif naħseb li jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, bħalissa il-Gvern għaddej qatigħ bir-riforma fil-qasam tal-bini u kostruzzjoni. Din ir-riforma tkopri ukoll is-sistema ta’ ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ kuntratturi u ħaddiema fuq siti ta’ kostruzzjoni u fiż-żmien opportune ser inkunu qed invaraw din ukoll.
Jista’ l-Ministru jindika għaliex Electrogas Malta hija indikata bħala 'Compliance Status C' taħt l-EU emissions trading scheme? Jista’ jindika hemmx każ ta’ non-compliance u x'passi ttieħdu mill-awtoritajiet konċernati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, kuntrarjament għal dak li qed jintqal fil-mistoqsija, fil-fatt skont ir-Reġistru tal-Unjoni għall-EU Emissions Trading System, il-compliance status ta’ Electrogas Malta huwa “A” u allura mhux il-każ li m’hemmx Compliance kif qed jallega hu.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — direct orders lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, mill-2019 sal-lum, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ma taw l-ebda kuntratt lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament u għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan (PA07491/16) għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2021 hu ppjanat li jiġi approvat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni għadha dik kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13490, cioè, li l-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (PA07491/16) għaddiet mill-proċess ta’ “screening” u bħalissa l-Awtorità qegħda tistenna l-informazzjoni li ntalbet fl-iscreening letter sabiex tkun tista’ tivvalida u tibda tipproċessa din l-applikazzjoni. Il-Perit talab għal aktar estensjoni ta’ żmien sa biex ikun jista’ jwieġeb għall-informazzjoni mitluba.
Jists’ l-Ministru jieħu ħsieb li Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid jiġi kkurat, is-siġar jiġu miżbura u jkun imnaddaf u jkun hemm sorveljanza fl-istess post?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18715 u jgħid kemm inġabru flus f'Għawdex mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2010 'l hawn, permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme u kemm minnhom intefqu u kif?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Commuted Parking Payment Scheme kienet skema marbuta ma’ lokalitajiet speċifiċi kif identifikati fil-Pjani Lokali u li f’Għawdex dawn kienu biss il-Belt Victoria (Ir-Rabat) u Marsalforn (Iż-żebbuġ). Il-fondi miġbura f’Għawdex taħt din l-iskema mill-2010 ‘l quddiem kienu jammontaw għall-seba’ mija u tmenin elf u mija u tmenin ewro (EUR 780,180), li minnhom, fl-2012, intefqu madwar tlett elef, tliet mija u għoxrin ewro (EUR 3,320) biex saret car free day. Tajjeb wieħed jispjega, li mis-sena 2017, dan il-fond ġie integrat mad-Development Planning Fund u bħalissa hemm talba pendenti għall-finanzjament mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria sabiex issir installazzjoni ta’ dawl fi Pjazza San Ġorġ u t-toroq tal-madwar. Din it-talba tammonta għal aktar minn mija u disgħin elf ewro (EUR 190,000). Bl-istess mod, fil-lokalità taż-żebbuġ, se jiġi ffinanzjat proġett ta’ playing field b’nefqa ta’ aktar minn tliet mija u seba u għoxrin elf ewro (EUR 327,000). Irrid inżid, fl-aħħarnett, li mill-2017 sal-lum, il-proġetti f’Għawdex li ġew approvati għall-finanzjament mid-Development Planning Fund huma stmati li jiswew aktar minn tmien mija u ħamsa u tletin elf ewro (EUR 835,000).
Awtorità tal-Ippjanar – Il-Baħrija – Post magħruf bħala il-Blata tal-Melħ — xatba
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa xatba li għalqet l-aċċess għall-post magħruf bħala “Il-Blata tal-Melħ”, limiti tal-Baħrija? Jekk m’hemmx permessi, jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jerġa’ jinfetaħ dan l-aċċess?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx permessi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex setgħet titpoġġa x-xatba. Iżda jirriżulta li saret applikazzjoni sanatorja fejn l-applikant qed jiddikjara li hu sid tal-art. L-Awtorità tal-Ippjanar tirregola biss żvilupp illegali, iżda mhux drittijiet ta’ aċċess, li huwa l-irwol tal-Awtorita tal-Artijiet.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.
ERA – Il-Mellieħa – Triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu suppost ħarġu lill-Infrastructure Malta sabiex din setgħet twettaq xogħol fi triq biswit il-Bajja tat-Torri l-Abjad limiti tal-Mellieħa u dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’tarmak fi triq indikata kif ukoll f’rampa tal-konkos mit-triq għall-istess bajja indikata fir-ritratti li qed jingħataw separatament u dan anke peress li ż-żona inkwistjoni hija wkoll SAC (Special Area of Conservation)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li għax-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma nħarġu l-ebda permessi. Fir-rigward tal-kisi tat-triq bit-tarmak, tajjeb wieħed jinnota li, skont Klassi 3 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08 (Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp), xogħlijiet ta’ din ix-xorta ma jeħtiġux permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Min-naħa l-oħra, x-xogħlijiet tar-rampa ħtiġilhom permess u l-Awtorità ordnat li din titneħħa minnufih kif fil-fatt sar.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-uffiċini jiġu sanitizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa. Ix-xogħol ingħata skont l-urġenza tal-każ wara li nkisbu stima/i.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għandhom jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – impjegati li mardu bil-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull impjegat li nstab pożittiv għall-COVID-19 qagħad kwarantina. Attwalment, in-numru ta’ persuni li qegħdin kwarantina huwa ta’ tmienja (8).
Is-Salina – Triq is-Salini – rapport tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19622 jista’ l-Ministru jpoġġi KULL dokument ikkummissjonat mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali relatat mal-applikazzjoni PA03155/17 fuq xogħol li nbeda u ma’ tkompla qatt fis-Salina? Nifhem li hemm aktar dokumenti minn dak impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mar-risposta indikata fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2021 u li kienu ppreżentati/ppreparati mill-istess entità indikata fuq l-istess proġett fis-Salina?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tal-Ippjanar m'għandha l-ebda dokument ieħor ħlief dak li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mal-mistoqsija parlamentari 19622
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu skemi ambjentali li kienu eliġibbli għalihom il-kunsilli lokali u kemm applikaw biex jibbenefikaw minnhom il-Kunsilli Lokali ta' Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, Marsaskala u ż-Żejtun bejn l-2019 u l-2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ta’ kull sena, Ambjent Malta tidħol fi ftehim ma’ diversi Kunsilli Lokali sabiex dawn jimplimentaw proġetti ta’ tħaddir urban fil-lokalità tagħhom. Il-Kunsilli taż-Żejtun u Marsaskala daħlu għal ftehim bħal dan fl-2019, filwaqt li ftehim simili sar mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk fl-2020. Il-valur ta’ kull ftehim kien ta’ tletin elf ewro (EUR 30K).
Għawdex — żvilupp massiċ – dikjarazzjoni mis-sindki Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament x’azzjoni beħsiebu jieħu biex jindirizza d-dikjarazzjoni unanima li għamlu s-Sindki Għawdxin ftit tal-jiem ilu dwar l-iżvilupp massiċċ li kien għaddej f’Għawdex fl-aħħar snin u li għadu għaddej?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà sar kuntatt mar-Reġjun ta’ Għawdex sabiex fil-jiem li ġejjin tkun tista’ ssir laqgħa mas-Sindki rispettivi. Bħala Gvern dejjem lesti li nisimgħu sabiex insibu l-aħjar toroq ‘l quddiem f’qafas ta’ rispett lejn l-obbligi u drittijiet li joħorġu mill-liġi. Filwaqt li numru ta’ riformi li implimentajna huma xhieda tal-impenn tagħna, issa li qed infasslu SPED ġdid huwa iż-żmien opportun biex kulħadd jati kontribut għal dan il-proċess. Sadanittant, nistieden ukoll lill-Onorevoli Interpellant biex f’isem l-Oppożizzjoni jippreżenta wkoll il-miżuri li qed jipproponi. Sal-lum, dawn ma waslux.
Portijiet tal-Imġarr u Ċirkewwa – livell ta’ tniġġis fl-arja u fil-baħar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19426, jista’ l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk hemmx metodu ta’ kif jitkejjel il-livell ta' tniġġis fl-arja u fil-baħar fil-Portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa? Jekk iva jista' jippreżenta d-dettalji għall-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Fir-rigward tal-livelli ta’ tniġġis fl-arja, l-eqreb punti ta’ fejn isir monitoraġġ għall-port taċ-Ċirkewwa huma fil-Mellieħa. Fil-każ tal-port tal-Mġarr, il-punt tal-monitoraġġ huwa fi Triq l-Imġarr. Minn dawn il-punti ta’ monitoraġġ tinġabar informazzjoni dwar il-livelli ta’ benzene u nitrogen dioxide.
Dwar Il-livelli ta’ tniġġis fil-baħar, dan jitkejjel regolarment permezz ta’ programmi ta’ monitoraġġ li jiġu mfassla skont direttivi tal-UE.
Fil-baħar, dan il-programm ta’ monitoraġġ ġie implementat mill-2017 sal l-2019 permezz ta’ fondi Ewropej bil-proġettEMFF 8.3.1. Permezz ta’ dan l-proġett, sar monitoraġġ ta’ kontaminanti kemm fl-ilma u fis-sediment. Tnejn mis-siti ta’ monitoraġġ kienu fil-portijiet tal-Imġarr (MTCN03-2) u taċ-Ċirkewwa (MTCN03-3). Ħafna mill-kontaminanti li ġew analizzati ma kienux preżenti jew kienu f’livelli tant baxxi li lanqas inqabdu bl-analiżi li saret. Għalkemm l-istandards tal-kwalità ambjentali mhumiex stabbiliti għal kull sustanza bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn, il-livell ta’ kontaminanti li ġew ikkwantifikati f’dawn iż-żewġ siti huma taħt il-livelli standard ta’ kwalità ambjentali (EQS) fejn stabilliti (bid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja jew minn Membri Stati oħrajn).
Din l-analiżi tinsab iżjed fid-dettall fir-rapporti li ngħataw minn Malta bħala parti mid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina aċċessibbli minn fuq is-sit elettroniku tal-ERA (https://era.org.mt/wp-content/uploads/2020/06/MSFD-Art.-17-Update-Malta_FINAL.pdf).
Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar – deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament in kwantu d-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar, kemm minn dawn ikkonfermaw u kemm minnhom qalbu deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar mill-bidu tas-sena 2020 sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li, mill-bidu tal-2020 sal-lum, kien hemm tliet (3) deċiżjonijiet tal-Bord tal-Ippjanar li ġew ikkonfermati mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar u żewġ (2) deċiżjonijiet li nqalbu. Kien hemm ukoll tliet (3) deċiżjonijiet oħra li ntbagħtu lura għal iktar ipproċessar mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17962 u jinforma lill-Parlament kemm art f'Outside Development Zone f'Malta u f'Għawdex ġiet destinata għal-solar panel farms jew fejn ġew installati solar panels u dan sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Illi b’referenza għall-mistoqsija nuru 20029, qed ninforma lill-Onorevoli interpellant illi m'hemmx speċifikat zoni għall-installazzjoni ta’ solar panel farmsbarra ż-żona tal-iżvilupp, iżda permezz tas-Solar Farms Policy li ġiet fis-seħħ fis-sena 2017 ġew identifikati siti addatati għall-istallazzjoni ta’ solar farms fosthom barrieri, landfills magħluqa, jew soqfa ta’ ċertu kobor li ukoll jistgħu jinstabu barra l-konfini tal-iżvilupp bħal per eżempju soqfa ta’ ġibjuni kbar jew irziezet, jew bini industrijali.
Illi għalhekk wieħed jinnota li t;ett sitwazzjoni jew istanzi fejn pannelli fotovoltajiċi jistgħu jiġu akkomodati f’zoni ODZ, bħal ma huma f’barrieri eżawriti, f’siti ta’ landfills, kif ukoll fuq bini eżistenti, u dawn huma kollha indikati bħala siti eleġibbli fil-Policyspeċifika dwar PV Farms.
Barrieri eżawriti u rijabilitati hemm tnejn kbar li huma dawk ta’ Torri Falka fil-limiti tal-Mġarr, Malta kif ukoll fiz-zona magħrufa tas-Sejba, fl-limiti tal-Imqabba u fiż-żewġ każijiet dawn qed joperaw.
F’sit ta’ landfillhemm il-kaz ta’ Bengħisa fil-limiti ta’ Birżebbuġa u l-istess dan ukoll qed jopera.
Fuq bini eżistenti hemm diversi eżempji, bħal fil-każ ta’ ġibjuni kbar immaniġġjati mill-Water Services Corporation, bħal fil-każ ta’ Wied il-Fiddien fil-limiti tar-Rabat, li qed jopera, u bħalissa għaddej xogħol ta’ installazzjoni fuq il-ġibjuni tal-Qrendi, kif ukoll fuq erba’ ġibjuni f’Ta’ Ċenċ Għawdex.
Fuq bini eżistenti iehor, hemm diversi binjiet industrajli li jinsabu f’zoni hekk imsejjħa Area of Containments fil-Pjannijiet Lokali u solar farms estensivi jinsabu fuq binijiet industrijali f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa u fl-inħawi ta’ t’Alla w Ommu fil-limiti tan-Naxxar.
Zoni estensivi oħra fejn ġew installati solar farmjinsabu fil-Freeport ta’ Marsaxlokk, kif ukoll ġewwa l-konfini tal-airport ta’ Ħal Luqa, kemm fuq il-bini tat-terminal kif ukoll fuq l-art maġenb ir-runway, f’żona viċin il-hangerstal-Lufthansa.
Ta' min isemmi ukoll li l-bdiewa jinstallaw panelli fotovoltajici fuq binjiet ta’ rziezet kbar, kif ukoll fuq serer. Illi fil-kaz tal-aħħar kien hemm żewġ proġetti kbar ta’ serer fil-limiti tar-Rabat, u anke każ wieħed f’Ghawdex bejn ix-Xewkija u r-Rabat u li jinkludu installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi, għalkemm f’dan il-każ l-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun aktar kawta f’applikazzjonijiet simili sabiex tevita strutturi f’għelieqi li l-iskop ewlieni jkun dak ta’ intallazzjoni ta’ PV aktar milli għall-użu agrikolu u li dan għandu jiġi skoraġġit.
Jista' l- Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17964 u jinforma lill-Parlament kemm ġew esegwiti ordnijiet t'infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità f'Għawdex tul il-leġislatura kurrenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.