Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siti ta’ barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sit ta’ barrieri hawn f’Malta u Għawdex li ma jinħadmux? Kemm minnhom qed jintużaw biex jintrema skart domestiku? X’inhuma l-punti prinċipali tal-method statement li toħroġ l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jimtlew? Jista’ jgħid liema huma dawk il-barrieri li s-sidien tagħhom ma jridux li jimtlew bi skart domestiku kif imsemmija fl-iskeda? Hemm barrieri minnhom li l-gvern għandu titlu ta’ art fuqhom? Jista’ jgħid liema huma?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemm l-ebda barriera awtorizzata mill-ERA biex jintrema skart domestiku fiha. Il-permessi maħruġin mill-ERA jawtorizzaw id-depożitu ta’ skart inert mit- tqattieħ ta’ blat u kostruzzjoni, fejn fiI-method statements li jintalbu mill-ERA għall-mili tal-barrieri jkunu jinkludu aspetti li permezz tagħhom jindikaw il-metodu ta’ rdim, x’infrastruttura ħa jkun hemm fuq il-post bħal per eżempju miżien, site office, eċċ u deskrizzjoni tal-miżuri tal-operat illi jiżguraw l-aħjar prattika. Fuq l-aħħar żewġ mistoqsijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsijiet lill-Ministru kkonċernat.

Wied Qirda – triq irregolari

Question

B’referenza għat-triq irregolari ġo Wied Qirda li ngħatat wiċċ tat-tarmak meta kienet diġà rregolari għax timblokka l-wied, kif ukoll intefa’ aktar radam biex titwessa’ t-triq kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separtament, jista’ l-Ministru jgħid xi protest għamlet l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mal-Planning Authority dwar dan? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-korrispondenza dwar dan is-suġġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ta’ Qali – rimi llegali ta’ skart ta’ kostruzzjoni – passi kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara l-aħbar żvelata nhar l-4 ta’ Diċembru 2018 fuq is-sit newsbook.com.mt b’filmati ta’ rimi llegali ta’ skart ta’ kostruzzjoni f’Ta Qali? Jista’ jgħid x’passi kriminali jkunu ttieħdu sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) saru l-ispezzjonijiet u nfetaħ każ, iżda minħabba li diġà kien hemm enforcement min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), ġie maqbul bejn iż-żewġ awtoritajiet li l-PA tkompli ssegwi l-każ hi.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – Ħal Far – duħħan abjad

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7809, jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra, f’każijiet ta’ rapporti dwar duħħan bħal dawn, x’tip ta’ spezzjonijiet jew eżamijiet isiru min-naħa tal-Awtorità kompetenti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każijiet ta’ rapporti dwar dħaħen industrijali, il-faċilità tiġi spezzjonata mill-ERA mill-iktar fis possibbli. Fi spezzjonijiet bħal dawn tipikament jiġu ċċekkjati ‘maintenance logs’ tal-apparat, u jiġi mistoqsi jekk kienx hemm xi ħsarat li setgħu kkaġunaw id-dħaħen, speċjalment f’każi ta’ dħaħen suwed. L-operatur jiġi mistoqsi dwar l-aħħar tibdil jew tindif li jkun sar fuq is-sistema tal-filters. F’ċerti każi fejn l-uffiċjali jidhrilhom li hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni u tindif regolari, jiġi mitlub ċertifikat ta’ manutenzjoni mingħand inġinier. Dawn il-proċeduri japplikaw partikolarment f’każijiet ta’ dħaħen suwed. Meta fil-produzzjoni tat-tarmak, li tinvolvi proċessi ta’ sħanat kbar, jintuża żrar li jkun għadu mxarrab jew niedi, jiġi ġġenerat duħħan bajdani, u dan mhux biss mill-faċilità li tat lok għall-Mistoqsija Parlamentari oriġinali.

White Flags – spiża għall-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-proġett tal-White Flags u kemm minnhom kienu Fondi Ewropej?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif irrimarkajt fuq il-mezzi tax-xandir, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima ma daħal fl-ebda obbligu kuntrattwali fit-tul mal-entità “White Flag International” la permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi nazzjonali u lanqas dawk Ewropej. L-unika spiża relatata kienet dik ta’ €3,867 u dawn intefqu bħala parti mill-attività li kienet saret f’Wied iż-Żurrieq f’Marzu 2018.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi – bord tat-tmexxija – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4600 u jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kemm-il darba l-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MRA, kellu laqgħat sena b’sena? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti l-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva, kemm-il darba u dwar xiex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar

Għawdex – Ix-Xagħra — Ex Miżbla tal-Qortin – water reservoir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema skop inbena l-Water Reservoir ġewwa l-ex Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex li nbena matul is-sena 2015 u jekk qattx intuża? Jekk le, x’inhi r-raġuni li għadu qatt ma ntuża? Jista’ jgħid matul is-sena 2018 kif u minn fejn issaqqew is-siġar u l-arbuxelli li hemm ġewwa l-ex Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex u jekk humiex ħa jissaqqew is-sigar u l-arbuxelli matul is-sena 2019?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġibjun (water reservoir) li hemm ġewwa l-ex-Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex, inbena bil-ħsieb li s-siġar u l-arbuxelli jissaqqew mill-ilma li jinħażen ġo dan il-ġibjun. Matul is-sena 2018, minkejja li inħarġu żewġ tenders dipartimentali sabiex jiġu installati l-pompi li hemm bżonn biex ikun jista’ jittella’ l-ilma minn dan il-ġibjun u jintuża għat-tisqija, dawn it-tenders waqgħu minħabba li l-offerta li kien hemm ma kinitx konformi mal-parametri meħtieġa. Sadanittant il-WasteServ għadha għaddejja bill-proċess meħtieġ sabiex kemm jista’ jkun malajr matul din is-sena jista’ jitlesta x-xogħol ta’ upgrading li għandu jsir fil-Qortin biex tinfetaħ għall-pubbliku u kif ukoll isir ix-xiri u l-installazzjoni tal-pompi. Sadanittant tajjeb wieħed jinnota li meta tħawlu, is-siġar kienu qed jissaqqew bil-bowsers sakemm qabdu u issa qed jgħixu b’mod naturali. Ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma xorta ser isir sabiex fix-xhur tas-sajf is-siġar ikunu megħjunin permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun.

Tqassim ta’ organic bags lill-Kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitqassmu iktar organic bags lill-Kunsilli Lokali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li huwa ppjanat li b’koperazzjoni mal-Kunsilli Lokali jiġu pprovduti żewġ pakketti boroż għall-ġbir ta’ skart organiku lir-residenti f’Malta u f'Għawdex. Bħalissa l-Kunsilli Lokali qed jiġu kkuntattjati sabiex titwasslilhom konsenja ta’ dawn il-boroż.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u Wasteserve – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettaljatament x’kienu u lil min, meta u kemm swew id-direct orders li l-Wasteserve u l-Ministeru tiegħu (separatament) taw mill-1 ta’ Ottubru 2018 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Kuntrattur tal-container bins – penali imposti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kemm ġew imposti penali fuq il-kuntrattur magħżul fl-2018 biex iqassam bieb bieb il-container bins, inkluż l-istackable bins, tas-Sort it Out peress li ma onorax l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt li hu ffirma?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tat-tqassim tal-kontenituri tal-iskart organiku, bħalissa qed isiru l-verifiki meħtieġa u wara għandu jiġi deċiż x’passi għandhom jittieħdu jekk dejjem ikun hemm għalfejn. It-tqassim tal-i stackable bins għar-riċiklaġġ qed isir taħt kuntratt ieħor minn kuntrattur differenti li għandu sa nofs Frar tal-2019 biex iqassam dawn il-kontenituri.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7531 waqt is-seduta ta' nhar it-28 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed x’inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7531.

Ħal Qormi — Dipartiment tal-Cleansing - tindif ta' Wied

Question

Wara li d-Dipartiment tal-Cleansing ħa ħsieb li jnaddaf l-iskart li kien hemm fi Triq Ġuże Maria Camilleri f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex jitnaddaf il-Wied li jinsab biswit din l-istess triq hekk kif attwalment fiha għadd ta’ skart goff u ammont sostanzjali ta’ ħaxix?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart li kien hemm fil-parti tal-wied li jinsab biswit Triq Ġuże Maria Camilleri ġewwa Ħal-Qormi tneħħa kollu. Fadal ammont ta’ ħamrija li trid titneħħa bil-makkinarju. Dan il-materjal ser jitneħħa fil-ġranet li ġejjin.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4383 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli, f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u affarijiet simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Għawdex — ix-Xagħra - Miżbla tal-Qortin - tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti t-tender eCT3017/2014 u għal kemm kienet ġiet awarded u lil min ġiet awarded din it-tender u jekk kienx hemm variations u jekk iva, x'kienu (ġewwa l-eks Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex)? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-Bill of Items ta' din it-tender partikolari u jekk sarx ix-xogħol kollu rikjest minn din it-tender u mill-Bill of Items? Jekk ma sarx ix-xogħol kollu, x'kienet ir-raġuni u min ħa d-deċiżjoni biex ma jsirx ix-xogħol kollu li kien hemm fil-Bill of Items?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ ġibjun biex iżomm l-ilma bl-iskop li jintuża għat-tisqija ta’ siġar u arbuxxelli li jinsabu mħawlin fis-sit fejn kien hemm il-Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex. It-tender kien ġie awarded għal €379,535.14 (VAT inkluż) lil Vella Brothers Ready-Mix Ltd. Waqt ix-xogħlijiet ma kienx hemm varjazzjonijiet mill-kuntratt. Kien hemm biss żewġ rikjesti approvati għal estensjoni taż-żmien sa ma jitlesta x-xogħol mingħajr ma ġie affettwat il-valur tal-proġett. Il- Bill of Items kien jinkludi dawn ix-xogħlijiet: - tħaffir fil-blat, - kostruzzjoni ta’ pedament bil-konkos, - ħitan tal- hollow concrete blocks mimli bil-konkos mad-dawra tal-ġibjun, - ħitan diviżorji fl-intern tal-ġibjun, - silt trap li jilqa’ l-ilma ġo fih biex inaddfu qabel ma jintefa’ ġol-ġibjun, - saqaf bil-planki, - kisi tal-ħitan kollha, - waterproofing mal-intern kollu tal-ġibjun, - kostruzzjoni ta’ kamra bl-iskop li tintuża bħala pump room, - installazzjoni ta’ numru ta’ slielem tal- fibreglass li jipprovdu aċċess ġol-ġibjun f’każ li jkun hemm bżonn ta’ manutenzjoni, u - kisja ta’ asfalt fuq is-saqaf tal-ġibjun. Dan kien ix-xogħol kollu rikjest u dawn ix-xogħlijiet saru kollha kemm huma.

Żona tat-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ – sit ta’ Natura 2000

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4094, u peress li l-mistoqsija tiegħi kienet saret fit-12 ta’ Frar 2018, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-ERA biex iż-żona ta’ Wied il-Mielaħ f’Għawdex ikun iddikjarata sit ta’ Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għaddej mill-ERA, li qiegħda taħdem fuq ir-rapporti tekniċi li jridu jsiru sabiex is-sit ikun jista’ jiġi nnominat bħala sit Natura 2000.

Skema ta’ ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed isir it-tqassim tal-bins fir-residenzi, minn min, u kif intgħażlu, qabel ma tiġi fis-seħħ l-iskema ta’ ġbir ta’ skart separat fil-31 ta’ Ottubru li ġej?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tqassim tal-kontenituri tal-iskart organiku sar minn kuntrattur wara sejħa pubblika. Il-kuntrattur magħżul kien REACTILAB Ltd. Dawn il-kontenituri tqassmu kemm bieb bieb kif ukoll minn postijiet fissi ta’ distribuzzjoni.

Għawdex – Ix-Xagħra – park tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jiftaħ il-park tal-familja li qed isir fis-sit fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex? Jista' jgħid jekk għax-xogħol li kien fadal isir, reġgħux ħarġu t-tenders mill-ġdid? Ġew awarded? Meta ser jibda x-xogħol li fadallu jsir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għax-xogħlijiet neċessarji biex jinfetaħ għall-pubbliku fejn qabel kienet il-miżbla f’Tal-Qortin, Għawdex, mistenni li jerġa’ joħroġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-ewwel kwart tas-sena. Ix-xogħol ikun jista’ jibda wara li jiġi iffirmat kuntratt ma’ kuntrattur. Dan kemm il-darba jkun hemm min jagħti offerta tajba biex isir ix-xogħol meħtieġ.

Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7795, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellenat li x-xogħlijiet ġewwa Triq il-Valpegra, fid-daħla ta’ Wied Blandun huma lesti u l-pubbliku jista’ juża l-passaġġ mill-ġdid.

Wasteserve – impjant tal-Magħtab — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid wara li fl-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab infirex in-nar, x’miżuri qed jittieħdu biex isir moniteraġġ ambjentali inkluż moniteraġġ tal-emissjoniet kif ukoll ta’ kontaminazzjoni tal-madwar fosthom għal dioxins, polychlorinated biphenyl (PCB), Dioxin-like PCBs, polycyclic aromatic hydrocarbon (PAH), sulphur dioxide, nitrogen oxide, carbon monoxide, carbon dioxide, hydrogen chloride, ċomb, arseniku, kadmju, merkurju u persistent organic pollutants (POPs) oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-monitoraġġ tal-kumpless ambjentali jitwettaq fuq frekwenza trimestrali / bi-annwali / annwali skont il-Permess tal-IPPC.