Legislature:
Category:
Reset
Active:

LGBTIQ Consultative Council — membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-LGBTIQ Consultative Council u liema organizzazzjonijiet jirrapreżentaw?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-LGBTIQ Consultative Council huma: Chairperson: Is- Sa Gabi Calleja (MGRM) Membri: Is-Sur Silvan Agius (MEAE) Is-Sur Mark Grech (MGRM) Is-Sa Sandra Scicluna (FOI PN) Is-Sur Alex Mangion (FOI PN) Is-Sa Claire Lucille Azzopari Lane (AD LGBTIQ) Mx Colette Farrugia Benett (AD LGBTIQ) Mx Reb Xiberras (LGBTI + Gozo) Is-Sur Eman Borg (LGBTI + Gozo) Mx Ruth Baldacchino (Independent member) Is-Sur Kenrick Bondin (GWU) Dr Neil Falzon (Aditus) Is-Sa Cynthia Chircop (We Are) Is-Sur Julian Chircop (We Are) Mx Pyt Farrugia (Gender Liberation) Is-Sur George Douglas Saliba (Gender Liberation) Is-Sa Joseanne Peregin (Drachma Parents) Is-Sur Russell Sammut (ARC) Dr Norman Shaw (LGBTIQ Labour) Is-Sa Naomi Cachia (LGBTIQ Labour) Is-Sur Christopher Vella (Drachma) Is-Sur Christian Vella (Drachma)

Rapporti dwar Integrazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Integration = Belonging. Migrants Integration Strategy & Action Plan Vision 2020, Malta u xi rapport oħra li l-Gvern seta’ għamel dwar l-integrazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Integration = Belonging. Migrants Integration Strategy & Action Plan Vision 2020, Malta kif ukoll ir-rapport Mind d Gap – Together we can make a difference. Towards a National Migrant Integration Strategy 2015-2020 Framework Document

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha hija responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali - ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27 u ċjoè: Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, tgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 561.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – Direct orders bejn l-2008 u l-2013

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tagħha) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Tista’ tagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — direct orders

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtha, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Dawn id-direct orders ingħataw skont l- Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali - direct orders

Question

Tista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtha, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 523.

Għawdex — Proġetti u inizjattivi b’Fondi Ewropej

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li 10% tal-Fondi Ewropej għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 se jintefqu fuq proġetti u inizjattivi f'Għawdex? Tista' tgħid issa li għaddew erba’ snin minn dan il-perjodu ta’ finanzjament (2014-2020) kemm intefqu minn dawn il-fondi f'Għawdex u fuq liema proġetti jew inizjattivi ntefqu? Tista' tgħid kemm intefqu fuq kull proġett jew inizjattiva u l-ammont li kien ġej minn fondi tal-Unjoni Ewropea u l-ammont li kien ġej minn fondi nazzjonali? Tista' tgħid liema proġetti jew inizjattivi hemm approvati u dawk li għadhom għaddejjin jew għad iridu jibdew? F'kull każ, tista' tgħid kemm hu maħsub li jkun il-ko-finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern ikkommetta li jonfoq 10% tal-Fondi Ewropej għal Għawdex kif kien sar għall-perjodu 2007-2013. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni dwar proġetti approvati s’issa li qed ikunu implimentati direttament f’Għawdex taħt il-Programm tal-Fondi Ewropej (2014-2020). Il-kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ tmenin fil-mija. Infakkar li Għawdex se jkompli jibbenefika wkoll minn numru ta’ proġetti oħra kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li se jgawdu minnhom kemm il-Maltin kif ukoll l-Għawdxin. L-Onorevoli Interpellant japprezza li f’dan l-istadju ta’ implimentazzjoni għadu kmieni sabiex wieħed jikkalkula eżatt l-ispiża minn dawn il-proġetti li tkun relatata ma’ Għawdex.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – trasferimenti/pagamenti f’kontijiet ta’ bank

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, tista' tgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru ebda trasferimenti u/jew pagamenti f’kontijiet tal-bank ikkonċernat mill-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħti fil-perjodu kkonċernat.

Unjoni Ewropea – miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta’ CO2

Question

Peress li bħala membru fl-Unjoni Ewropea, Malta hija obbligata li kull sena tirraporta lill-Unjoni Ewropea fuq dak li Malta tkun qed tagħmel biex tilħaq miri stabbiliti dwar tnaqqis tal-livell ta' CO2; u peress li wieħed minn dawn it-targets li Malta għandha hu dak li sal-2020, 10% tal-enerġija tagħna trid tiġi minn sorsi nodfa billi nużaw teknoloġija ta' enerġija alternattiva mix-xemx jew mir-riħ, tista' l-Ministru tgħid xi strateġija qed timplimenta Malta biex tilħaq din il-mira?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti qed jibda jipprepara proġett ambizzjuż ta’ Mass Rapid Transport System. Dan se jkun l-akbar impenn serju li qatt sar favur investiment modern fl-infrastruttura u t-trasport u li għandu l-għan biex, b’mod tanġibbli, inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku, filwaqt li jwassal biex jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta’ dħaħen u titjieb il-kwalità tal-arja. Nafu wkoll kemm it-traffiku huwa wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ emissjonijiet velenużi fl-arja, bil-konsegwenza li f’Malta għandna rata għolja ħafna ta’ mard respiratorju. Għaldaqstant, wieħed mill-prijoritajiet tal-Gvern huwa li jnaqqas l-emissjonijiet tat-traffiku wara li, b’suċċess, rajna l-qalba tal-gass flok il- heavy fuel oil fil-qasam tal-ġenerezzjoni tal-enerġija. Fil-fatt, l-Istrateġija tal-Gvern dwar l-Enerġija qed tiġi implementata b’tali mod li nassiguraw li ma jibqax jintuża żejt li jniġġes għall-ġenerazzjoni tal-elettriku; intejbu u nsiru iktar effiċjenti fl-użu tal-elettriku u nżidu l-kapaċità madwar Malta u Għawdex fl-enerġija solari – fejn sal-aħħar tal-2016 rajna żieda ta’ installazjoni ta’ iktar minn 90MW ta’ kapaċità solari. Malta se tkompli tmexxi ’l quddiem il-proġett biex tingħaqad mal- European Gas Grid – proġett li f’Novembru li għadda l-Kummissjoni Ewropea rrikonixxitu bħala wieħed mill-Proġetti ta’ interess komuni. Il-Gvern qed janalizza l-possibilità ta’ marine LNG bunkering services f’Malta. Il-Gvern bi ħsiebu jisfrutta iktar l-enerġija solari, heat pumps u biofuels – fost oħrajn, biex jilħaq il-miri li kommess sas-sena 2020. L-Istrateġija tal- Low Carbon Development tindirizza, b’viżjoni fit-tul, setturi li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Din l-Istrateġija se nkunu qegħdin nisimghu iktar dwarha matul ix-xhur li ġejjin.

Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali – ilmenti jew talbiet għall-investigazzjoni dwar pagi mhux imħallsa fir-rigward ta’ persuna u kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jgħid jekk id-Dipartiment għall-Impiegi u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) irċeviex ilmenti u/jew talbiet għall-investigazzjoni dwar pagi mhux imħallsa fir-rigward tal-persuna u l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament? Jekk iva, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ lmenti u talbiet għal investigazzjoni u f’liema stadju waslu?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) irċieva erba’ talbiet għal investigazzjoni rigward tal-persuna u l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi tlett każijiet minnhom, l-investigazzjoni intemmet u l-każ se jintbagħat lill-pulizija sabiex tipproċedi bil-Qorti. Il-każ l-ieħor ġie solvut mid-Dipartiment hekk kif l-ammont dovut tħallas fl-intier tiegħu.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – applikazzjonijiet minn kumpaniji privati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’applikazzjonijiet saru minn kumpaniji privati għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020? Tista' tgħid taħt liema programmi saru dawn l-applikazzjonijiet u f'kull każ għal xiex kellhom jintużaw il-fondi Ewropej? Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet minn dawn il-kumpaniji privati u ċjoè jekk ġewx approvati jew le? Tista' tgħid dawk li ġew approvati liema kienu u x'inhu l-persentaġġ li joħorġu mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti u telenka f’kull każ l-isem tal-kumpanija benifiċjarja?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes hija ffinanzjata taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 b’ko-finanzjament ta’ 80% mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u 20% mill-Fondi Nazzjonali. Ġew approvati 109 applikazzjonijiet taħt is-sitt skemi ta’ għajnuna li kienu mnedija taħt din l-inizjattiva. L-informazzjoni dwar l-ismijiet tal-intrapriżi benefiċjarji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra u jinsabu wkoll fuq il-website: http://businessenhance.gov.mt/en/schemes/Pages/General-Information-.aspx.

Brexit – impatt u rimedji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’preparazzjonijiet tħejjew dwar l-impatt u x’rimedji se jieħu d-Dipartiment jekk Brexit fil-fatt iseħħ? Kif se taffettwa lill-Malta fl-allokazzjoni li hi tagħti lill-Unjoni Ewropea? Kif se taffettwa lill-Malta fil-fondi li tieħu mill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Gvern qed iħejji ruħu għal Brexit billi nħolqot struttura fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej li qed : · issegwi l-preparamenti li qed iseħħu fi Brussell dwar it-tħejjijiet għar-relazzjonijiet futuri u li qed tanalizza x’qafas ta’ relazzjoni jista’ jiġi nnegozjat u offrut mill-Unjoni Ewropea; · tikkordina konsultazzjonijiet mal-Ministeri kollha tal-Gvern biex tistudja x’jista’ jkun l-impatta’ kull xenarju u fl-oqsma kollha; · tikkonsolida l-pożizzjoni tal-Gvern fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin fi Brussell; u · tassisti lill-Ministeri biex jiġi assigurat li Malta tkun ippreparata b’mod adekwat għall-konsegwenzi kollha ta’ Brexit. Fl-istess ħin inħolqot task force fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, magħmula minn Trade Malta, il-Malta Gaming Authority, FinanceMalta, il-Malta Enterprise u s-settur privat li se tfassal pjan t’azzjoni sal-2019 biex tippromwovi l-kummerċ, inkluż attivitajiet industrijali, ekonomiċi u finanzjarji lejn Malta. Malta trid tippożizzjoni lilha nfisha bħala destinazzjoni għal kumpaniji bbażati fir-Renju Unit li jridu jwaqqfu bażi f’pajjiż ieħor membru tal-UE wara Brexit. Hu diffiċli li f’dan l-istadju tittratta dwar fondi u l-allokazzjoni tagħhom, ladarba d-diskussjonijiet għadhom fi stadju inizjali u xejn mhu konkretizzat.

Applikazzjonijiet għall-Fondi Ewropej mill-Ministeru għal Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’applikazzjonijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Tista’ tgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le? F'kull każ tista' tgħid kemm tħallas s’issa mill-Fondi Ewropej fuq kull proġett jew inizjattiva approvata f'Għawdex?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-applikazzjonijiet li saru mill-Ministeru għal Għawdex u li ġew approvati għall-Programm tal-Fondi Ewropej (2014-2020). Ta’ min wieħed isemmi li Għawdex se jkompli jibbenefika wkoll minn numru ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li se jgawdu minnhom kemm il-Maltin kif ukoll l-Għawdxin.

Skema Support to Voluntary Organisations

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm NGOs mid-distretti elettorali li fuqhom il-Ministru tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li bbenefikaw minn fondi taħt l-iskema ‘Support to Voluntary Organisations’ 2016? Tista’ tindika liema huma dawn l-organizzazzjonijiet u x'inhu l-ammont ta' flus li rċeviet kull organizzazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea lill-bdiewa, raħħala u sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħataw l-għajnuniet minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal perijodu 2014-2020 lil bdiewa, raħħala u sajjieda? Kemm-il applikazzjoni saret? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma eleġibbli għal fondi? Kemm applikaw, settur/settur, bdiewa, raħħala u sajjieda?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-miżuri tal-programm għall-Iżvilupp Rurali huma miftuħa kontinwament sakemm il-budget jiġi eżawrit kollu, il-proċess tal-għażla huwa kontinwu u l-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu kuljum. Fil-jiem li ġejjin sejrin jitħabbru l-ewwel għajnuniet lill-benefiċċjarji u l-lista tkun imħabbra fuq il-website tad-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi. ​Il-miżuri u skemi miftuħa għas-sajjieda għalqu l-Ġimgha 24 ta’ Novembru. Għaldaqstant il-proċess tal-għażla ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Ninsab infurmata wkoll li bħalissa hemm skema miftuħa għall-operaturi fl-Akwakultura li tagħlaq il-Ġimgha 12 ta’ Jannar 2018. Iktar dettalji jinstabu fuq il-website tad-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi.

Fondi għall-Unjoni Ewropea – applikazzjonijiet għal toroq rurali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess ta’ applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea biex isiru toroq rurali? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx toroq li ġew approvati biex isiru b’dawn il-fondi u tindika liema huma?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-kumitat tal-għażla għall-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għadu kemm iffinalizza s-selezzjoni tal-ewwel grupp ta’ Toroq. Il-Kunsilli Lokali rispettivi ser jiġu nfurmati bir-riżultati fil-ġranet li ġejjin.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li tikkonċerna l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali/Segretarju Parlamentari għas-snin mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalgou Soċjali - Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali tgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 345.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1752 u ċjoè: Tista' l-Ministru tgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni li tikkonċerna talbiet ippreżentati skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.