Legislature:
Category:
Reset
Active:

Explanatory notes għal-liġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqis li meta ssir explanatory note dwar xi liġi, din tkun inkluża bħala anness mal-liġi li qed issir minflok tkun ippubblikata għal rasha fil-Gazzetta tal-Gvern, sabiex wieħed ikun jista’ jsegwi aħjar it-tagħrif mogħti fir-rigward tal-liġi inkwistjoni (ara pereżempju l-avviż numru 224 tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-21 ta’ Frar 2023 li jidher li sar fir-rigward tal-A.L. 41 tal-2023)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nikkonferma li n-Noti ta’ Spjegazzjoni li m'għandhomx forza ta' liġi jsiru kif rikjest mill-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar (Kap. 512 tal-Liġijiet ta’ Malta) https://legislation.mt/eli/cap/512/mlt (skont l-Iskeda III tal-istess Kapitolu). L-istess Noti ta' Spjegazzjoni jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern li tinkorpora l-avviżi tal-Gvern lill-pubbliku inġenerali fl-istess ġurnata li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni li jkunu qed jispjegaw u jirreferu għaliha. B'hekk jiġi sodisfatt l-element ta' pubbliċità fir-rigward tan-negozji li jridu jaġġustaw għar-rikjesti l-ġodda tal-leġiżlazzjoni li se tidħol fis-seħħ, kif ukoll għaċ-ċittadini li se jiġu affettwati bl-istess leġiżlazzjoni. L-għan tan-Noti ta' Spjegazzjoni kif stipulat fl-imsemmija Skeda tal-Kap. 512 huwa li jispjega u jagħmel aċċessibbli l-leġiżlazzjoni għall-qarrejja li mhumiex kwalifikati fil-liġi u li m'għandhomx għarfien speċjalizzat tal-materja tas-suġġett. Għaldaqstant huwa idoneu li l-imsemmija Noti jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern mal-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku u mhux fis-Suppliment tal-Gazzetta li hu intiż esklussivament għall-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja. In oltre, għandu jingħad li s-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern jinkorpora l-leġiżlazzjoni primarja kif ukoll dik sekondarja li tiġi ppubblikata bil-mod segwenti: TAQSIMA A tinkorpora l-Atti; TAQSIMA B tinkorpora l-Avviżi Legali; TAQSIMA Ċ tinkorpora l-Abbozzi tal-Liġi; u TAQSIMA D tinkorpora l-Bye Laws.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Ġustizzja — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt; Għamla Mixtrija/Mikrija Data Tender/Direct Order Ditta Prezz (VAT eskluża) Renault Clio Hatchback Mikrijin 15/06/2020 Tender Go Hire Ltd. EUR 9.06 (kuljum, kull waħda)

Juvenile Court – tfal ta’ taħt it-18-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu tfal taħt it-18-il sena quddiem il-Juvenile Court fl-2021 u fl-2022? Għal liema reati tressqu? X'kienet l-età tagħhom? Kemm minnhom instabu ħatja? X'tip ta' sentenza ngħataw? Kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Qrati – rapport ta’ inkjesta dwar qtil

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-inkjesta fuq il-qtil tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta interna, ai termini tal-artikoli 3(b) u (ċ) u 4 tal-Att dwar l-Inkjesti (Kapitolu 273 tal-Liġijiet ta’ Malta), ġew ippubblikati kif jidher fi stqarrija numru PR230285, maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI), li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inkwantu għal dak li jirrigwardja inkjesti Maġisterjali, bħalma sħaqt drabi oħra, dawn huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali.

Pulizija għassa ma’ siti ta’ kostruzzjoni li dwarhom tkun għaddejja inkjesta maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u liema huma s-siti li l-maġistrat li kien qed jagħmel, jew għadu għaddej b'inkjesta fuq inċidenti li seħħew fuq siti ta' kostruzzjoni fil-fatt ordna li jkun hemm għassa ta' pulizija mal-istess sit, u dan għaliex skont it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6493, huma l-maġistrati inkwerenti li jordnaw jew le li jkun hemm għassa ta' pulizija ma’ tali siti li dwarhom tkun qed issir (jew saret) l-inkjesta maġisterjali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista tal-artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

International Centre for Settlement of Investment Disputes — Kawża ARB/21/36

Question

B’referenza għall-kawża ARB/21/36 fl-International Centre for Settlement of Investment Disputes (ICSID), peress li dawn il-mistoqsijiet m’għandhomx x'jaqsmu mal-arbitraġġ li qed isir bħalissa iżda jirriflettu fondi pubbliċi, kif ukoll informazzjoni barra mill-arbitraġġ u jaqgħu taħt il-mandat ta' dan il-Parlament biex jiġi żgurat li jintużaw b'mod korrett u li għandu dritt għalihom, jista’ l-Ministru: a. jagħti break down tal-ispejjeż totali (legali u ta' konsulenza) mill-bidu tal-kawża fl-2021 sal-aħħar ta’ Jannar 2023 u jgħid lil min tħallsu dawn l-ispejjeż; b. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-sottomissjonijiet legali li saru mill-Gvern Malti fil-kawża nhar il-21 ta’ Novembru, 2022; is-7 u d-9 ta’ Diċembru, 2022; u dawk mill-claimants fil-kawża tas-6 Jannar, 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari numri 5191, 5192, 5193 u 5194.

Ministeru għall-Ġustizzja — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Ġustizzja u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Ġustizzja u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ paġni fuq Facebook amministrati mid-dipartimenti jew entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda dipartiment jew entità ma għandha profili jew gruppi fuq Facebook amministrati minnhom. - Ġustizzja - Digital Justice Malta - Asset Recovery Bureau - Court Services Agency - Legal Aid Malta Agency - Malta Arbitration Centre

Ministru għall-Ġustizzja — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Użu tal-kannabis — sewqan

Question

Fid-dawl li fi ftit taż-żmien ieħor wieħed jista’ jagħmel użu tal-Kannabis, jista’ l-Ministru jgħid jekk wieħed jistax isuq il-vettura fit-triq wara li jkun għamel użu mill-Kannabis? Ser ikun hemm xi testijiet bħalma jiġri fl-użu tal-alkoħol? Ser jibqa’ illegali li wieħed jagħmel użu tas-sustanzi u jsuq vetturi? Kif wieħed jista’ jserraħ rasu li meta jkollu t-tfal l-iskola fuq vannijiet tal-iskola jew jagħmel użu minn taxi/cabs/vannijiet privati, is-sewwieq ma jkunx taħt effett ta’ din is-sustanza?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ir-riforma fil-liġi hija intiża li tnaqqas l-istigma soċjali u ma tibqax tistma ta’ kriminal lil min jagħmel użu personali responsabbli tal-kannabis. Fl-istess ħin il-liġi tipprovdi l-prekawzjonijiet biex jiġu protetti l-minuri, s-saħħa pubblika u l-ordni pubblika. Il-liġijiet marbuta mas-sewqan ma nbidlux f’dan ir-rigward u dak li kien illegali u projbit għadu llegali u projbiet. Fl-istess waqt, il-Gvern jibqa’ kommess li wara diskussjonijiet u konsultazzjonijiet ikompli jsaħħaħ is-sigurta’ fit-toroq.

Għajnuna lil gazzetti minħabba l-pandemija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-gazzetti li ngħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba l-effetti tal-pandemija u jekk il-gazzetta, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hijiex tirċievi wkoll dan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdanu, ma provdix għajnuna minħabba l-effetti tal-pandemija lil ebda gazzetta, inkluża dik li d-dettalji dwarha ingħataw separatament.

DIER – lista/tabella ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista/i f'tabella tar-reati kollha identifikati mid-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) skont it-tip, b'referenza għall-artikolu speċifiku fil-liġi miksura kif ukoll multa applikabbli, imqassma fis-sena bejn l-2013 u l-2022, li tinkludi wkoll analisi tan-numru ta’ kull tip fis-sena li ġew riżolti b’mod amikevoli, imħarrka, immultati, ħabs, li għadhom pendenti u kwalunkwe status ieħor, kif ukoll it-total f’ewro f’multi imposti u t-total effettivament miġbur, u t-total f’ewro f’arretrati dovuti lill-impjegati u t-total attwalment miġbur, imqassam ukoll separatament skont it-tip għal kull sena bejn l-2013 u l-2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 5857.

Legal Aid Malta

Question

B’rabta mal-Aġenzija Legal Aid Malta, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm ġew riferuti klijenti għal kawżi ċivili u kriminali bejn l-2018 u l-2021; b. x’kienet ir-rata ta’ suċċess għal dawn il-każijiet li nqatgħu f’dan il-perjodu u jekk m’hemmx informazzjoni dwar dan, għaliex ma tinġabarx; ċ. x’inhi l-proċedura jekk il-klijent ma jkunx kuntent bis-servizz legali li qed jingħata; d. x’jiġri jekk l-avukat ma jkunx irid jirrinunzja mill-każ; e. jekk hemmx kodiċi ta’ kondotta għall-avukati tal-għajnuna legali; jekk le għaliex le, u jekk iva x’jiġri meta dan jinkiser; f. kemm hemm avukati li joffru s-servizz permezz tal-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali; u g. kemm jitħallsu fix-xahar dawn l-avukati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-klijenti assistiti bl-għajnuna legali għas-snin mitluba huma hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Ċivil: Sena – assenjazzjonijiet 2018 - 338 2019 - 246 2020 - 129 2021 - 265 Kriminal: Sena - assenjazzjonijiet 2018 - 597 2019 - 652 2020 - 626 2021 - 538 Ir-rata ta’ suċċess għal każijiet li nqatgħu ma tinġabarx peress li l-volum ta’ xogħol relatat għall-ġbir ta’ tali informazzjoni mhux qed tinġabar; iżda fil-preżent l-Aġenzija qed tikkrea sistema diġitali fejn l-Avukati jkunu jistgħu jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa attwali. Meta klijent ma jkunx kuntent bis-servizz li jingħata mill-avukat tal-Għajnuna Legali jista’ jirrikorri fl-uffiċini tal-Għajnuna Legali fejn jimla formola apposta u jieħu ġurament dwar il-fatti li nkunu ntqalu fil-formularju. Il-klijent jingħata wkoll twissija li jekk l-ilment ma jkunx veru jistgħu jittieħdu proċeduri ulterjuri kontrih/a. L-ilment jgħaddi għand il-management tal-Aġenzija fejn jitlob lill-avukat tal-għajnuna legali assenjat informazzjoni dwar il-każ partikolari. Meta l-management tal-Għajnuna Legali ma jkunx kuntent bir-risposta li ngħata mill-avukat, tinħareġ twissija informali lill-avukat assenjat fejn jintalab jirregola ruħu u jinfurmah li l-ilment jista’ jitmexxa lill-Kamra tal-Avukati jekk ikun meħtieġ. Meta jirriżulta li l-avukat tal-Għajnuna Legali jista’ jkollu kunflitt aggravanti mal-klijent, l-avukat jinforma lill-Aġenzija li ħa jkun qed jiġi ppreżentat rikors biex jitlob lill-Qorti biex jiġi sostitwit b’avukat tal-Għajnuna Legali li jkun immissu t-turn skont ir-roster tar-Reġistratur tal-Qorti. Ir-Reġistratur tal-Qorti Ċivili jinforma lill-Aġenzija bl-eżitu tad-digriet li jkun ħareġ. L-Avukat tal-Għajnuna Legali mhux obbligat li jirrinunzja l-każ assenjat lilu fl-interess tad-drittijiet kemm tiegħu u wkoll fl-interess legali tal-klijent u fil-fatt l-artikolu 924 tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta jirreferi għall-piena għall-avukat jew prokuratur legali li jirrifjuta jagħti l-għajnuna tiegħu bla raġuni tajba. Meta ‘għal raġuni tajba’ (art. 918 tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-parti tkun trid titlob li l-avukat assenjat jiġi sostitwit, it-talba ssir lill-Qorti mill-Avukat għall-Għajnuna Legali assenjat lilu/lilha jew tramite l-Avukat għall-Għajnuna Legali assenjat mal-Aġenzija. Il-kodiċi ta’ kondotta għall-avukati tal-Għajnuna Legali huwa l-istess bħalma jinstab fil-Code of Ethics and Conduct for Advocates maħruġ mill-Kamra tal-Avukati peress li l-Avukati għall-Għajnuna Legali għandhom l-istess warrant tal-professjoni legali. L-Avukati għall-Għajnuna Legali huma avukati li jagħtu s-servizz tagħhom b’kuntratt lill-Aġenzija wara sejħa li tkun saret. Meta ma jiġux osservati r-regoli tal-Kodiċi huma jistgħu jiġu riferuti lill-Kamra tal-Avukati u l-każ tagħhom jista’ jitmexxa lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. F’kull kuntratt ma’ kull Avukat għall-Għajnuna Legali għandhom klawsola li tirreferi dwar dan. L-Aġenzija Għajnuna Legali Malta kienet ħarġet sejħa fl-aħħar kwart tas-sena 2020 fejn kien ġie stabbilit li kellha bżonn: 1. Għoxrin (20) avukat għall-Għajnuna Legali f’Malta 2. Tliet (3) avukati għall-Għajnuna Legali f’Għawdex 3. Tliet (3) avukati assenjati għall-pariri lill-klijenti ta’ vjolenza domestika Permezz tas-sejħa li nħarġet fis-sena 2020, l-Avukati jitħallsu kif ġej: 1. Avukati għall-Għajnuna Legali f’Malta u Għawdex jitħallsu €10,000 fis-sena u €180 fis-sena bħala kumpens għall-mezzi ta’ kommunikazzjoni 2. Avukati għall-Għajnuna Legali għall-pariri lill-klijenti ta’ vjolenza domestika tramite l-użu tat-telefown jitħallsu €7,800 fis-sena.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6128 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riforma u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri barranin fuq bail u kemm hemm minnhom li qegħdin jistennew li jgħaddu ġuri fuq attentat ta' qtil, fuq qtil, serq aggravat u traffikar tad-droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sas-17 ta’ Frar 2023 fil-Qorti ta’ Malta hemm 28 persuna barranija fuq libertà proviżjorja jistennew li jgħaddu ġuri fuq attentat ta’ qtil, qtil, serq aggravat u traffikar ta’ droga.

Ministeru għall-Ġustizzja — ħaddiema taċ-ċivil - vacation leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tiegħu għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 98 ħaddiema taċ-Ċivil fil-Ministeru li kien fadlilhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave.

Persuni akkużati b’omiċidju involontarju -

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tinsab akkużata bir-reat ta' omiċidju involontarju quddiem il-qrati ta' pajjiżna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Frar 2023 quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 68 persuna akkużata bir-reat ta' omiċidju involontarju.

Sentencing Policy Advisory Board – membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, min kienu l-persuni li ġew maħtura bħala membri tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi (Sentencing Policy Advisory Board)? Jista' jgħid għal kull wieħed mill-membri meta ġie maħtur u minn min ġie maħtur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li dan il-Bord kien ġie maħtur skont l-artikolu 9 tal-Att Dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament Mhux Priġinerija), Kap. 537. Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba dwar l-membri ta’ dan il-bord minn meta ġie maħtur sal-lum.

Sentencing Policy Advisory Board – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il laqgħa saret tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi (Sentencing Policy Advisory Board)? Jista' l-Ministru jagħti d-dati ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord u persuni oħra li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sentencing Policy Advisory Board – estensjoni tal-kompetenzi tal-Bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba u meta kkonsulta mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jestendi l-kompetenza tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi (Sentencing Policy Advisory Board)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni akkużati b’omiċidju volontarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tinsab akkużata bir-reat ta' omiċidju volontarju quddiem il-qrati ta' pajjiżna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Frar 2023 quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 54 persuna akkużata bir-reat ta' omiċidju volontarju.

Persuni akkużati b’offiża gravi fuq il-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm-il persuna tinsab akkużata bir-reat ta' offiża gravi fuq il-persuna quddiem il-qrati ta' pajjiżna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Frar 2023 quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna kien hemm 339 persuna akkużata bir-reat ta' offiża gravi fuq il-persuna.