Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Resurfacing ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30836 u jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30834 dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo, jista’ l-Ministru jgħid: i.    meta nbeda dan il-proġett; ii.    x’sar s'issa; iii.    x’fadal isir; iv.    meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett; v.    kemm ġie jiswa s’issa dan il-proġett; u vi.    kemm huwa l-persentaġġ iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’mistoqsija parlamentari numru 30834.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo - Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati lifts ġodda għall-ħaddiema u għan-nies fil-bini tal-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo s’issa, u kemm oħrajn għad iridu jiġu installati u meta se jiġu installati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa ġew installati żewġ liftijiet ġodda. B’hekk fil-bini tal-Ministeru hemm tlett liftijiet li jistgħu jintużaw mill-pubbliku.  Fi xhur li ġejjin huwa mistenni li jiġu nstallati żewġ liftijiet oħra.

Regularisation of Existing Development Regulations, 2016 – Flus miġbura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-Awtorità tal-Ippjanar sena b'sena u lokalità b’lokalità mill-applikazzjonijiet u l-multi li rriżultaw mir-Regularisation of Existing Development Regulations, 2016 – L.N. 285 ta’ 2016, konsolidati bħala S.L. 552.26 li daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Awwissu 2016 u stabbilixxew l-iskema ta’ regularisation għal irregolaritajiet eżistenti ġod-Development Zone (pre-2016), inkluż każijiet “Category B concession”?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra t-tabella mitluba.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Port tal-Imġarr Għawdex - Proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30847 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6678 dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr, Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22730 tat-XIII-il Leġiżlatura fejn kien ġie mwieġeb li “qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq dan il-proġett, il-Ministeru hu tal-fehma li ssir ukoll konsultazzjoni pubblika mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża”, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx, fiex waslu u meta bdew il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sabiex jiġu diskussi l-effetti ambjentali ta’ dan l-imsemmi proġett u x’kien l-eżitu? X’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett u x’inhu l-pass li jmiss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jitwaqqaf Task force fil-jiem li ġejjin li mistenni jindirizza wkoll it-triq alternattiva tal-Port tal-Imgarr.

Marsalforn – Parkeġġ – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22137, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi tal-parkeġġ ta’ Marsalforn u jgħid meta se jkompli jinkesa bit-tarmak peress li qed ikompli jiddeterjora?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal dan is-sit, il-Ministeru qed iħejji pjan ħolistiku li eventwalment ser iwassal għal parkeġġ u faċilitatijiet rinovati u modernizzati.

Għawdex - Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta’ karozzi li jistgħu jipparkjaw fil-parkeġġ il-kbir ta’ ħdejn Villa Rundle kif ukoll fil-ground tal-football li hemm maġenbu, li għal dawn l-aħħar snin dejjem intuża għall-parkeġġ tul is-sena kollha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – Applikazzjonijiet għal bini ta’ krematorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li jikkonċerna bini ta’ krematorji? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew deċiżi, kemm minnhom ġew approvati, u kemm minnhom għadhom pendenti? F’liema lokalità jinstabu l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti kif ukoll dawk li ġew approvati (jekk hemm applikazzjonijiet li ġew approvati)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema krematorji qed tirreferi.

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 27203, 28081 u 29358 dwar xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni, jista’ l-Ministru jgħid: i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’ tkompli tintuża? ii. Minn min saru dawn l-interventi? iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru? iv. Kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta parlamentari 31194.

Linji gwidi għad-disinn u tpoġġja ta’ kontenituri tal-iskart fi spazji miftuħa u promenades

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokumentazzjoni li turi l-politiki u l-linja gwida li l-Awtorità tal-Ippjanar tuża jew tirrakkomanda rigward id-disinn u t-tpoġġija ta' konternituri tal-iskart fi spazji miftuħa u promenades?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għandha l-ebda dokumentazzjoni li turi l-politiki u l-linja gwida li l-Awtorità tal-Ippjanar tuża jew tirrakkomanda speċifikament rigward id-disinn u t-tpoġġija ta' kontenituri tal-iskart fi spazji miftuħa u promenades.

Permessi li ġew ippubblikati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30698, jista' l-Ministru jagħti t-tliet raġunijiet primarji għaliex ta' kull sena l-maġġoranza tal-permessi jieħdu aktar minn għaxart (10) ijiem biex jiġu ppubblikati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Sub-Regolament 6(6) tal-Leġislazzjoni Sussidjara 552.13 titlob li: “meta applikazzjoni sottomessa taħt dawn ir-regolamenti tiġi deċiża, iċ- Chairperson Eżekuttiv għandu jistabilixxi d-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li m’għandhiex tkun iktar tard minn ħmistax-il jum mid-deċiżjoni. Il-proposta flimkien mal-isem tal-applikant u nota dwar jekk l-applikazzjoni tkunx ġiet approvata jew miċħuda għandha wkoll tiġi pubblikata fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.” Għal din ir-raġuni, fil-maġġoranza tal-każijiet, id-deċiżjonijiet jiġu ppublikati fi żmien ħmistax-il ġurnata mid-deċiżjoni. Hemm ukoll każijiet li meta jkunu ġew approvati, fid-deċiżjoni l-Bord/Kummissjoni jkun talab li jiġu sottomessi pjanti/dokumenti li jkunu jridu jiffurmaw parti mid-deċiżjoni (kif provdut fit-tielet Proviso tas-Sub-Regolament 13(4)(b) tal-istess Leġislazzjoni Sussidjarja.  F’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni ma tkunx tista’ tinħareġ qabel ma tali pjanti/dokumenti jkunu ġew sottomessi.  F’dawn il-każijiet l-Awtorità tibda tgħodd il-ħmistax-il ġurnata minn dakinhar li c- Chairperson jew wieħed mill-membri tal-Bord/Kummissjoni jkun iċċertifika li s-sottomissjonijiet ikunu jirriflettu d-deċiżjoni.

Awtorità tal-Ippjanar – binja fil-Marsa - parkeġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spazji għal parkeġġ għall-impjegati u għal viżitaturi separatament fil-binja temporanja li qed tintuża mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-Marsa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-binja temporanja li qed tintuża mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-Marsa, hemm 40 spazju ta’ parkeġġ għall-impjegati. Viżitaturi li jagħmlu użu mill-karozza privata tagħhom biex iżuru l-uffiċini fil-Marsa, jistgħu jipparkjaw il-karozza tagħhom fil-parkeġġ tal-klijenti li l-istess Awtorità għandha fil-Furjana u jagħmlu użu minn servizz ta’ shuttle bejn il-parkeġġ fil-Furjana u l-uffiċini tal-Marsa.

Awtorità tal-Ippjanar – binja fil-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta huwa mistenni li l-Awtorità tal-Ippjanar tibqa' tuża l-binja temporanja fil-Marsa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar hija mistennija li tibqa’ tuża l-binja temporanja fil-Marsa kemm isiru x-xogħlijiet fil-binja prinċipali tagħha fir-Ravellin ta' San Franġisk, il-Furjana. Il-kuntratt tal-kera tal-binja jiskadi fis-7 ta’ Ġunju 2028, bid-dritt għall-Awtorità li ġġedded il-kirja għal perjodu massimu ta' sentejn oħra.

Każijiet ta’ frodi - Claims

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30697, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi referenza ta' kull każ fejn l-Awtorità tal-Ippjanar, partijiet interessati jew il-Qrati indikaw li permess seta' inġieb permezz ta' informazzjoni falza jew qarrieqa u f'kull każ jekk kinitx l-Awtorità, persuna terza jew il-Qrati li qajmu l-każ, kemm għaddew ġranet mid-data tad-deċiżjoni tal-permess sad-data ta' meta tqajjem il-każ mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Gozo Channel - Ir-raba’ vapur

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk it-tender għar-raba’ vapur t’Għawdex ħariġx? Jekk ħareġ, jista’ jelenka d-dokument tat-tender? Jekk ma ħariġx, jista’ jispjega għalfejn dan għadu ma ħariġx? Jista’ jgħid ukoll xi studji saru u jelenkahom ukoll?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari 31036.

Iż-Żebbuġ, Għawdex - Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29358 li ngħatat fit-30 ta’ Ġunju 2025 dwar il-parti ta’ Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ Għawdex twasslek għax-Xwejni u li kienet ċediet diversi xhur ilu, fejn ġie mwieġeb li “x-xogħol ser issir fix-xahar ta’ Lulju.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet sarux matul ix-xahar ta’ Lulju, fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, minn min saru, kemm ġew jiswew u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbdew ix-xogħlijiet fuq il-junction bejn Triq Ġorġ Pisani u Triq Santa Dminka fir-Rabat, Għawdex u fiex ser ikunu jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-junction ta’ bejn Triq Ġorġ Pisani, Triq il-Belliegħa u Triq Patri Giacintu Camenzuli huwa lest.

Gozo Channel - Nefqa fuq il-fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq il-fuel tal-vapuri tal-Gozo Channel fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in-nefqa fuq il-fuel tal-vapuri tal-Gozo Channel minn Jannar 2025 sa l-aħħar kont li l-kumpanija irciviet sat-30 ta’ Awissu 2025 jammonta għal €3.7 miljuni.