European Regional Development Fund — Priority Areas
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-Priority Areas imsemmija fl-Operational Program (OP) tal-European Regional Development Fund (ERDF) li ma jistax jipparteċipa direttament il-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Operational Programme(OP) tal-European Regional Development Fun(ERDF) għandu Priority Areaddedikata kollha kemm hi għal Għawdex. Madankollu d-dokument jgħid ukoll li l-inizjattivi mmirati taħt l-istess Priority Area,se jkunu kkumplimentati wkoll minn investimenti previsti taħt Priority Areasoħrajn, li minnhom se jibbenefika wkoll Għawdex.
Ministeru għal Għawdex — Persons of trust' u konsulenti - Remunerazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista kompluta tal-'persons of trust' u konsulenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Jista’ jagħti wkoll il-pakkett remuneratorju tagħhom, inkluż l-allowances li jappartjenu għal pożizzjoni tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni impjegati bħala person of trust jew konsulenti huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu diġà’ tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10698 u jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta’ kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 11530 Ministeru għal Għawdex - Konsulenti legali.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-pixxina ġewwa r-Rabat, Għawdex, u jagħti time frame ta’ meta dan ser jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-kumpless akwatiku u sportiv wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u fil-ġimgħat li ġejjin se tibda tingħalaq il-faċċata. It-tlestija tal-finishing ta’ dan il-proġett hija ppjanata li tingħalaq fit-tieni kwart tas-sena li ġejja.
Ministeru għal Għawdex — Impjegati minn ħaddiema ta' aġenziji tax-xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10179 u jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li qed titwieġeb din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 10552 Ministeru għal Għawdex - Impjegati minn ħaddiema ta' aġenziji tax-xogħol.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure (Direct Order) li ħareġ reċentement il-Ministeru għal Għawdex 'MGOZ NP 04/2023 - NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE MAINTENANCE OF FOTON 100 PER CENT ELECTRIC BUSES' u kemm hu l-valur tagħha? Jista’ jgħid għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll minn meta bdew jintużaw dawn l-Electric buses, min kien jagħmel u qed jagħmel il-manutenzjoni fuqhom? Jista’ jagħti break down dettaljat minn meta bdew joperaw dawn l-electric buses sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ta’ kemm kienet in-nefqa fuq manutenzjoni u spejjeż oħra u min ġie mqabbad biex jagħmilhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din n-Negotiated Procedure mal-istess fornitur tas-sitt karozzi tal-linja elettriċi tkopri s-servizzi ta’ manutenzjoni li huma meħtieġa għat-tħaddim sikur tal-karozzi tal-linja skont l-istandards mitluba mill-operatur.
Minħabba t-teknoloġija nnovattiva l-ġdida tal-batteriji li dawn il-karozzi tal-linja joperaw biha, il-Ministeru ħtieġlu li jiżgura li kwalunkwe manutenzjoni mwettqa ma tannullax il-garanzija li hemm bħalissa. Ma ħarġitx sejħa pubblika għal fatt li, l-akkwist ta' dawn is-servizzi minn fornitur ieħor (jew inhouse permezz tal-garaxx tal-manutenzjoni tal-Ministeru) inevitabbilment jipperikola l-garanzija u jżid il-probabbiltà ta’ kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu relatati ma’ responsabbiltajiet kondiviżi. Dan minbarra l-fatt, li l-offerent ippreferut f’sejħa pubblika, mhux neċessarjament ikollu aċċess għad-dejta teknika tal-karozzi tal-linja elettriċi FOTON peress li dawn jistgħu ma jkunux disponibbli faċilment minħabba drittijiet proprjetarji jew peress li dawn jistgħu jkunu disponibbli biss għal negozjanti/fornituri fdati.
Din in-negotiated procedure li tkopri servizzi ta’ manutenzjoni għal 60 xahar ta’ operat tas-sitt karozzi tal-linja tiswa Euro 184,275.00 esklużi l-ispejjeż tal-VAT. In-nefqa fuq minor repairs s’issa kienet ta’ Euro 19,515.92 u saret mill-istess fornitur.
Marsalforn, Għawdex — Proġett ta' riġenerazzjoni tal-promenade u l-Menqa - twaħħil ta’ bollards
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-proġett ta' riġerazzjoni tal-Promenade u l-Menqa ġewwa Marsalforn u għadhom ma sarux u ma ġewx imwaħħla l-Bollards sabiex il-Promenade u l-Menqa jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku b'moħħu mistrieħ u mingħajr periklu waqt li jkun qed jimxi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li tali proposta hija mmexxija mill-Kunsill Lokali u għaldaqstant għandu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir u x'passi qed jittieħdu biex jitneħħa l-periklu li hemm fi Triq l-Imġarr fil-Qala, Għawdex, kull darba li tagħmel ix-xita wara li kien sar xogħol fuqha fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017? X'sar u x'qed isir biex isiru water culverts f'din it-triq peress li qed jinħoloq periklu għas-sewwieqa kif ukoll għar-residenti peress li meta saret it-triq seba' snin ilu, l-ilma tax-xita ntefa' biex jgħaddi minn nofs it-triq? Jista' jiġi kkonsidrat li l-ilma tax-xita jintefa' f'Wied Biljun b'tali mod li ma jagħmilx ħsara lir-raba' li hemm fl-istess Wied?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet sabiex tiġi indirizzata din il-problema tax-xita ser jinkludi l-immaniġjar tal-ilma tax-xita li jinżel min Triq l-Isqof Buttigieg. Dan ix-xogħol huwa nkluż max-xogħol ta’ kostruzzjoni tat-Triq 28 t’April 1688 li qed issir mil-Kunsill Lokali tal-Qala u ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex.
Hawnhekk huwa pjanat li l-ilma jinqabad f’culvert ġdid li ser ikun qed isir, u li imbagħad jixħet l-ilma lejn il-culvert eżistenti li jieħu sal-wied tal-Marga.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 ’l hawn, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba, dwar persuni li ġew ingaġġati mal-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f'Għawdex? Liema minn dawn it-toroq saru b'kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea u f'kull każ ta' kull triq meta nbeda u tlesta x-xogħol u kemm kien il-kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid liema huma dawk it-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T u li għadhom ma sarux ġewwa Għawdex? Meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fuq kull triq li fadal?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f’Għawdex huma skont il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Numru 1-20).
It-toroq li saru b’kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea huma t-toroq Numru 1-2, 9-10, 12, 15. Il-kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea kien ta’ 85% li jammonta għal €8,785,510 (eskluża l-VAT). It-toroq Numru 3-4, 8, 16-17 saru b’fondi nazzjonali.
It-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T li għadhom ma sarux ġewwa Għawdex huma dawk bin-Numru 5-7, 11, 13-14, 18-20.
Il-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel il-preparamenti biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fuq it-toroq Numru 6, 11, 19-20.
Laqgħat mal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Ministeru għal Għawdex — Proċedura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex wieħed ikun jista’ jkellem lil xi Deputy Director tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Ministeru għal Għawdex, min jista’ jkollu tali appuntament, jekk jinżammux il-minuti ta’ kull laqgħa u jekk jeżistix reġistru tal-persuni li jkollhom dawn il-laqgħat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Akkomodazzjoni Soċjali ġdida ġewwa Ta' Ċawla – qtugħ ta’ siġar
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk inqatgħux jew jekk hux ser jinqatgħu siġar waqt il-proċess li tinbena l-binja l-ġdida tal-akkomodazzjoni soċjali ġewwa Ta' Ċawla? Jekk iva, daħlet applikazzjoni ambjentali mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa ma nqatgħux siġar u mhux ippjanat li jinqatgħu siġar.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan li l-bandli Tas-Sannat jittranġaw minħabba li jinstabu fi stat diżastruż ħafna? Jekk iva, meta ser jibda l-istrutturar fuqhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex — impjegati fis-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23112 li ngħatat fl-14 ta' Diċembru 2021 dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati ta' bini mill-ġdid tat-Triq ta' Wara s-Sur, fir-Rabat Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq it-Triq ta’ Wara s-Sur fir-Rabat Għawdex ser jinbeda meta jinkisbu l-permessi neċessarji", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permessi nkisbux u jekk iva, jista' jagħti d-data ta' meta inkisbu? Jista’ jgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li jinbeda x-xogħol fuq din l-imsemmija triq peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar ta’ Triq ta’ Wara s-Sur huwa PA/03826/21. Ix-xogħol fuq l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif isir l-esproprju tal-junction kif approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Għawdex – Skejjel Primarji u Sekondarji – xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja se jsiru tul dan is-sajf fl-iskejjel primarji u sekondarji ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll minn min se jsir ix-xogħol u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' back office taċ-Ċivil ġdid inġab f'Għawdex matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa, per konsegwenza ta' dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli bil-ħidma biex iħeġġeġ u jgħin Ministeri u Entitajiet jespandu l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm fil-Back Office kif ukoll fil-Front Office. Wara s-suċċess li kellna bil-ftuħ tal-uffiċċji tal-MCCAA, MFSA, is-CPSU, id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dental Teaching Clinic, bħalissa għaddejja ħidma biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet jingħataw uffiċċji akbar u jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’Għawdex. Dan kollu qed isir biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.