Biex persuna bid-dħul baxx jew bla xogħol li tkun tbati mid-diabete tkun eleġibbli għall-gluco/sticks b'xejn mill-isptar, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji applikati? Hemm xi age limit dwar l-eleġibilità u jekk iva, għaliex?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li kull persuna li tbati mill-kundizzjoni tad-dijabete Type 1 u li jkollha inqas minn 35 sena indipendentament jekk ikollhiex dħul baxx jew tkun bla xogħol, hija intitolata għal 50 blood glucose monitoring stick b’xejn fix-xagħar. Filkas ta’ mara tqila li għandha id-dijabete Type 1, il-pazjenta tkun intitolata għal-100 blood glucose monitoring stick b’xejn fix-xagħar. Minħabba din id-diskrepanza, wasalna fil-fazijiet finali ta’ emmendi biex nirregolaw in-numru ta’ gluco/sticks li jingħataw b’xejn mill-Isptar.
Jista' l-Miinistru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-Uffiċċji Distrettwali tas-Sanità li għandna f'Malta? Fejn jinsabu dawn l-uffiċċji distrettwali? X'tip ta' servizz jingħata minn dawn l-uffiċċji?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-Informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li użaw l-emerġenza, kull xahar bejn Ottubru 2009 u Marzu 2010? Kif jitqabblu dawn in-numri ma' dawk tal-istess xhur Ottubru 2008 u Marzu 2009?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' pazjenti li użaw l-appartamenti li nxtraw ġewwa Londra għall-użu tal-pazjenti/qraba tagħhom li jkunu għall-kura tal-kanċer fl-Ingilterra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li bejn 2006 u Mejju ta’ l-2010 sitta u tlettin (36) persuna użaw l-appartamenti ta’ Puttinu f’Sutton Londra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn bħalissa day centres mħaddma mill-gvern? Fejn jinsabu u kemm hu f'kull kaz in-numru ta' persuni li jattendu f'dawn iċ-ċentri?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-Informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tal-Xogħol — ħlasijiet ta' avukati u kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema avukati u/jew kumpaniji ta' avukati taw konsulenza lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 (kull sena separatament) u kemm kienu l-ħlasijiet li saru sena b’sena b’mod separat ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol preżentament għandha retainer agreement ma’ Aequitas Legal għall-konsulenza legali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kien il-ħlas sena b’sena għall-konsulenza legali bejn is-sena 2004-2010.
Jista' l-Ministru jara l-kas tas-sinjur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li wara li mietlu zijuh spiċċa biex ġie mitlub iħallas is-somma ta' €2352.58? Jista' jiġi spjegat dan il-każ għax mhux ġust li wara li ħa ħsiebu u tah l-għajnuna spiċċa biex irid iħallas dan l-ammont?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-provvedimenti tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali, residenti fir-Residenza San Vincenz de Paule iħallsu kontribuzzjoni tal-Welfare Committee kif ġej:
· 80% (net mit-taxxa) tal-pensjonijiet u bonus kurrenti; flimkien ma’
· 60% (net mit-taxxa) ta’ kull dħul ieħor li resident ikollu.
Filwaqt li l-kontribuzzjoni ta’ 80% mill-pensjoni tinqata’ direttament, l-anzjani jagħżlu kif iħallsu is-60% dovuti fuq dħul ieħor. Hemm anzjani li jħallsu is-somma dovuta f’daqqa u oħrajn li jħallsu kontribuzzjoni fix-xahar.
Il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kien daħal fl-isptar Karen Grech nhar il-21 ta’ Ottubru 2009 u kien ġie trasferit għar-Residenza San Vinċenz de Paule fil-21 ta Jannar 2010 fejn miet fit-18 ta’ April 2010. Għalhekk skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż Legali Nru 259 tal-2004, dan l-anzjan kien dovut iħallas kontribuzzjoni bir-rata ta’ 80% tal-pensjoni tiegħu. Il-ħlas li għalih qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma flus dovuti lill-Gvern minn meta daħal l-Isptar Karen Grech sakemm miet. Bħal ma hija prattika normali, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet jinħadmu b’lura u l-anzjani jew il-qraba tagħhom ikunu notifikati mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali rigward il-kontribuzzjonijiet. Din il-persuna kienet ġiet notifikata darbtejn, fit-22 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Frar 2010. Id-Dipartiment għas-Servizzi Soċjali kien informa wkoll lill-qarib tiegħu, permezz ta’ notifiki datati 25 ta’ April 2010 u 14 ta’ Mejju 2010. Peress li ħlas isir b’lura, in-neputi tad-defunt kien jaf li xi parti mill-pensjoni kellha titħallas b’lura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fl-istorja tiegħu ċ-Ċimiterju tal-Addolorata kien estiż? Jista' jgħid x'kien in-numru ta' oqbra li ġabet magħha kull estensjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjanu u l-Kura fil-Komunità — vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'vetturi jagħmlu użu minnhom kull awtorità u korporazzjoni li taqa' taħtu? Meta ġiet akkwistata, kemm qamet u minn fejn inxtrat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħol ta' natura legali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentement in-numru ta' tobba li jaħdmu fil-polikliniċi tal-Gvern? Kemm hu maħsub li jeħtieġu tobba oħra biex is-servizz fil-polikliniċi jiġi assigurat b'mod iktar komplut?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-Informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bereġ lokali li għadhom jintużaw għas-servizz tal-komunità? Fejn jinsabu dawn il-bereġ u x'inhi l-frekwenza tal-ftuħ tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li hemm 42 berġa lokali li għadhom jintużaw għas-servizz tal-komunità. Id-dettalji dwar il-lokalità, l-indirizz u l-frekwenza tal-ftuħ tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
National Dementia Strategy Group — inklużjoni tal-mediċini għal Alzheimer's Disease
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkmandazzjonijiet tan-National Dementia Strategy Group fir-rigward tal-inklużjoni tal-mediċini għal Alzheimer's Disease fil-lista tal-mard fis-Schedule V?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-Istrateġija Nazzjonali fuq id-Dimenzja għadha fi stadju bikri u għalhekk ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.
pazjenti bid-dimensja li qed jiġu trattati bl-anti-psikotiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux il-każ li l-pazjenti bid-dimensja li jkollhom behavioural symptoms qed jiġu trattati bl-anti – psikotiċi fl-istituzzjonijiet tal-gvern għar-raġuni li t-tobba ma jistgħux jiktbulhom il-mediċini propriji tad-dimensja għax dawn mhux inklużi fil-lista tax-Schedule V, meta hemm studji enormi li juru li l-użu tal-anti – psikotiċi f’dawn il-pazjenti jista' jirriżulta fil-mewt ta’ dawn il-pazjenti, u meta fil-fatt ħafna anti-psikotiċi huma kontra indikati fid-dimensja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Id-dimenzja mhijiex waħda mill-mardiet inkluża f’Schedule V tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Għaldaqstant bħalissa, mediċini speċifiċi għad-dimenzja mhumiex fil-formularju tal-mediċini b’xejn li joffri l-Gvern. Wara studju li sar dwar nuqqasijiet fl-iskema tas-Schedule V, qed jiġu diskussi proposti sabiex id-dimenzja u mard kroniku ieħor jiġu nklużi fir-riforma ta’ din l-Iskeda.
Il-mediċini
antipsychotic
jistgħu jintużaw f’każ ta’ sintomi psikotiċi u mġieba aggressiva jew vjolenti anki f’persuni bid-dimenzja. Hija l-kompetenza tat-tabib li jkun jaf liema mediċini għandu jagħti lill-pazjenti f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 14623, magħmula mill-Onor. Charlo Bonnici u cioé : Peress li fid-diskors tal-budget għal din is-sena kien tħabbar li se jidħlu mediċini ġodda fi Skeda V, jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċini jinkludux dawk li jittieħdu bħala parti mill-kura tad-dimensja? Jekk ir-risposta hija le, jista' jgħid meta din l-anomalija diskriminatorja għal dawn il-pazjenti li ħafna drabi ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom se tiġi rranġata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Għar-risposta ta’ Mistoqsija Parlamentari Nru. 15186, nixtieq ninforma lil l-Onor Interpellant biex jirreferi għal-abbozz ta’ tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15185.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2009 il-gvern keriex apparat mediku mill-privat? Jista' jgħid jekk dan l-appart mediku li jinkera mill-privat huwiex imħallas mill-istat jew mill-pazjent? Jista' jgħid jekk hemmx sitwazzjonijiet fejn il-pazjent ikollu jikri l-apparat mill-privat għaliex dan l-apparat mediku ma jkunx jeżisti fl-Isptar Mater Dei u xorta jintuża waqt li l-pazjent ikun qiegħed jiġi rikoverat fl-isptar pubbliku? Jista' jgħid liema kienu l-okkażjonijiet fejn il-pazjenti kellhom iħallsu huma għall-apparat u kemm tiġri spiss din il-ħaġa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Matul is-sena 2009, il-Gvern kera l-apparat elenkat hawn taħt mill-privat:
Description of Equipment
Date of Loan
Hospital/Clinic
Dynamic Hip Screw Instruments
10/01/2009
St James Hospital
Dynamic Hip Screw Instruments
15/01/2009
St James Hospital
Hemi Arthroplasy Inst
21/01/2009
St James Hospital
Dynamic Hip Screw Instruments
22/01/2009
St James Hospital
ARGON Laser
31/01/2009
St James Hospital
ARGON Laser
16/03/2009
St James Hospital
ARGON Laser
06/04/2009
St James Hospital
ARGON Laser
27/06/2009
St James Hospital
ARGON Laser
25/08/2009
St James Hospital
Il-Gvern jissellef dan l-apparat mediku mingħand il-privat mingħajr ħlas.
Meta apparat mediku ma jkunx inkluż fil-pakkett ta’ servizzi tas-saħħa li l-Gvern joffri b’xejn, hemm sitwazzjonijiet fejn il-pazjent jagħżel li jikri l-apparat mill-privat. Jekk il-konsulent mediku tal-pazjent jagħti l-approvazzjoni, dan l-apparat jista’ jintuża waqt li l-pazjent ikun qiegħed jiġi rikoverat fl-isptar pubbliku.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ċifra globali fuq hospitality
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali f'ċifra ta' flus li ntnefqet fil-hospitality mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu matul Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Kemm tħallsu minnhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa globali li ntefqet fil-hospitality mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn Jannar u April tas-sena 2010 kienet ta’ €12,226.93. Minn dawn tħallsu €8,943.04.
Applikazzjoni għal dħul Residenza San Vincenz De Paule
Question
Jista' l-Ministru jghid fiex waslet l-applikazzjoni tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz De Paule minħabba li qed tkun diffiċli ħafna għall-familjari tagħha li jlaħħqu mal-bżonnijiet tagħha minħabba l-istat ta' saħħitha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz de Paule fit-22 ta’ Frar 2010. L-applikazzjoni waslet fid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Kommunità fit-2 ta’ Marzu 2010. Fil-25 ta’ Marzu 2010, il-każ ġie diskuss mill-Bord ta’ Ammissjonijiet u ġie deċiż li din il-persuna tiġi approvata għad-dħul ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule u tqegħdet fuq il-lista ta’ ammissjonijiet bħala każ ta’ prijorità għolja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux pjanijiet li jiftaħ dar għall-anzjani f’Ħaż-Żebbuġ? Jekk iva, jista' jagħti dettalji ta' dawn il-pjanijiet u meta din id-dar hu maħsub li tibda topera?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalissa m’hemmx pjanijiet biex tinfetaħ dar għall-anzjani tal-Gvern f’Ħaż-Żebbuġ.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se tibda titħaddem l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek f’Ħaż-Żebbuġ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-preparament għall-estenzjoni tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek f’kull raħal jew belt ta’ Malta qiegħdin fi stadju ta’ diskussjoni avvanzat u d-dettalji jiġu mħabbra fil-futur qarib.
Bħalissa qiegħdin jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-pażjenti għar-Registrazzjoni mal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek f’Għawdex skont kif kien imħabbar f’Marzu li għadda, u wara l-Iskema se tkompli tiġi estiża fil-lokalitajiet l-oħra kollha f’Malta.