Legislature:
Category:
Reset
Active:

kumitati tal-baned — arretrati fuq il-kontijiet tad-dawl

Question

B'referenza għall-kumitati tal-baned fid-diversi bliet u rħula, jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom arretrati f'kontijiet tad-dawl każ b'każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont dovut s’issa mid-diversi kumitati tal-baned f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex huwa ta’ €30,881.85.

Xewkija Għawdex, — raba' tal-barmil

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27144 u ċioe: B'referenza għall-ittri uffiċjali li rċevew inkwilini tar-raba' tal-barmil, fix-Xewkija Għawdex, liema ittra qed tavza li l-qbiela qed tiġi terminata skont l-avviżi li dehru fil-Gazzetta tal-Gvern, peress li dawn in-nies inkorrew diversi spejjeż sabiex jiġu reġistrati fl-iskema li ħarġet fis-sena 2000 u kif ukoll ħallsu qbiela ogħla u ħallsuhom b'lura, jista' allura l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop għat-terminazzjoni tar-raba' u x'kumpens ser jingħata kemm lill-inkwilini kif ukoll lill-gabillotti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont il-kundizzjonijiet tal-Iskema tal-Art Agrikola li kienet imnehdija fis-sena 2000, l-applikazzjoni tista’ tiġi miżmuma jekk l-art tkun meħtieġa għall-skop pubbliku. Fil-każ li qed tagħmel referenza għalih l-Onorevoli Membru, biċċiet żgħar ta’ art mat-triq u tul it-triq kollha huma meħtieġa għal skop ta’ twessiegħ tat-triq. Il-bdiewa jiġu ikkumpensati skont valutazzjoni li ssir mid-Dipartiment tal-Agrikultura għat-telf tal-frott li se jintilef.

Privatizzazzjoni tal-MOBC — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ebda ħaddiem ma jiġi sagrifikat kemm qabel kif ukoll wara l-privatizzazzjoni tal-MOBC, Petroleum Division - Enemalta, Ras Ħanżir, 31 ta' Marzu u Ħas-Saptan?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27109.

Ħażna taż-żejt — storage facilities

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpaniji qed jaħżnu ż-żejt illum, jiġifieri matul Mejju u Ġunju 2011 fl-istorage facilities tal-MOBC u kemm qed iħallsu kera għall-użu tal-ħażniet taż-żejt? Jista' jpoġġi d-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul Mejju 2011 il-kuntratti tal-istorage kienu ma’ Island Bunker Oils u l-Enemalta. F’Ġunju l-uniku kuntratt li baqa fis-seħħ huwa mal-Enemalta. Dan ġara minħabba l-i stop notice li ħarget il-MEPA lil MOBC. Rigward kemm titħallas kera din hija informazzjoni ta’ natura kummerċjali.

MOBC — storage facilities

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpaniji kienu jaħżnu fl-istorage facilities tal-MOBC mis-sena 2004 sa April 2011 u kemm ħallsu f'kirjiet għall-użu tal-ħażniet taż-żejt? Jista' jagħti din l-informazzjoni, kull kumpanija għaliha sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2004 u April tal-2011 il-kuntratti tal-istorage fil-faċilitajiet tal-MOBC kienu kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward kemm tħallas kera din hija informazzjoni ta’ natura kummerċjali.

MOBC — letter of credit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk bejn is-snin 2002 - 2004 l-MOBC għamlitx tajjeb permezz ta' letter of credit għan-nom tal-IBOL (Island Bunker Oils), meta l-istess IBOL kienet kompetitur tal-istess MOBC?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

kwestjoni dwar numru ta' qbiela li jridu jħallsu l-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk spiċċatx il-policy li bdiewa full-time jiġu preferuti meta artijiet jingħataw għal skop agrikolu? Jista' jgħid x'inhuma l-ispejjeż imsemmija f'avviżi numru 44 u 45? Jidhirlu l-Ministru li n-numru ta' qbiela msemmi fi tliet avviżi (44, 45, 46) hu għoli wisq biex jitħallas mill-bdiewa ġenwini full-time u part-time?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-policy li qed jagħmel referenza għaliha għadha in vigore. Madanakollu, jista’ jkun hemm każijiet fejn prima facie l-applikant ikollu d-Dritt għal-ewwel rifjut anke jekk ma jkunx full jew part-time farmer, bħal fil-każ ta’ ex-ċenswalist, jew ikollu preferenza minħabba dritt ta’ servitù. L-ispejjeż imsemmija f’avviżi numru 44 u 45 huma l-ispejjeż li l-applikant ikun għamel biex kiseb il-permess mingħand il-MEPA u li skont il-policy, l-applikant għandu d-dritt li jeħodhom lura, f’każ li l-offerta tiegħu ma tiġix milqugħa. Il-valur tal-qbiela imsemmija fit-3 Avviżi ġew approvati mit-Tender Committee tad-Dipartiment bħala li huma reali u ġusti.

sejħa għall-offerta ta' art mogħtija għal skop agrikolu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-art soġġetta għas-sejħa għall-offerta numru 43 se tiġi mogħtija b'ċens għal skop agrikolu meta din l-art fil-maġġor parti tagħha mhijiex kultivabbli? Jista' jgħid ukoll għaliex din l-art partikolari se tiġi mogħtija b'ċens, meta l-prassi tad-Dipartiment tal-artijiet hi li art għal skop agrikolu tingħata bi qbiela bħal fil-każ ta' numri 44, 45 u 46? Jista' jgħid kemm fil-fatt ingħataw artijiet għal skop agrikolu b'ċens f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress li din l-art diġà hija mikrija u tinsab maġenb art privata, u d-Dipartiment tal-Artijiet kellu talba mill-inkwelin biex jixtri din l-art, it-Tender Committee tad-Dipartiment tal-Artijiet ma sab ebda oġġezzjoni li din l-art tingħata b'ċens temporanju.

San Pawl il-Baħar — Triq San Luqa - kwestjoni dwar bozza fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni saret mill-Korporazzjoni Enemalta qabel ma ddeċidiet li tapprova bozza ġdida ( ftit xhur ilu) fi Triq San Luqa f'San Pawl il-Baħar? Kif jista' jiġi assigurat li f'każijiet bħal dawn fejn jista' jagħti l-każ li pika bejn xi uħud twassal għal problemi mhux meħtieġa, jinqalgħu problemi bħal bejn dawk li jridu l-bozza iżda fuq proprjetà ta' ħaddieħor, filwaqt li l-oħrajn ma jkunux iridu tali bozza/dawl fuq il-proprjetà tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta intalbet il-bozza fi Triq San Luqa saret investigazzjoni (vetting) fuq is-sit biex jiġi stabbilit l-aħjar post fejn tista' teħel il-bozza biex din tipprovdi dawl adkwat. L-Enemalta għaddiet din l-informazzjoni lill-kunsill lokali biex ikun jista' jistalla l-bozza.

Atti ta' nutara tal-gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27030, jista' l-Ministru jgħid jekk f’każ li nutar ma jkunx għadu jipprattika jew saħansitra jkun laħaq miet, x’passi jittieħdu meta l-atti jkunu għand in-nutar tal-gvern u mhux għand nutara b’mod privat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jekk l-atti ikunu diġà depositati fl-Arkivji Nutarili, m’hemmx passi oħrajn x’jittieħdu għaliex dawn ikunu aċċessibbli għall-pubbliku skont il-liġi.

WSC — xogħlijiet fil-mains

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25821, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn, matul l-2010 u l-2011 sa Marzu, tqiegħdu mains tal-ilma fuq iż-żewġ naħat tat-triq? Kemm kien it-tul ta' mains li tqiegħdu f'dan l-istess perjodu, u kemm minn dawn tqiegħdu fuq iż-żewġ naħat tat-toroq ikkonċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2010 tqiegħdu 45.9Km ta’ mains tal-ilma, 11.44Km minnhom huma fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Filwaqt li minn Jannar sa Marzu 2011 tqiegħdu 11Km li 1.4Km minnhom huma fuq iż-żewġ naħat tat-triq. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-lokalitajiet fejn tqiegħdu mains fuq iż-żewġ naħat tat-triq.

Rapport tal-Bord t'inkjesta dwar il-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-consultancy firm KPMG li tissemma' fir-rapport tal-bord t'inkjesta dwar il-VAT ġiet magħżula? Kien hemm xi avviż ta' expression of interest? Jista' jgħid kemm se jħallas jew ħallas it-taxpayer għal dan ir-rapport?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Rapport t'inkjesta dwar il-VAT

Question

Billi l-kummissarju tal-VAT mhux imsemmi fl-appendiċi B fir-rapport t'inkjesta dwar il-VAT rigward il-lista ta' nies li saritilhom interview mill-Bord t'inkjesta, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan sarx bi żvista jew le? Jekk mhux bi żvista, x'inhi r-raġuni li l-bord tal-inkjesta ma talabx il-veduti tal-Kap tad-Dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport tal-Bord intbagħat lill-Kummissarju tal-VAT għal veduti tiegħu f’Ġunju 2010. Il-Kummissarju ressaq l-pożizzjoni tiegħu bil-miktub fil-15 ta’ Lulju 2010 u l-Bord ikkonsidrahom u rrisponda. Fl-4 ta’ Frar 2011, il-Bord iltaqa’ mal-Kummissarju u żewġ diretturi tal-VAT fejn reġgħu ġew diskussi punti mir-rapport li ried iqajjem il-Kummissarju.

KMPG — każ ta' frodi tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kontribut tal-kumpaniji KMPG fir-rigward tal-każ tal-frodi tal-VAT kienx limitat biss biex jassisti l-Bord t'inkjesta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-KPMG ġie mqabbad biex jassisti l-Bord ta’ Inkjesta biex isir systems audit.

Ħaddiema fis-settur tas-servizzi diretti ta' intermedazzjoni finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta’ intermedjazzjoni finanzjarja f’Għawdex f’Ottubru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-NSO News Release: Gainfully Occupied Population: October, 2010, liema stqarrija fiha l-informazzjoni mitluba.

Full-time farmers — policy dikjarata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25269 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern għadux qiegħed iħaddem il-policy dikjarata tiegħu li artijiet li jkunu tal-gvern iżda li jkunu mikrija għal skop ta’ biedja lill-persuni reġistrati bħala full-time farmers, jerġgħu jinkrew lill-istess bdiewa meta jintemm il-kuntratt viġenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi normalment, ir-raba hija mikrija bi qbiela, jiġifieri minn sena għal sena u għalhekk il-kirja qatt ma jkollha terminu li jiskadi. Fejn ikun hemm terminu meta il-kirja tiskadi il-policy hija li l-kerrej jerġa' jingħata kirja taħt l-istess kundizzjonijiet imma b'kera tal-lum. Il-kera tal-lum hija dik il-kera li qiegħda tiġi applikata fl-iskema. Fil-każ ta' ċens meta ċ-ċens jiskadi, il- policy hija li jiġi jew jiġu rikonoxxut/rikonoxxuti l-bidwi jew bdiewa li jkunu qegħdin jaħdmu r-raba dakinhar li jiskadi ċ-ċens.

Taxxa fuq l-income — dħul minn kirijiet ta' fondi residenzjali u kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont totali ta' taxxa fuq l-income li l-gvern irċieva matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, u 2010 fuq dħul dikjarat minn kirjiet, maqsum fi dħul minn kirjiet ta' fondi residenzjali u fondi kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli li wieħed jgħid kemm kienet it-taxxa dovuta speċifikament fuq l-income mill-kirjiet minħabba li t-taxxa dovuta fuq income minn dan is-sors tkun imħallta mat-taxxa dovuta minn sorsi oħra ta’ income. Barra dan, id-dħul mill-kirjiet kif dikjarat fuq il-formola tat-taxxa ma jiddistingwix bejn kirjiet ta' fondi residenzjali u oħrajn kummerċjali.

Servizz Pubbliku — Accrual Accounting - Project Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Project Board dwar id-dħul tas-sistema tal-accrual accounting fis-Servizz Pubbliku, ix-xogħol ta’ liema bord kemm-il darba rrefera għalih meta wieġeb mistoqsijiet dwar meta se tidħol din is-sistema? Jista’ jagħti d-dati tal-laqgħat tal-bord minn meta ġie ffurmat s’issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — housing estates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25929 u 24759 li kienet oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u li ġiet riferuta lilu u jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta nbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

każ ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jidhru separatament, peress li n-nies tat-triq tagħha kollha rċevewh u hi għadha le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.