Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-Outpatients

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17291 u 17580 u jgħid jekk is-sid tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, intalabx għan-nom tal-Ministru għas-Saħħa, sabiex jitkellem jew jinnegozja ma’ kuntratturi jew negozjanti, jew ‘service providers’ Maltin u barranin, dwar il-proġett tal-Outpatients?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sid tal-kumpanija li għalih qed tagħmel referenza l-Onor. Interpellant kien il-Project Manager tal-proġett tal-Outpatients għan-nom tal-FMS.

Ministeru għas-Saħħa – Xogħol minn individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17292 u 17581 u jagħti dettalji dwar ix-xogħol li s-sid tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ⁠kien qed jagħmel għall-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2014 u 2024, u jekk dan ix-xogħol kienx jinkludi wkoll ix-xiri ta’ servizzi ta’ ‘body leasing’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratti ta’ xogħol tas-sid tal-kumpanija li qed tagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ma kienx jinkludi ‘body leasing’.

Ministeru għas-Saħħa — Kuntratti ta’ xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17293 u 17646 u jgħid jekk il-kuntratti li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kinux approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2014 u 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Psikjatri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati psikjatri u f'liema grad mill-1 ta' Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm psikjatri u f'liema grad irriżenjaw jew irtiraw fl-istess perjodu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill- 1 ta’ Jannar, 2023 sal-lum ġew ingaġġati 5 Psikjatri li huma fil-grad ta’ Basic Specialist Trainee, 2 Konsulenti ġew promossi minn Resident Specialist u 5 Higher Specialist Trainees li ġew promossi minn Resident Specialist. Matul l-istess perjodu iriżenjaw 5 u ieħor irtira.

Ħal Safi – Ċentru tad-Dementia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb illi ċ-Ċentru tad-Dimenzja f'Ħal Safi jiftaħ ukoll bħala night shelter u/jew jekk hux ser jiżdiedu s-servizzi minn dan iċ-ċentru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċentru tad-dimensja ta’ Safi diġà qiegħed jintuża bħala night shelter. 21-il persuna qed jużaw is-servizz ta’ matul il-jum, filwaqt li 5 persuni qed jużaw is-servizz tan-night shelter. Il-persuni li jattendu ċ-ċentru jibbenifikaw minn diversi servizzi fosthom minn routine check ups li jsiru minn tabiba tal-familja, kif ukoll sessjonijiet minn Occupational Therapists. Barra minn hekk dawn il-persuni jibqgħu jiġu segwiti mid-Dementia Intervention Team fil-komunità.

Ix-Xgħajra – Day Centre għall-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jinfetaħ Day Centre għall-Anzjani fix-Xgħajra? Jekk iva, hemm xi post indikat u meta ser jiftaħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandhiex pjan biex jinfetaħ Ċentru tal-Anzjanità Attiva fix-Xgħajra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija paramentari 16955.

CYPS – Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Child and Young People's Services (CYPS) jorganizzax korsijiet jew gruppi għall-ġenituri li għandhom uliedhom li għandhom diffikultà fl-imġieba? Jekk iva, kemm saru minn dawn il-korsijiet fl-2023 u jekk le, għaliex le? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ sapport u għajnuna tingħata mis-CYPS lil ġenituri ta’ tfal b’diffikultajiet fl-imġieba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li jsiru dawn il-korsijiet: CYGNET: Programm għall-ġenituri li għandhom tfal b’dijanjozi tal-awtiżmu. Sessjonijiet isiru mall-ġenituri rigward għarfien fuq l-awtizmu u kif ġenitur l-aħjar jimxi mat-tfal bl-awtiżmu. Matul is-sena 2023 sar grupp wieħed ta’ għaxar persuni, fejn ingħataw total ta’ 6 sessjonijiet. Phoenix Group: Grupp għall-ġenituri li għandhom tfal jagħmlu ‘self-harm’. Sar grupp wieħed li attenda fejn kien hemm reazzjoni pożittiva. Family Focused Clinic: servizz li jilqa’ riferti meta jkun hemm problemi ta’ saħħa mentali assoċjata ma diżgwid/nuqqas ta’ funzjoni jew nuqqas ta’ dinamika tajba bejn il-membri tal-familja. Fl-2023, il-Family Focus Clinic ta 209 sessjonijiet. Incredible Years: Programm għall-ġenituri li għandhom tfal b’dijanjożi tal-ADHD. Sessjonijiet isiru mall-ġenituri rigward għarfien fuq l-ADHD u kif ġenitur l-aħjar jimxi mat-tfal bl-ADHD. Sfortunatament fl-2023, ma kienx hemm gruppi li saru ta’ “Incredible Years”minħabba li konna qed nistennew xi riżorsi minn barra ġejjin u anke ħabba problemi ta’ riżorsi umani. Pero’ il-pjan hu li dan il-programm ser jerġa jiftaħ lejn l-aħħar ta' Marzu 2024.

In Charge Nurse — Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jiċċara x’inhuma l-kriterji biex persuna tilħaq il-grad ta’ In Charge Nurse? Jekk persuni jilħqu l-kriterji minimi, kif tintgħażel persuna minn oħra? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-mistoqsijiet tal-intervista u /jew scoring sheets li jintużaw biex jiġi ddeterminat min ikun/u l-aħjar kandidat/i għal din il-kariga?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proċess biex persuna tilħaq Charge Nurse huwa permezz ta' sejħa kompettitiva. Jekk persuna tilħaq il-kriterji stabbiliti fis-sejħa, il-persuna tiġi msejħa għall-intervista quddiem bord tal-għażla. Il-kriterji u sotto kriterji stabbiliti, kif ukoll il-punti massimi allokati ikunu approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-mistoqsijiet ikunu bbażati fuq l-kriterji u s-sotto kriterji kif ikun diterminat mill-bord tal-għażla rispettiv. Il-persuni jigu kklassifikati f’ordni ta’ mertu u jingħataw appuntament skont il-vakanzi. Dawn huma il-kriterji stabbiliti: Criteria Related Knowledge Relevant Experience Qualifications Skills & Abilities for the Post Personal Qualities

Practice Nurse — Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jiċċara x’inhuma l-kriterji biex persuna tilħaq il-grad ta’ Practice Nurse? Jekk persuni jilħqu l-kriterji minimi, kif tintgħażel persuna minn oħra? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-mistoqsijiet tal-intervista u /jew scoring sheets li jintużaw biex jiġi ddeterminat min ikun l-aħjar kandidat għal dawn il-karigi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-proċess biex persuna tilħaq Practice Nurse huwa permezz ta' sejħa kompettitiva. Jekk persuna tilħaq il-kriterji stabbiliti fis-sejħa, il-persuna tiġi msejħa għall-intervista quddiem bord tal-għażla. Il-kriterji u sotto kriterji stabbiliti, kif ukoll il-punti massimi allokati ikunu approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-mistoqsijiet ikunu bbażati fuq l-kriterji u s-sotto kriterji kif ikun diterminat mill-bord tal-għażla rispettiv. Il-persuni jiġu kklassifikati f-ordni ta’ mertu u jinghataw appuntament skont il-vakanzi. Dawn huma il-kriterji stabbiliti: Criteria Related Knowledge Relevant Experience Qualifications Skills & Abilities for the Post Personal Qualities

Practice Nurses – Masters Degree

Question

B’referenza għaċ-ċirkulari DH 411/2023 – HR/MFH/16/2023 fejn l-applikanti kollha għall-grad ta’ Practice Nurse għandhom ikollhom Masters Degree (MQF 7) jew ikunu fil-proċess li jġibu din il-kwalifika sa sitt snin wara l-ħatra fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid: 1. Meta din il-klawsola imsemmija hawn fuq daħlet l-ewwel darba? 2. Kemm hawn practice nurses fis-settur pubbliku? 3. Kemm minn dawn il-practice nurses għandhom livell ta’ dottorat (MQF8)? 4. Kemm minn dawn il-practice nurses għandhom livell ta’ masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq? 5. Kemm minn dawn il-practice nurses bdew u għadhom fil-proċess li jġibu dan il-masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq? 6. Kemm minn dawn il-practice nurses għadhom ma bdewx dan il-masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq? 7. Jekk xi ħadd bil-masters diġà jingħatax prijorità minn xi ħadd li għadu ma ġabx il-masters degree skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq? 8. X’jiġri jekk il-persuni li jkunu nħatru practice nurses ma jġibux il-Masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq? 9. Kemm minn dawn li għandhom jew qed jagħmlu masters, huwa masters fil-management jew simili? 10. Masters fil-Management tas-servizzi tas-saħħa (jew simili) hija kkunsidrata bħala masters ta’ speċjalizzazzjoni li hi neċessarja għal grad ta’ practice nurse li hu grad ta’ speċjalista f’qasam kliniku, u mhux management?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

B’referenza għall-mistoqsijiet li l-Onor. Interpellenat għamlet f’din l-interpellanza, ninsab infurmat li l-klawsola imsemmija daħlet għall-ewwel darba fil-Ftehim Settorali tas-sitta (6) ta’ Frar 2013. Dan il-ftehim kien jistipula jekk il-Masters ma jitlestix f’erba’ snin, tingħata estenzjoni ta’ sentejn f’ċirkustanzi speċjali. Ninsab infurmat li hemm żewg Practice Nurses li għandhom livell ta’ Dottorat, mija u tletin (130) Practice Nurse/Midwife li għandhom kwalifika livell ta’ Masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq, u ħames (5) Practice Nurses li bdew u għadhom fil-proċess li jġibu dan il-masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq. Ġejt infurmat li m’hemm ebda Practice Nurse li għadu ma bediex dan il-masters skont iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq. Ta min isemmi, li hemm seba’ (7) Practice Nurse u Practice Midwife waħda (1) li ma għandhomx Masters iżda dawn ma kienux obbligati li jagħmluh skont is-sejħa meta ħarget. Ninforma lill-Onor Interpellant li ġejt infurmat li huwa l-bord tal-għażla li għandu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi jekk persuna li għandu jew m’għandux Masters jingħata prijorità, peress li l-kriterja tal-għażla mhix ibbażata biss fuq il-kwalifika. F’każ li l-persuni li jkunu nħatru Practice Nurses/Midwives ma jġibux il-Masters skond iċ-ċirkolari imsemmija hawn fuq, il-ħatriet jiġu rrevokati immedjatament. Ninsab infurmat ukoll li hemm tlieta u ghoxrin (23) Practice Nurse / Midwife li għandhom jew qed jagħmlu masters fil-management jew simili. Ninforma lill-Onor Interpellant li skont l-aħħar Ftehim Settorali, iffirmat fil-25 ta’ Settembru 2023, il-persuni li se jingħataw il-post ta’ Practice Nurse/Midwife irid ikollom kwalifika speċifika fil-qasam rispettiv. Jekk ma jinħatar ħadd, is-sejħa terġa toħroġ għal dawk li m’għandomx il-kwalifika speċifika b’kundizzjoni li jridu jikkwalifikaw fil-kors rispettiv fi żmien sentejn. Intant għar-rigward ta’ Practice Nurses fis-saħħa u l-anzjanità attiva, l-Onor. Interpellant għandha tirreferi għat-tweġiba li ngħatat mal-mistoqsija parlamentari 17521.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Mobile jew Telephone Line Allowances

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, jgħid jekk il-koordinatur tal-komunikazzjoni fis-Segretarjat tiegħu għandux/għandhiex mobile jew telephone line mħallas minn fondi pubbliċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentaru 17422.

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15242 u ċjoè jgħid kemm minn dawk il-persuni li rrikorrew għal kull ċentru tas-saħħa f’Malta u Għawdex xahar b’xahar matul l-2022 u l-2023, żaru ċ-ċentru tas-saħħa bħala emerġenza għat-tabib?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni fit-Tabella ta’ hawn taħt: Emerġenza għat-Tabib Xahar 2022 2023 Jannar 53,213 60,481 Frar 49,683 54,993 Marzu 59,420 63,634 April 58,358 54,603 Mejju 67,097 62,763 Ġunju 65,515 59,797 Lulju 59,286 64,885 Awwissu 61,559 65,072 Settembru 56,247 59,263 Ottubru 63,263 66,258 Novembru 61,233 62,595 Diċembru 59,700 59,791

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15242 u ċjoè jgħid kemm minn dawk il-persuni li rrikorrew għal kull ċentru tas-saħħa f’Malta u Għawdex xahar b’xahar matul l-2022 u l-2023, huma ta’ nazzjonalità Maltija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni fit-Tabella ta’ hawn taħt: 2022 2023 Jannar 69,834 82,766 Frar 67,757 73,836 Marzu 79,579 84,713 April 77,287 71,914 Mejju 91,672 87,001 Ġunju 85,539 81,298 Lulju 80,688 87,313 Awwissu 84,043 86,782 Settembru 77,732 78,527 Ottubru 84,866 88,897 Novembru 83,309 85,352 Diċembru 75,772 74,849

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15242 u ċjoè jgħid kemm minn dawk il-persuni li rrikorrew għal kull ċentru tas-saħħa f’Malta u Għawdex xahar b’xahar matul l-2022 u l-2023, huma ta’ nazzjonalità barranija u x'nazzjonalità huma?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni fit-Tabella ta’ hawn taħt: 2022 2023 Jannar 10,561 13,423 Frar 9,721 12,793 Marzu 11,848 14,729 April 10,915 12,607 Mejju 12,225 15,177 Ġunju 12,767 14,469 Lulju 12,722 16,329 Awwissu 13,740 15,768 Settembru 12,194 14,520 Ottubru 13,457 16,611 Novembru 13,099 16,143 Diċembru 12,307 14,204

Sptar Mater Dei – Pazjenti riferuti miċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15243 u ċjoè jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li ġew riferuti lejn l-Isptar Mater Dei miċ-ċentri tas-saħħa individwalment matul l-2022 u l-2023 u kemm minnhom ġew rikoverati għal aktar kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamanetari 15244.

IVF – Proċeduri bejn koppji Maltin u barranin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17151 u jgħid, mill-proċeduri tal-IVF li saru matul is-sena 2023, kemm-il koppja kienet ta' nazzjonalità Maltija, kemm-il koppja kienet magħmula minn persuna waħda ta' nazzjonalità Maltija, u kemm-il koppja kienet ta' nazzjonalità barranija? Kemm minn dawn saru fl-Art Clinic fl-Isptar Mater Dei u kemm saru fi kliniċi privati? Kemm minn dawn kienu ta' suċċess, fis-sens li wasslu għall-wild ta' tarbija/trabi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

IVF – Proċeduri bejn koppji tal-istess sess

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17152 u jgħid, mill-proċeduri tal-IVF li saru matul is-sena 2023, kemm-il koppja kienet tal-istess sess? Kemm minn dawn saru fl-Art Clinic fl-Isptar Mater Dei u kemm saru fi kliniċi privati? Kemm minn dawn kienu ta' suċċess, fis-sens li wasslu għall-wild ta' tarbija/trabi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Kuntratt ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17294 u jgħid jekk il-kuntratt ta’ xogħol mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u/jew mas-sid tagħha li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ukoll, għadux għaddej? Jekk iva, jista’ jgħid sa meta huwa validu? Jekk le, meta ntemm u jekk intemmx għax skada jew għal xi raġuni oħra, u x’inhi dik ir-raġuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tal-kumpanija u/jew is-sid tagħha li qegħda tagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, mgħadux għaddej għax il-kuntratt definit skada.