Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tar-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Qortin? X’xogħol sar s’issa u x’kienet in-nefqa s’issa? Kemm hemm flus kommessi għal dan il-proġett u għadhom ma tħallsux?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-installazjonijiet li saru s’issa fil-miżbla tal-Qortin kienu parti mill-proġett tal-Aerial Emissions, proġett ko-finanzjat mill-fondi Ewropej ta’ l-Iżvilupp Regjonali (ERDF) perjodu 2004-2006. Ġiet installata wkoll sistema li tikkontrolla u tittratta l-gassijiet mill-miżbla li tista’ titqies bħala l-ewwel pass lejn ir-rijabilitazzjoni. In-nefqa s’issa kienet ta’ madwar 1.1 miljun Ewro. Ix-xogħlijiet tlestew u ġew imħallsa.
Ix-xogħol relatat mal-proġett finanzjat mill-fondi ta’ koezjoni 2007-2013 hu fi stadju avvanzat ta’ proġettazzjoni. Id-disinn tal-forma finali tlesta, u l-Permess ta’ Żvilupp, fil-bidu ta’ Ottubru ġie sottomess lill-MEPA bħala
Full Development Application
. L-applikazjoni għall-fondi mistennija li tiġi kompluta qabel l-aħħar t’Ottubru.
In-nefqa fuq dan il-proġett s’issa kienet ta’ madwar € 70,000 għal xogħlijiet marbutin mad-disinn finali u ma xogħol relatat mal-permess ta’ l-iżvilupp. In-nefqa hija stmata li tkun madwar € 2.83 miljun.
trattament u t-trasferiment tal-iskart minn Malta għal Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema data l-Gvern approva l-finanzjament tal-proġett tal-istazzjon għat-trattament u t-trasferiment tal-iskart minn Malta għal Għawdex? Kemm hu l-ammont kommess f’fondi Malti u fondi Ewropej mill-Gvern? X’sar s’issa fuq dan il-proġġett u kemm intefqu flus s’issa? X’jonqos isir biex jitlesta u meta mistenni li jitlesta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-proġett ġie magħżul għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Lulju 2009.
Il-valur tal-proġett huwa stmat mat-8.1 miljun Ewro. Minn dawn, madwar 1.2 miljun Ewro jew 15% tal-valur tal-proġett huma kommessi f’fondi Maltin u l-bqija, madwar 6.9 miljun Ewro huma kommessi f’fondi Ewropej. Spejjeż neċessarji oħra, bħal ħruġ ta’ permessi, jiġu mħallsa mill-fondi li l-Gvern jipprovdi lill-WasteServ.
Issa li nħareġ il-permess mill-MEPA minkejja l-vot kontra tar-rapreżentant tal-Oppożizzjoni fuq l-istess Bord, nbeda x-xogħol u issa ntefqu € 600,000 f’xogħolijiet ta’ aċċess għall-impjant propost. Inħarġu tenders għat-tindif tas-sit fejn se jsir l-iżvilupp kif ukoll għall-moniteraġġ arkeoloġiku. Il-kuntratti għal dawn ix-xogħolijiet diġà ngħataw, id-disinji tlestew u l-permess tal-iżvilupp ingħata. Sadanittant it-tenders għax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni ta’ l-impjant u s-servizzi ta’ superviżjoni u project management qegħdin fi stat avvanzat ta’ preparazzjoni.
Għaldaqstant, l-impjant huwa stmat li jkun qed jopera lejn it-tielet kwart tas-sena 2012.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Ċifri ta' flus f'konsulenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'ċifra ta' flus f'konsulenza mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu matul din is-sena s'issa? Jista' jipprovdi breakdown lil min tħallsu u kemm hija ċifra ta' flus dovuta sa l-aħħar tas-sena?
Malta Resources Authority — Kuntratti tac-chairmans
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11618 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Malta Resources Authority tiffirmax kuntratti ta' impieg mal-persuna li tokkupa l-kariga ta' Chairman? Jista' jgħid min kienu l-aħħar tliet persuni li okkupaw din il-kariga? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti in kwestjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru liċ-Chairman ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi jiġi appuntant skont Kap 423 tal-Att tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi Parti II Artiklu 3. F’dan il-każ ma jsir l-ebda kuntratt.
L-aħħar tliet persuni li okkupaw il-kariga ta’ Chairman kienu:
o Ing Carmel B Ellul
o Is-Sur Austin J Walker
o Is-Sur Joe N Tabone
Illum din il-kariga hi okkupata minn Dr Reuben Balzan.
Billi ħafna mix-xogħol li kien meħtieġ fuq is-sukkursu tas-Salina, issa fil-fatt tlesta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser isir ukoll it-tindif tas-Salina proprja, li tinstab fl-istess post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-kumplament tal-proġett saret applikazzjoni għall-fondi rurali Ewropej.
Mosta — tneħħija ta' ħġieġ imkisser fi Triq il-Kungress Ewkaristiku
Question
Jista' l-Minsitru jieħu azzjoni sabiex f'showroom fil-Mosta li hi proprjetà privata fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, kantuniera ma' Triq il-Ħarifa li tinsab ħdejn il-pompa tal-petrol, jitneħħa l-ħġieġ imkisser li hemm għaliex qed jinħoloq periklu għall-pubbliku li jkun għaddej minn fuq il-bankina? Din ix-showroom hija proprejtà ta' persuna li m'għadhiex residenti Malta, imma minkejja dan jeħtieġ li tinsab soluzzjoni.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
applikazzjonijiet għas-sussidji fuq is-solar water heaters
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hemm applikazzjonijiet għas-sussidji fuq is-solar water heaters minn individwi li għadhom pendenti biex jiġu proċessati minkejja li diġà ġew approvati?
Jista' jagħti l-għadd xahar b’xahar ta' dawn il-pendenzi minn kemm ilhom li ġew sottomessi?
Jista' jgħid għaliex qed ikun hemm daqstant dewmien fl-ipproċessar mill-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta u meta mistennija jinħarġu dawn is-sussidji? Jikkonferma li l-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta ġieli qalet lil xi applikanti biex jieħdu ftit paċenzja u jistennew ftit ieħor?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill- Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11774 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhuma l-kriterji biex wieħed ikun intitolat għall-għajuna ta' ikel mill-Unjoni Ewropea mill-paroċċi? Jista' jgħid liema huma l-paroċċi li qed iqassmu dan l-ikel? Hemm xi għaqdiet volontarji li qed iqassmu dan l-ikel? X'kienu l-kriterji tas-sena l-oħra?
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Riċevimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur oganizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkazjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-riċevimenti li sar f’dawn l-aħħar ħames xhur huwa skont kif ġej:
Okkażjoni
Mistednin
Spiża
Prime Minister visit at CSD
€729.71
Inauguration of Sant'Anna Sliema
8600
€9,676.89
Summer Bash Children's Party
€226.24
Visit of President at Pitkalija
€557.63
Climate Change Public Consultation
€462.15
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Ħaddiema abbażi ta' kuntratt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' ħaddiema u/jew uffiċjali li fil-preżent jaħdmu abbażi ta’ kuntratt fl-Uffiċċju tal-Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li n-numru ta' ħaddiema u/jew uffiċjali li fil-preżent jaħdmu abbażi ta’ kuntratt fid-Dekasteru tiegħi, hu ta’ 299. Irrid niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li fit-total hemm inkluż l-impjegati kollha tal-WasteServ, ċioe 89, li huma kollha marbutin b’kuntratt peress li din hi kumpanija privata.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — emails
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-time frame li fih għandha tingħata risposta, imqar b'acknowledgement, lill-emails li jintbagħtu lill-uffiċjali fil-Ministeru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'inhi r-raġuni għaliex xi emails iridu jgħaddu ħafna ġranet sabiex tingħatalhom risposta jew acknowledgement?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-policy dwar l-emails hija dik kif annessa maċ-Ċirkulari nru 3/2000 maħruġa mill-uffiċju tal-Prim Ministru. M’hemm l-ebda raġuni għalfejn l-emails m’għandomx jiġu mwieġba f’dan il-perjodu
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11117 u jgħid kemm ingħataw kuntratti lil SLR mill-WasteServ (Malta) Ltd mill-2001 'il quddiem? Kemm kien l-ammont ta’ kull kuntratt u kemm tħallas VAT?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma l-Onor Membru li l-WasteServ(Malta) Ltd ġiet imwaqqfa f’Diċembru 2002. Infurmat li l-kuntratti li ngħataw lill-Kumpanija ingliża SLR Consulting huma skont kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll li l-Kumpannija WasteServ Malta Ltd ittrattat il-fatturi u l-pagamenti lill-
SLR Consulting
taħt in-normi tal-liġi tal-VAT kif applikabbli matul is-snin u cioe billi applikat ir-
Reverse Charge Mechanism
kif permess mill-istess ligi. Għaldaqstant, il-VAT imħallas mill-kumpanija WasteServ Malta Ltd dejjem ġie annullat permezz ta’ dan il-mekkaniżmu.
Bormla — Kulleġġ Santa Margerita Junior Lyceum - area tal-madwar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11169 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10852 li ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex id-dawra madwar id-daħla tal-Kulleġġ Santa Margerita Junior Lyceum, Bormla ma tibqax tegħreq ma' kull ħalba xita u dik l-area tispiċċa periklu kbir għat-tfal u anke għas-sewwieqa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li, peress li jidher li l-problema, kawżata minn għeruq tas-siġar, tirrikjedi intervent pjuttost konsiderevoli, qed tiġi mistħarrġa mill-ADT u għalhekk nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sehem ħadet Malta fil-laqgħa ministerjali dwar l-enerġija alternattiva li organizzat il-Kummissjoni Ewropea nhar id-9 ta’ Ottubru 2009 dwar koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-Mediterran u dawk tal-Golf Għarbi f’dan il-qasam? Jista’ jgħid jekk kenitx rappreżentata fuq livell ministerjali u jekk le, għaliex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li għal-laqgħa msemmija, jien m’attendejtx minħabba impenji oħra iktar urġenti. Però għal-laqgħa attendew is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar ir-Riżorsi u d-Direttur responsabbli mill-Enerġija ta’ l-istess Awtorità flimkien ma’ uffiċjal mir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fi Brussel.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi kundizzjonijiet partikolari għal dak li hu sajd bil-parit fil-bajjiet tagħna? Jekk iva, x'inhuma l-kundizzjonijiet partikolari li hemm għall-bajjiet/partijiet differenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li s-sajd bil-pariti jista' jsir biss, minn dgħajjes tas-sajd professjonali MFA u MFB. Il-pariti ma jistgħux ikunu wżati mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Lulju l-ġewwa minn linja miġbuda bejn żewġ pilastri tal-ġebel (plieri) impoġġija wieħed naħa u l-ieħor oħra fil-bajjiet u daħliet tal-baħar. Il-pariti ma jistgħux jintużaw fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett fl-ebda żmien. Dan huwa skond leġislazzjoni sussidjarja SL 425 – 01 maħruġa fil-25 ta’Mejju 1934.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — family friendly measures
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'family friendly measures qed jitħadmu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid hemmx faċilità ta' childcare fl-istess dipartimenti għat-tfal tal-ħaddiema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li fil-Ministeru jitħaddmu diversi family-friendly measures fosthom il-maternity, parental u responsibility leave kif ukoll ir-reduced hours, il-flexi hours u t-teleworking. Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 10780 li turi n-numru ta’ impjegati li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.
Barra minnhekk, il-ħaddiema jiġu mħeġġa biex jattendu korsijiet (
work-life balance training sessions
) imnedija apposta biex jinkoraġġixxu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja. Din is-sena, għall-ewwel darba, ser jittella’
Induction Course
li għalih ser jiġu mistiedna wkoll dawk il-ħaddiema li matul is-sena rritornaw fuq il-post tax-xogħol wara perjodu ta’
parental
jew
responsibility leave
.
S’issa fil-Ministeru għad m’hemmx faċilità ta’
childcare
.
stazzjon għat-trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett ta’ l-istazzjon għat-trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex? Meta beda x-xogħol fuq dan il-proġett? X’sar s’issa? X’jonqos isir? Jista’ jagħti t-time frames għat-tlestija tax-xogħol li għadu jrid isir? Kemm hu l-valur sħiħ ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, taħt liema perjodu ta’ programmazzjoni u kemm huma l-fondi Ewropej allokati għalih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-studji fuq il-proġett ta’ l-Istazzjon għat-Trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex bdew fl-2006 u l-ewwel disinji tal-kunċett ta’ l-impjant ingħataw lill-MEPA f’Diċembru 2006. Il-permess ta’ l-iżvillup ta’ dan l-impjant, li se jkun biswit is-sit għall-iskart goff (C.A.S) tax-Xewkija, ngħata fit-12 ta’ Awissu 2009.
Dan il-proġett, li hu stmat mat-8.1 miljun Ewro ġie aċċettat għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea mill-Programm Operattiv I - Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 bir-rata massima ta’ 85% fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Kif l-ewwel parti tal-pjan tal-immaniġġar tal-kostruzzjoni jiġi approvat mill-MEPA, xogħlijiet bħal tindif tal-wiċċ tal-blat taħt skrutinju arkeoloġiku jkunu jistgħu jibdew. Tajjeb infakkar li r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA vvota kontra dan il-proġett. Il-kuntratti għal dawn ix-xogħlijiet diġà ngħataw. Sadanittant it-
tenders
għax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni ta’ l-impjant u s-servizzi ta’ superviżjoni u
project management
qegħdin fi stat avvanzat ta’preparazzjoni.
Għaldaqstant, l-impjant huwa stmat li jkun qed jopera lejn l-aħħar tas-sena 2012.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet l-qatla tal-majjal u ċanga fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kif titqabbel din il-qatla mal-qatla tal-2008, 2007 u 2006 rispettivament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-qatla (rjus) tal-majjal u ċ-ċanga fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, imqabblin ma’ l-2008, 2007 u 2006 huma skont kif ġej:
2006
2007
2008
2009
Majjal
74,660
66,936
73,905
66,357
Ċanga
3,685
3,461
3,917
4,413
Jista' l-Ministru jgħid x'sistema ta' moniteraġġ beħsiebu jaddotta l-Gvern biex ikun jaf kemm issarrfu vouchers tal-bozoz b'xejn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru lis-sistema hija waħda sempliċi, billi jinqara l-barcode li hemm fuq kull voucher hekk kif il-vouchers ikunu ppreżentati lill-MRA.