Programmi/faċilitajiet — Każijiet ta tfal - very challenging behaviour
Question
Jista' l-Ministru jelenka l-programmi/faċilitajiet li jitrattaw każijiet ta' tfal li jkollhom very challenging behaviour? Kemm hemm persuni involuti f'kull programm/faċilità u x'inhu l-budget allokat?
Kummissjoni Nazzjonali għall-Familja — Programm ta' studju dwar il-familja
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proposta li tingħata Lm40,000 lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Familja biex jidħlu f'diskussjonijiet ma' l-Università ta' Malta dwar programm ta' studju dwar il-familja?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Kummissjoni tal-Familja spiċċat t-terminu tagħha fl-aħħar ta’ Mejju 2008 u bħalissa mhix imwaqqfa. Sa dak iż-żmien il-Kummissjoni ma kinitx irċeviet direzzjoni dwar dak li qed issaqsi l-Onor. Interpellant.
Tfal li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta' diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta' diżabilità?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tispeċifika jekk hijiex tirreferi għad-disability child allowance li tingħata lit-tfal b’diżabilta’ jew għal pensjoni tad-diżabilta li titħallas dwar tfal li għalqu 16 il-sena fil-kas ta’ diżabilita mentali jew fiżika severa u ta’ 14 il-sena lil dawk li jbatu minn nuqqas ta’ vista.
Kriterji biex ingħażlet persuna għall-konferenza fl-Iskozja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġitx xi sejħa biex nurses jattendu konferenza dwar id-Dimentia li saret fl-Iskozja fl-ewwel gimgħa ta' Settembru? F'każ li ma nħarġitx sejħa, x'kienu il-kriterji li ntużaw biex tintagħżel l-persuna li marret l-Iskozja? Min intagħżel u xi kwalifiki għandu u kemm kienet l-ispiża globali?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jara li ċ-ċnus ta' propjetà privata mikrija lill-inkwilini f'isem il-Gvern li ilhom ma jiġu riveduti għal għexieren ta' snin, sa fl-aħħar jiġu riveduti b'mod xieraq kif inhu mistħoqq mis-sidien?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Intepellant li jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-għajnuna li l-famijla bħala entità tingħata mingħand il-Gvern u dan fis-snin 2005, 2006, 2007 u 2008?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li familja u l-membri komposti minnha jistgħu jgawdu minn diversi benefiċċji / għajnuniet taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Biex wieħed jikkwalifika għal dawn l-Għajnuniet hemm diversi kriterji li wieħed irid jissodisfa. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru biex jgħati aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jikkwalifikaw għal sussidju jew eżenzjoni mis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-2006 sal-lum sena b'sena? X'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġi deċiż jekk persuna tikkwalifikax għal tali sussidju?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Benefiċċju għal-Enerġija daħal fis-seħħ b’effett minn Jannar 2007. Għaldqstant matul is-sena 2007 kien hemm 29,569 benefiċċjarji waqt li fl-2008 kien hemm 27,918 benefiċċjarji.
Informat ukoll li biex persuna tkun intitolata għal dan il-benefiċċju trid tissodisfa wieħed mill-kriterji li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Parental Leave - Irġiel
Question
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 2748 u jgħid kemm kien hemm irġiel li jaħdmu fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fuq parental leave fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Kemm hemm irġiel fuq parental leave din is-sena? Jista' jgħid f'kull każ kemm damu bil-parental leave?
Jidhirlu l-Ministru li huwa abbuż mis-sistema tas-saħħa li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jagħtu somma flus lill-klijenti tagħhom ta' kull jum li joqogħdu in patients fl-isptar governattiv biex dan ma jmurx fi sptarijiet privati? Meta ġew iffissati l-aħħar rati ta' ħlas għal servizzi fl-isptar Mater Dei għat-turisti u n-nies li jħallsu?
Response (DALLI, JOHN)
Dwar l-ewwel parti tad-domanda nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 2554.
Ninsab informat li l-aħħar rati ta’ ħlas għal servizzi relatati mal-servizzi tas-saħħa ġew iffissati b’Avviż Legali Nru 201 ta’ l-2004 bit-titolu “Regolamenti ta’ l-2004 dwar Drittijiet għal Kura tas-Saħħa”. Dawn ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bint kerrej li ilha għal dawn l-aħħar sentejn toqgħod ma missiera peress li l-ġenituri huma legalment separati, wara li l-kerrej jiġi nieqes, il-kera ddur fuqha u tiġi rikonoxxuta bħala l-inkwinlin bil-probabbilita' li tiġi riveduta l-kera meta l-post jinqaleb għal fuq isimha?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal post proprjeta’ tal-Awtorita’ tad-Djar nitolbu jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ biex tingħata l-għajnuna u l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li romlot ftit tax-xhur ilu, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma rċevitx l-kera tal-garage, jista' jara li jitmexxa l-każ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika lil liema Dipartiment jew enitita li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi hu mikri l-garage tal-persuna ndikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża ta' manutenżjoni tal-isptar Mater Dei bejn Jannar 2008 u Settembru tal-istess sena? Jista jgħid jekk din l-manutenzjoni hijiex ssir minn ħaddiema mpjegati mal-Gvern jew hijiex issir minn xi kuntrattur privat? Jew qed issir mit-tnejn?
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed iħallas id-dipartement tas-saħħa lill-caterer li qed jipprovdi l-ikel lill-istaff li jaħdem l-isptar Mater Dei kuljum ta' kull ħaddiem? JIsta' jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jagħti l-għażla lill-ħaddiema li jieħdu din l-allowancebħala flus mal-paga u jitilfu d-dritt li jieklu b'xejn minn dan l-istess canteen?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li bħalissa mhux qiegħed isir ħlas lill-caterer li jipprovdi ikel lill-istaff li jaħdem l-iSptar Mater Dei. Minflok qegħda tingħata allowance lil dawk l-impjegati li huma intitolati għall-ikel. Il-prezzijiet applikabbli skond il-kuntratt li d-Dipartment għandu mal-caterer sal-4 ta’ Settembru 2008 huma:
· Breakfast
€ 0.81
· Lunch (sa l-ewwel 220 ikla f’ġurnata)
€ 2.10
· Lunch (minn 220 ikla ‘l fuq)
€ 4.19
· Afternoon tea
€ 0.58
· Dinner
€ 2.10
· Sandwiches
€ 0.47
L-
allowance
bdiet titħallas lill-impjegati mill-5 ta’ Settembru 2008. Ir-rati ġew iffissati bi qbil mat-Trade Unions rispettivi kif jidher hawn taħt:
· Nursing staff
€ 2.80
· Tobba tal-MAM li jahdmu 24 siegha jew aktar
€ 6.99
Il-Gvern għad irid jiltaqa' mal-partijiet involuti sabiex jirrevedi l-'allowance' li dawn jieħdu.
Jista' l-Ministru jgħid l-età ta' l-anzjani li għadna fil-homes tagħna? Kemm minnhom huma bed ridden u kemm le? Isir assessment dwar is-saħħa fiżika ta' kull anzjan/a u xi jsir b'dawn ir-riżultati?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-eta' ta' l-anzjani li qegħdin fil-homes tagħna bħalissa tvarja bejn is-sittin (60) u mija u wieħed (101). Minn total ta' seba' mija u erba' erbgħin (744) anzjan, sittin (60) huma dipendenti u sitt mija erbgħa u tmenin (684) m'humiex. Qabel ma l-anzjan jidħol fil-home isir assessment mediku kif ukoll soċjali. Ir-riżultat ta' dawn l-assessments jinżammu fil-personal file u l-medical file rispettivament.
Informat ukoll li l-assessment ta' kull resident isir mill-Assessment Rehabilitation Team (ART) fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita. Dan it-Team huwa mmexxi minn tabib mediku speċjalizzat fil-Ġerjatrija. Filwaqt li f'kas ta' emerġenza jiġi msejjeaħ tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-lokalita', kull anzjan huwa fil-liberta' li jsejjaħ it-tabib tal-familja tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid minn huma l-membri tal-Kummissjoni Nazzjonali Familja? X'inhu r-rwol tagħha? Jista' jgħid jekk fil-qosor tagħha hemmx:
1) li ssir riċerka fuq is-sitwazzjoni tal-familja Maltija llum?
2) jekk hux ser tistudja x'inhu jikkawża s-separazzjonijiet fil-familji tagħna?
3) jekk hux ser tistudja x'inhuma l-effetti tad-divorzju f'xi pajjiżi fejn daħal?
Ministeru għall-Politika Soċjali — Chairpersons u diretturi maħtura
Question
Jista' l-Minstru jgħid min huma ċ-chairpersons u diretturi ta' kull kumpannija u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li nħatru wara l-10 ta' Marzu 2008? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Jannar 2007 sa l-aħħar ta' Awwissu ta' din is-sena, kemm ħaddiema Għawdxin bdew jaħdmu għall-ewwel darba jew reġgħu bdew jaħdmu wara li kienu sfaw bla xogħol? Jista' jgħid fejn bdew jaħdmu/ reġgħu bdew jaħdmu, f'Malta jew f'Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2574 u jgħid għaliex ngħalqet il-berġa fi Triq Zekka, l-Belt? Irrealizza d-dipartiment li l-użu tal-Berġa l-oħra fil-Camarata hi wisq inkonvenjenti għall-anzjani li joqgħodu n-naħa ta' fuq tal-Belt?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoili Interpellant li l-berġa ta’ Triq Zekka kellha tingħalaq minħabba l-ħtieġa li l-bini jiġi okkupat mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment. Wara li saret analiżi mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, irriżulta li n-numru ta’ pazjenti li kienu jużaw din il-berġa kien ferm inqas minn dawk li jużaw il-berġa ġewwa l-Evans Building fi Triq il-Merkanti. Barra minn hekk jeżisti mezz ta’ trasport pubbliku specifiku għall-Belt Valletta li jiffacilita il-moviment ta’ persuni bi bżonnijiet specjali.
Ministeru għall-Politika Soċjali — ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l- Minstru jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.