Legislature:
Category:
Reset
Active:

Waiting lists għal knee u hip replacements

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-pazjenti li kienu fuq il-waiting lists għal knee u hip replacements sal-31 ta' Diċembru, 2009 ġew operati fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra

Sptar Mater Dei — average percentage bed occupancy

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-average percentage bed occupancy mill-każijiet tal-mediċina fl-Isptar Mater Dei għax-xahar ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2010? Kemm minn dawn il-każijiet ddaħħlu b'mard respiratorju? Kemm minnhom kienu residenti tas-South ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — VolServ

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk il-VolServ jew xi membri tagħha kellhomx jew għandhomx xi permess biex ibiegħu il-giftware bħalma wħud mill-membri ta' din l-organizazzjoni kienu qed jagħmlu il-ġimgħa 5 ta' Mejju fil-foyer tal-Outpatient Block tal-Isptar Mater Dei għall-ħabta tal-11.00a.m.?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra

Ċimiterju tal-Addolorata — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid inġibditx l-attenzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa li fiż-żona fejn kienet koperta b'applikazzjoni outline għall-estensjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata (liema applikazzjoni kienet ġiet sottomessa xi xhur ilu) hemm bdiewa li jgħixu minn fuq ir-raba' u l-istess raba', skont il-pjan lokali u l-pjan ta' struttura, jgawdu minn diversi policies ta' protezzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni li għaliha qed jirreferi fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu hija biss applikazzjoni preliminary li tipproġetta bini ta’ disa’ t’elef qabar. Il-pjanijiet dwar l-estensjoni tal-Addolorata fil-preżent qed jiġu evalwati u fl-ewwel stadju mhux maħsub li r-raba imsemmija se tkun involuta.

Ċimiterju tal-Mosta — tkabbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-gvern għandux pjanijiet rigward it-tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Mosta? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-pjanijiet ta' estensjoni u jekk jeżistux xi skemi ta' bejgħ ta' oqbra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa m’hemm l-ebda ħsieb li ċ-Ċimiterju tal-Mosta jiġi estiż. Bħalissa qed isir studju fiċ-ċimiterji kollha ta’ Malta sabiex jiġu esplorati kull possibiltà ta’ estensjoni.

Mediċina Normacol Plus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-Ministeru jara li ċertu mediċina bl-isem Normacol Plus tibqa' tkun offruta għal bejgħ minn spiżeriji b'mod kummerċjali peress li jidher li din il-mediċina m'għadhiex tiġi offruta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-prodott Normacol Plus ma jinstabx għall-bejgħ f’Malta għaliex il-manifattur ma applikax għall-awtorizzazzjoni biex jitpoġġa fuq is-suq.

dimentia

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17452 u jgħid kemm-il resident fir-Residenza San Vinċenz de Paule hu diagnosed b'dimentia? Kemm minnhom qed jingħataw kura medika għal din il-kundizzjoni? Tlestew rakkmandazzjonijiet ta' policy dwar din il-kundizzjoni? Jekk minħabba nuqqas ta' finanzi qed ikollhom jiirrinunzjaw għal din il-kura, hemm il-ħsieb li d-dimentia tiġi inkluża fl-Iskeda V? Jaf il-Ministru li l-gvern ta' Malta, il-Bulgarija u l-Latvja biss fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ma jiffinanzjawx din il-kura?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule hemm 376 persuna li jbatu mid-dimenzja - 302 mara u 74 raġel. Minn dawn hemm 24 mara u 8 irġiel li qegħdin jingħataw kura medika għal din il-kundizzjoni. Biex tingħata l-aħjar kura bnew żewġ swali bil-faċilitijiet kollha neċessarji għal min għandu dimenzja. 130 membru tal-istaff ingħataw taħriġ fuq id-dimenżja li kien ko-finanzjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropeja li mbagħad ħarrġu l-impjegti li qed jaħdmu f’dawn is-swali. Il-pazjenti qed jibbenifikaw billi qed jitqassmu fi gruppi zgħar biex jagħmlu l-crafts fost kura oħra Sadattant b’kollaborazzjoni mal-Malta Dementia Society ġiet imnedija helpline għal-membri tal-pubbliku li jkunu jieħdu ħsieb persuni bid-dimenzja. Il- policies preżenti fejn tidħol il-kura għal persuni li jbatu mid-dimenzja hija skont kif stipulata minn diversi entitajiet barranin li għandhom esperjanza twila fuq riċerka u l-kura għal din il-kundizzjoni. F’Mejju 2009 is-Segretarju Parlamentari waqqaf kumitat biex iħejji Strateġija Nazzjonali dwar id-Dimenzja. L-Istrateġija Nazzjonali fuq d-Dimenzja għadha fi stadju bikri u għalhekk ma tistax tingħata informazzjoni f’dan l-istadju. Id-dimenzja mhijiex waħda mill-mardiet inklużi fi Skeda V tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Għaldaqstant bħalissa mediċini speċifiċi għad-dimenzja mhumiex fil-formularju tal-mediċini b’xejn li joffri l-Gvern. Bħalissa qegħda tigi riveduta l-iskema tal-Iskeda V.

Trasport għall-pazjenti għall-visti fl-isptar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-lokalitajiet li fihom jingħata servizz ta' trasport mill-gvern għall-pazjenti li jkunu se jmorru għall-visti fl-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li s-servizz ta’ trasport li toffri d-Diviżjoni tas-Saħħa għall-pazjenti li jkunu se jmorru l-isptar ikopri il-lokalitajiet kollha ta’ Malta. Filfatt, id-Diviżjoni tas-Saħħa għandha 6 rotot. Ma' kull rotta hemm Tail Lift Van u f'każ li l-pazjent ma jkunx jista’ jitwassal b’Tail Lift Van, id-Diviżjoni tas-Saħħa toffri servizz ta’ ambulanza.

każijiet ta' xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' xorb eċċessiv li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) fl-ewwel erba’xhur ta’ din is-sena kien hemm 63 każ li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei minħabba f’xorb eċċessiv. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: · Kategorija A : Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ withdrawal minħabba li min jkun dipendenti fuq l-alkoħol ikun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2 , F10.3, F10.1 u F10.9) · Kategorija B : Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) · Kategorija Ċ : Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija jidhru hawn taħt: Kategorija A Kategorija B Kategorija Ċ 10 44 9 Dawn il-figuri ma jinkludux pazjenti li jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emerġenza iżda ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. Dawn il-figuri huma provviżorji.

każijiet ta' AIDS/HIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' AIDS/HIV li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS) fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena idaħħlet persuna waħda fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ AIDS (ICD-10 codes: B20-B24). Matul l-istess perjodu ma jirriżultax li kien hemm irreġistrati persuni li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ HIV (ICD-10 codes: R75 u Z21). Iżda ta’ min jinnota li seta’ kien hemm persuni li huma HIV+ u li ddaħħlu l-isptar għal xi kundizzjoni oħra u għalhekk fid- discharge diagnosis ma jkunx imniżżel li huma HIV+.

complement tan-nurses fl-isptarijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu bħalissa l-complement ta' nurses li hemm impjegati fl-isptarijiet differenti tal-Gvern? Kemm hu maħsub li huma meħtieġa nurses oħra biex ma jkunx hemm nurses neqsin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pilloli Amodarone u Zocor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li minn din il-ġimgħa l-pilloli Amodarone (200mg) u Zocor reġgħu ma nstabux la fl-ispiżeriji tal-għażla tiegħek għax ma ngħatawx lill-pazjenti u anqas fil-kliniċi tal-gvern? Għaliex fl-Isptar Mater Dei kien hemm biss kwantità żgħira u bosta anzjani ma setgħux joqgħodu fil-kju għal siegħat sħaħ? Għaliex il-pilloli tal-qalb Amodarone speċjalment iż-Zocor għall-cholesterol ikunu skarsi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Dwar il-pilloli Amiodarone, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16791. Ninsab infurmat li l-proċess tal-kuntratt għax-xiri tal-pilloli simvastatin (Zocor ®) 20mgs, bħalissa jinsab quddiem il-Bord tal-Appell tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Sadanittant id-Dipartiment tal-Procurements ħareġ sejħa ghax-xiri ta’ ammont limitat ta’ dawn il-pilloli. Anke wara din is-sejħa il-kuntrattur magħzul ma onorax iż-żmien li fih kellha titwassal din il-konsenja. Għalhekk għaddejin proċeduri biex jinxtara stokk mill-aktar fis possibli a spejjeż ta’ dan il-kuntrattur.

Kjuwijiet fl-Isptar Mater Dei

Question

Jaf il-Ministru li għadu ma sar xejn biex jittaffew il-kjuwijiet kbar li ta’ kuljum jinġabru fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei? Jaf li nhar is-Sibt kostitwenti tiegħi kellhom jistennew aktar minn sagħtejn bil-wieqfa għax kien hemm aktar minn 150 fil-kju f’ħin wieħed u dan barra dawk li kienu qed jinqdew ġewwa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li nhar is-Sibt 15 ta’ Mejju 2010 kien hemm 250 pazjent li nqdew mill-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei. Il-ħinijiet tal-ftuħ nhar ta’ Sibt huma mit-8.00 a.m. sa nofs in-nhar iżda pazjenti li jkunu fil-waiting area qabel nofs in-nhar jinqdew xorta waħda. Il- waiting area tal-ispiżerija tipprovdi faċilitajiet sabiex il-pazjenti li jkunu fil-kju jkunu jistgħu joqghodu bil-qiegħda. B’kollox hemm 42 siġġu. L-ispiżerija għandha wkoll sistema ta’ multiple queuing li tikkategoriżża l-pazjenti skont il-bżonnijiet tagħhom. Dan sabiex taqta’ dewmien żejjed kemm jista’ jkun. Biex jiġi evitat li ma jkunx hemm pazjenti jistennew barra fil-kju, ġie ntrodott servizz tal-Customer Care fl-ispiżerija. Dan is-servizz qed jingħata mill-Uffiċċju tal-Customer Care tal-Isptar Mater Dei mit-Tnejn sas-Sibt. L-uffiċċjali tal-Customer Care fl-ispiżerija jassiguraw li s-siġġijiet fil- waiting area jkunu okkupati il-ħin kollu. Dawn l-uffiċjali jiċċekkjaw ukoll jekk il-mediċini li jkollhom bżonn il-pazjenti humiex disponibbli biex f’każ li ma jkunux disponibbli, dawn il-pazjenti ma joqogħdux jistennew għalxejn. Fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei jattendu numru ta’ pazjenti li jkollhom bżonn mediċina waħda li għal xi raġuni ma tkunx disponibbli mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jew mill-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa. Fil-parti l-kbira tagħhom dawn il-pazjenti jmorru direttament fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei minkejja li jkunu avżati biex iċemplu qabel ma jmorru biex jinqdew.

Sptar Mater Dei — Statistika ta' kemm ġie jiswa l-bini ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14188, 12225 u 10507 u jagħti statistika finali ta' kemm ġie jiswa finalment l-bini tal-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk dawn l-ispejjeż humiex kollha imħallsin jew jekk inkella għadx fadal dejn x'jiġi imħallas? Kemm kienet oriġinarjament l-ispiża u jekk sarx studju li identifika fejn kellhom jitħallsu iktar flus għal dak li kien proġettat li ghandu jsir b'irħas? Għaliex kien hemm differenza bejn dak li kien maħsub li se jsir u fil-fatt dak li kien sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

servizz tad-dentisti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk is-servizz tad-dentisti huwiex se jitħeħħa mill-bereġ u jibda jingħata minn ċentru wieħed biss? Jista' jispjega r-razzjonal wara dan kollu? Jaħseb li permezz ta' hekk is-servizz tad-dentistrija se jsir iktar effiċċjenti jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizzi tad-dentistrija fid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja qatt ma kienu jingħataw mill-bereġ imma miċ-Ċentri tas-Saħħa. Sabiex jintlaħqu l-istandards stipulati minn direttivi tal-Unjoni Ewropeja, jeħtieġ li jsir titjib fl-apparat li jintuża biex jiġi provdut dan is-servizz mid-dipartiment tas-Saħħa Primarja. Għalhekk sakemm isir it-tibdil indikat fiċ-Ċentri tas-Saħħa, is-servizz tad-dentistrija qiegħed jingħata temporanjament mill-Isptar Mater Dei. Din mhix kwistjoni ta’ effiċjenza, imma pass meħtieġ sabiex is-servizz tad-dentistrija jingħata skont l-istandards spipulati fid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja.

servizzi fil-bereġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jingħataw servizzi fil-bereġ/polikliniċi, kemm jattendu nies għal kull servizz u f'liema berġa/poliklinika jingħataw dawn is-servizzi? Jista' jagħti l-lista ta' servizzi ġodda li beħsiebu jdaħħal f'kull berġa/poliklinika fil-perjodu ta' Jannar u Diċembru 2010? Jista' jsemmi jekk għandux f'moħħu li jneħħi xi servizz ieħor mill-bereġ u jagħtih f'xi post ieħor bħalma ġara fil-każ tad-dentistrija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — safar uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi dettal dwar safar li sar matul is-sena 2009 minn uffiċjali ta’ l-Awtorita’ tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.

każijiet ta' avvelenament fl-ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' avvelenament fl-ikel li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat skond tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary (ECS), fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena kien hemm 8 każi ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ velenu fl-ikel (food poisoning). Din l-informazzjoni hija provviżorja. Fit-terminu food poisonin g huma inklużi wkoll infezzjonijiet tas-sistema gastroenteroloġika kawżati minn viruses li jistgħu ikunu trażmessi mill-ikel (ICD-10 codes: A00-A09 u T61-T62).

każijiet ta' overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' overdose li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis u l-Electronic Case Summary fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena kien hemm 80 każ ta’ overdose li ddaħħlu bħala pazjenti fl-Isptar Mater Dei. NOTA : It-terminu overdose jinkludi dawn it-tliet kategoriji: · Kategorija A : Avvelenament inċidentali kkawżat minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi (ICD-10 codes X40 - X44) · Kategorija B : Attentat ta’ suwiċidju ikkawżat minn avvelenament b’sustanzi solidi jew likwidi (ICD-10 codes X60-X64) · Kategorija C : Avvelenament minn drogi, mediċinali jew sustanzi bijoloġiċi, fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat (ICD-10 codes Y10 - Y14) In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija huwa kif jidher hawn taħt: · Kategorija A: Kien hemm 14-il pazjent reġistrati li ddaħħlu kawża ta’ avvelenamemt inċidentali.. · Kategorija B: Kien hemm 25 pazjent reġistrati f’din il-kategorija. · Kategorija C: Kien hemm 41 pazjent li ddaħħlu l-isptar kawża ta’ avvelenament fejn mhux magħruf jekk kienx inċidentali jew premeditat. Dawn il-figuri ma jinkludux pazjenti li jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emerġenza iżda ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. Il-figura ikkwotati huma provviżorji.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — segretarjat privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tiegħu? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.