Dħul f'nursery/kindergarten barra l-lokal fejn toqgħod
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġenituri li jaħdmu u jkunu jixtiequ lil uliedhom jidħlu f’xi nursery jew kindergarten tal-gvern ikunu jridu jissottomettu returns tad-dħul tagħhom, qabel l-applikazzjoni ta’ uliedhom tista' tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet tal-iskola u jekk iva, għaliex? Dan japplika f’kull każ jew biss f’każijiet fejn il-ġenituri jixtiequhom imorru f’lokal differenti minn fejn ikunu qed joqgħodu, l-aktar sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsiebhom in-nanniet jew inkella xi qraba tagħhom? Billi ġejt infurmat li ġenituri għandhom dritt li jdaħħlu t-tfal tagħhom fi kwanlunkwe skola jew nursery/kinder tal-għażla tagħhom fi kwalunkwe belt u raħal (ħlief li jiġu pprovduti bi trasport b’xejn kemm-il darba jagħżlu lokalità differenti minn fejn jkunu qed joqgħodu) x’inhi r-raġuni li f’ċerti skejjel ġieli jsibu diffikultà biex jaghmlu dan?
Tista' tikkonferma jekk huwiex aċċettabbli li meta xi ġenituri jippruvaw japplikaw biex binthom tidħol fl-iskola kindergarden tal-Imsida jkun hemm xi ħadd mill-awtoritajiet li juża dan il-kliem magħhom: ‘M'għandniex post għal tfal barra mil-lokal u jekk ikollna ‘klandestin’ huwa jieħu preferenza’ minħabba li nemmen li l-kliem allegatament użat mhuwiex aċċettabbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Tfal minn lokalita’ fejn ikun hemm l-iskola primarja jew sekondarja jinkitbu direttament fl-iskola tal-lokal. Tfal li jkunu ġejjin minn lokalitajiet differenti minn fejn hemm l-iskola, jkunu jridu japplikaw fl-uffiċċju tal-prinċipal. Dan isir madwar Malta kollha u jsir bħala prevenzjoni biex ma jkollniex skejjel b’aktar tfal milli tiflaħ l-iskola, jew b’sitwazzjoni fejn tfal mill-lokal ma jsibux post għax l-iskola ma tkunx tesa’ aktar tfal. Għalhekk, għall-fini ta’ amministrazzjoni, l-ewwel li jiddaħħlu fl-iskejjel huma t-tfal mill-istess lokal. Wara, jekk ikun hemm spazju biżżejjed, l-applikazzjonijiet ikunu kkunsidrati skont kriterji ċari, inkluż jekk il-ġenituri/gwardjani jkunux jaħdmu (għalhekk it-talba għall-payslip jew ETC Employment History Sheet) u l-indirizz postali tan-nanniet tat-tfal, aħwa li jkunu diġa’ fl-iskola, jekk ikunux ġejjin minn djar tat-tfal fil-lokalita’/lokalitajiet, tfal ta’ impjegati fl-iskola, eċċ.
Le, mhux aċċettabli li jintuża kliem bħal dak ikkwotat mill-Onorevoli Interpellant madankollu l-iskola msemmija tiċħad kategorikament l-allegazzjoni li saret fil-mistoqsija parlamentari.
Qegħda npoġġi fuq il-mejda kopja tal-applikazzjoni għal transfer jew reġistrazzjoni tal-istudenti.
Għajnuna soċjali — energy allowance u energy vouchers
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni li jgħixu bl-għajnuna soċjali (esklużi pensjonanti) u jgħixu f'dar bil-kera humiex se jkollhom dritt għall-energy allowance jew energy voucher?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dawk il-persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali u jgħixu f’dar bil-kera għandhom dritt għall-Benefiċċju għall-Enerġija li jitħallas permezz ta’ voucher.
Tista' l-Ministru tikkonferma li s-segretarju tal-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol ilu xahar li spiċċa biż-żmien u s'issa għadu ma nħatar ħadd minfloku? Tista' tgħid kemm-il darba iltaqa' l-bord tal-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol fl-aħħar 12-il xahar u meta saret l-aħħar laqgħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed isiru arrangamenti sabiex il-post ta’ Segretarju tal-Awtorità tax-Xogħol, li ilu vakanti mill-1 ta’ Mejju, jimtela' mill-iktar fis. Fil-fatt ġiet identifikata persuna li mistennija tinħatar fil-jiem li ġejjin.
Il-bord tal-awtorità ltaqa’ 41 darba f’dawn l-aħħar tnax-il xahar u l-aħħar laqgħa saret fl-20 t’April. Ta’ min jinnota li l-bord ma kienx iltaqa’ bejn is-26 t’Awwissu u d-19 t’Ottubru 2009 peress li kienu għadhom ma ġewx maħturin chairman u deputy chairman.
Tista’ l-Ministru tgħid meta matul is-sena 2010 s’issa l-Kummissjoni Ewropea ordnat li jsir awditjar tal-EUPA, l-aġenzija nazzjonali li tieħu ħsieb il-programmi edukattivi u taż-żagħżagħ tal-Unjoni Ewropea f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-sena 2010 l-Kummissjoni Ewropea talbet ‘Declaration of Assurance’ għas-sena 2009 li skont ir-regolamenti u kif isir kull sena il-bażi ta' din l-assigurazzjoni ikun jinkludi l-awditjar tal-EUPA minn awdituri indipendenti mqabbdin mill-Awtorità Nazzjonali.
programmi edukattivi u taż-żgħażagħ f’Malta — sospiżi
Question
Tista’ l-Minsitru tgħid x’passi ttieħdu fl-EUPA mill-10 ta’ Mejju 2010 sal-lum minn meta d-Direttur Helene Clark kitbet lid-diretturi kollha tal-agenziji nazzjonali tas-27 stat fl-Unjoni Ewropea biex tinfurmahom li ġew sospiżi l-programmi edukattivi u taż-żgħażagħ f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-European Union Programmes Agency (EUPA), koordinati mill-istess Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Impjieg u l-Familja, għamlet eżerċizzju ta’ verifika fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess Kummissjoni, u fuq ir-rakkommandazzjonijiet tar-rapport minn awdituri indipendenti.
Qegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-azzjoni li ittieħdet s`issa.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-iskejjel lokali mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ikkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Comenius f`Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuni milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Comenius huma 111-il persuna u żewġ proġetti ta’ żewġ kulleġġi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-Università ta’ Malta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Erasmus f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuni fl-Universita` ta’ Malta milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Erasmus f’Malta huma 288 student u 56 għalliem.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-MCAST u fl-ITS mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Leonardo da Vinci f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru tal-persuni milquta huwa kif ġej :
Istituzzjoni Numru ta’ Persuni Milquta
Malta College for Arts, Science and Technology 93
Istitut għall-Istudji Turistiċi 16
Tista' l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar erba' snin kemm għamel xogħol ta' konsulenza, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-Ministeru tiegħu u/jew xi entità li taqa' taħtha? X'kien dan ix-xogħol ta' konsulenza u kemm tħallas hu jew id-ditta tiegħu ta' konsulenza għal dan ix-xogħol? Jekk kien, fuq liema bordijiet ta' aġġudikazzjoni serva flimkien ma' bordijiet u ad hoc committees oħrajn tul dan l-istess perjodu ta' żmien u kemm tħallas ta' dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Birżebbugia Pitch tal-waterpolo u pitch tal-football
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-pitch tal-waterpolo f'Birżebbuġia? X'inhu maħsub li jsir fl-istess lokalità peress li f'din il-lokalità hija nieqsa minn pitch tal-football? Se jsir pitch tal-football? Jekk iva, fiex waslu x-xogħlijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport m’għandu l-ebda xogħlijiet pendenti fir-rigward tal-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa.
Dwar l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-art f’
pitch
tal-
football
, li saret minn
Birżebbuġa Sports Foundation
ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess Fondazzjoni qed tistenna l-proċess tal-
outline application
għand il-MEPA. Meta dan il-proċess jiġi konkluż ikun jista’ jitkompla l-proċess biex l-art tkun trasferita lill-fondazzjoni biex eventwalment ladarba jinħarġu l-permessi kollha jkun jista’ jsir ix-xogħol.
Stella Maris College — ħinijiiet x'ħin tibda u tispiċċa l-iskola - karozzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta l-awtoritajiet se jieħdu l-passi neċessarji biex waqt il-ħin ta' meta tispiċċa u meta tibda l-iskola li tinsab f'St. Albert Str., Gżira, ċioe Stella Maris College ma jitilgħux karozzi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — head office
Question
Tista' l-Ministru tgħid fejn qed jintuża bħala head office ta' kull korporazzjoni u awtorità li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Kif ġie akkwistat il-post u x'jitħallas għall-użu tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
persuni li qed iservu ta' konsulenti fil-Ministeru
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16840, tista' l-Ministru tgħid minn kemm ilhom maħtura l-persuni msemmija u tista' tagħti rendikont dettaljat tal-ħidma tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Anthony Formosa ilu fil-kariga sa minn Ottubru 2008 filwaqt li Philip Psaila ilu minn Marzu li għadda. Il-ħidma tagħhom fost oħrajn tinkludi;
Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-Isport 2007-2010.
Monitoroġġ tal-implimentazzjoni tal-obbligi imposti mill-Att dwar l-iSport.
L-identifikazzjoni u suġġerimenti għall-implimentazjzon ta’ prattiċi tajba fl-isport.
Monitoraġġ tal-implimentazjoni tal-wegħdi elettorali tal-Gvern fil-qasam tal-isport.
Pariri dwar il-bini ta’ faċiliatjiet sportivi ġodda u paragun ta’ dawn il-faċilitatjiet ma’ faċilitajiet simili f’pajjiżi barranin.
Pariri u suġġerimenti relatati ma' inizjattivi fil-qasam sportiv.
Materji oħra relatati mal-qasam sportiv.
xogħol ta' refurbishing u upgrading Fuq Verdala f'Bormla
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta mistenni jibda ix-xogħol ta' refurbishment/upgrading fil-binja tal-Gvern Fuq Verdala, Bormla? X'jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-disinn qed jiġi preparat u x-xogħlijiet huma maħsuba li jibdew bejn Settembru u Ottubru 2010, dejjem jekk ma jkunx hemm dewmien fuq il-permess.
Il-proġett jinvolvi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fil-partijiet komuni li jinkludu kuriduri, turġien, il-faċċata, il-bejt, id-dawra tal-blokk u partijiet oħra fejn huma għall-użu komuni tar-residenti kollha. Il-proġett se jinvolvi ukoll miżuri li jiffrankaw l-enerġija.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-contract of service tal-individwu, li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li hu mpjegat mal-Kullegg Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija u li sas-sena l-oħra kien jokkupa l-kariga ta' Kap Ezekuttiv ta' dik li kienet l-Awtorità Marittima Maltija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — lista ta' konsulenti u kumpanija
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tagħha, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtha, għamlu użu minnhom matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ? Kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Minisitru tindika kemm ħarġu call for applications for non-academic staff fl-MCAST fl-aħħar sentejn? Tista' l-Ministru tispjega x'inhi l-policy tal-MCAST meta jkun hemm vakanza fin-non academic staff, fis-sens jekk is-sejħa tkunx biss in house jew inkella tkunx miftuħa għall-pubbliku in ġenerali? Tista' l-Ministru tispjega jekk f'dawn l-aħħar sentejn kienx hemm persuni mislufin ma' Ministri jew Segretarji Parlamentari li ħadu promozzjoni waqt li kienu mislufa mal-istaff personali tal-Ministeru jew Segretarjat Parlamentari? Tista' l-Ministru tindika kemm ħarġu vakanzi għal posts fin-non academic staff bl-intestatura ta' "back to back"? Xi tfisser il-frazi "back to back"? Minn fejn hu regolat dan il-kuncett ta' "back to back"? X'inhi l-fehma tal-gvern fuq posts "back to back"?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li fil-prize day tal-iskola primarja Santa Tereża, Msida ġew mistiedna l-Ministru u back bencher tal-gvern fost l-oħrajn, filwaqt li d-deputati Laburisti tad-distrett fosthom is-sotto skritt lanqas ġew mistednin? Ta' min kienet din id-deċiżjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif inhi l-prassi s-soltu, l-iskola stiednet għal jum il-premjazzjoni l-Ministru tal-Edukazzjoni. Bħala r-rappreżentant tal-Ministru, peress li kienet impenjata fuq xogħol uffiċċjali, mar l-Onor. George Pullicino.
Il-
Back Bencher
riferut għalih fil-mistoqsija parlamentari kien l-Onor. Robert Arrigo. Hija prassi ta’ din l-iskola li kull membru tal-istaff u l-kunsill skolastiku jista’ jistieden żewġ persuni. L-Onor. Robert Arrigo kien il-mistieden tal-President tal-kunsill skolastiku. Id-deċiżjoni dwar persuna mistiedna għal Jum il-Premjazzjoni tittieħed mill-Kap tal-Iskola.