Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta – Lista tat-toroq li saru

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tat-toroq kollha li saru minn Infrastructure Malta mit-twaqqif tagħha sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b'lokalità, kif ukoll jipprovdi ma' kull triq min kien il-kuntrattur li ħa ħsieb ix-xogħlijiet, kemm kien stmat li ser jiswa l-proġett, kemm finalment sewa l-proġett, kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej (f'każ li kien), kif ukoll meta beda u meta tlesta x-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali diġà mibnijin mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont ma jkun meħtieġ, is-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin minn taħt l-art, bħal sistemi tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, spralli u pajpijiet għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u servizzi oħrajn tat-telekomunikazzjoni. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11727.

Bormla – Ferry landing — Dwal

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-dwal li hemm fil-ferry landing f’Bormla jissewwew għax hemm numru minnhom mhux jixegħlu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-problemi ġew irrapportati lill-Kuntrattur li installa s-sistema tad-dwal u qed jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-problema teknika tiġi indirizzata mill-aktar fis.

Għajn Dwieli – Xogħol fuq il-mina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitkompla x-xogħol fuq il-Mina ta’ Għajn Dwieli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u manutenzjoni tal-istruttura fuq il-mina ta’ Għajn Dwieli u t-toroq tal-madwar huma kompluti u fil-preżent, Infrastructure Malta qed tħejji l-preparamenti biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ natura mekkanika u elettrika li ser jinkludu fost l-oħrajn sistemi ġodda tad-dawl u sistemi ta’ CCTV.

Baċir numru wieħed u l-viċinanzi tal-ferry landing — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitkompla x-xogħol li kien inbeda fuq id-dawra tal-Baċir numru wieħed u l-viċinanzi tal-ferry landing place?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-landscaping qed jitkompla b’mod kontinwu bħala parti minn maintenance agreement. S’issa saru ħafna xogħlijiet fosthom taħwil ta’ pjanti, bdil ta’ partijiet mit-turf, żbir ta’ siġar u arbuxelli, kif ukoll tranġar ta’ ħafna mis-soft areas. Fil-ġimgħat li ġejjin, it-turf se jkun qed jiġi trattat u jinżera’ mill-ġdid f’ċerti żoni, proċess li se jieħu madwar sitt ġimgħat. Il-manutenzjoni fil-kumplament taż-żoni se titkompla b’mod normali u skont il-bżonn. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun għaddej ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq pjattaforma u fuq il-bankijiet tal-injam.

Fgura — mina ż-żgħira - Passaġġ pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi mistħarrġa t-talba ta’ ħafna nies u anke tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla sabiex il-mina ż-żgħira li tagħti għall-Fgura tinfetaħ għall-passaġġ pubbliku u hekk jitneħħa l-periklu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-proposta qed tiġi mistħarġa biex wieħed ikun jista jevalwa jekk hemmx opportunitajiet ta’ konnessjonijiet pedonali u dan wara li jiġu kkonsultati Stakeholeders varji, bħal fost l-oħrajn is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.

Baċir numru wieħed – Ħġieg miksur

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux ta’ periklu l-ħġieġ miksur li hemm fl-art tal-pont li hemm f’Baċir numru wieħed?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ħġieġ miksur li hemm fl-art tal-pont f’Baċir numru wieħed mhux ta’ periklu. Infurmat ukoll illi bħalissa Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed fil-proċess sabiex jikseb kwotazzjonijiet mingħand kuntratturi bil-kompetenza neċessarja biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

Bormla — ‘One hour parking’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk żoni fil-lokalità ta’ Bormla jistgħux jiġu kkunsidrati sabiex fihom ikun hemm ‘one hour parking’?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tkun tista’ tagħmel evalwazzjoni għal timed parking bays f’każ ta’ talba mill-kunsill lokali.

Ir-Rabat Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier – zebra crossing jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir zebra crossing jew traffic lights fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat Malta, minħabba l-fatt li t-triq hija dejqa u qiegħed ta' kuljum ikompli jeħel it-traffiku fiha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jirrizulta li minn naħa ta’ Transport Malta hemm approvazzjoni għal zebra crossing fi Triq Borg Olivier. Inoltre, l-Awtorità evalwat il-possibbiltà li parti minn Triq Borg Olivier issir one-way. Dwar din il-proposta għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati u hija ukoll prevista konsultazzjoni pubblika fil-ġimghat li ġejjin. Inzid ukoll li l-approvazzjoni għal zebra crossing ser tkun inkluża mal-proposta tal-one-way sabiex is-sitwazzjoni f’din it-triq tiġi ndirizzata b’mod ħolistiku.

L-Għadira – Fondi mill-proġett TEN-T għall-proġett tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fondi mill-proġett TEN-T jintużawx fil-proġett tat-triq tal-Għadira u x’persentaġġ minn dawn il-fondi ntużaw għal dan il-proġett?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għall-proġett ta’ l-Għadira.

Manikata – Proġett tal-Bypass — Fondi mill-proġett TEN-T

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-fondi mill-proġett TEN-T għadhomx disponibbli għall-proġett tal-bypass tal-Manikata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jindika biċ-ċar l-isem uffiċjali tat-triq li għaliha qed jagħmel riferenza f’din il-mistoqsija parlamentari.

Manikata – Proġett tal-Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-bypass tal-Manikata hux se jsir? Jista’ jgħid ukoll meta u kif?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jindika biċ-ċar l-isem uffiċjali tat-triq li għaliha qed jagħmel riferenza f’din il-mistoqsija parlamentari.

Proġett TEN-T — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fadal fondi mill-proġett TEN-T u jagħti break down ta’ kif intużaw dawn il-fondi u fejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-proġett għat-titjib tan-Netwerk tat-Toroq tat-TEN-T li kien iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni taħt il-programm 2014-2020 huwa lest u l-fondi Ewropej allokati għal dan il-proġett intefqu kollha b’total ta’ €40,878,584. Il-proġett kien jikkonsisti fi proġetti f’partijiet differenti ta’ Malta li fihom saru xogħlijiet li jinkludu titjib f’toroq ewlenin li jaqgħu taħt in-Network tat-toroq tat-TEN-T. L-għan tagħhom kien li jindirizzaw bottlenecks tat-traffiku varji u biex titjieb il-konnettività, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà fit-toroq, sostenibbiltà u jitnaqqas l-impatt negattiv ikkawżat mit-traffiku minn aspett ambjentali, soċjali u ekonomiku. Il-fondi tal-UE li ntefqu fuq dawn it-toroq huma maqsumin kif ġej: • Il-proġett tas-Central Link li jikkonsisti fit-titjib tar-‘road corridor’ (toroq arterjali) mill-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard sar-Rabat li inkluda toroq ġodda fin-network: €19,573,494.36 • Twessiegħ u bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun Bypass: €3,213,329.35 • Santa Luċija underpass – il-bini ta’ mina għall-vetturi f’Santa Luċija li jinkludi titjib u twessigħ tat-triq: €16,114,422.44 • Triq Luqa, Santa Luċija: twessigħ tat-triq li kien jinkludi żieda ta’ korsiji għar-roti: €1,977,337.84

Mellieħa- Triq Edward Camilleri – zebra crossing/lights

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5592 u jgħid jekk jistax jikkonsidra b’urġenza li fi Triq Edward Camilleri fil-Mellieħa (fil-parti ta’ fejn hemm l-entratura għall-klassijiet tal-Kinder u taċ-Childcare Centre) issir zebra crossing/lights minn Transport Malta u dan biex jiġu evitati inċidenti/traġedji, liema sitwazzjoni kienet viċin li sseħħ għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat?Fejn tajjeb jingħad ukoll li fl-istess parti tat-triq, hemm l-entratura għall-faċilità sportiva tal-Mellieħa Sports Club li tintuża minn mijiet ta’ tfal u żgħażagħ b’mod regolari matul il-ġimgħa.

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq Edward Camilleri ġewwa l-Mellieha diġà hemm żewġ zebra crossings, propju fil-lokazzjonijiet li semma u cioe’ waħda viċin tal-iskola primarja u l-oħra viċin tal-kinder garten u l-faċilità sportiva.

Siġġiewi – Kundizzjonijiet relatati max-xogħol tal-bini taz-zuntier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15878, jista’ l-Ministru jispeċifika x’inhuma l-kundizzjonijiet stipulati mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għax-xogħlijiet taz-zuntier tas-Siġġiewi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet stipulati mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għax-xogħlijiet taz-zuntier tal-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi huma parti mid-dokumentazzjoni relatati mal-permess u huma diġa pubbliċi.

Siġġiewi – Bajja ta’ Għar Lapsi — Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex il-parati li jintużaw biex jitniżżlu d-dgħajjes fil-Bajja ta' Għar Lapsi fis-Siġġiewi jsiru mill-ġdid, peress li dawn jinkisru kull ftit xhur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimghat li ġejjin ser ikun qed isir ix-xogħol neċessarju.

Fast Ferry — Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa għall-proposti u għala nħasset li tinħareġ: Request For Proposals For The Provision Of Temporary Services Of Scheduled Fast Ferry Between Malta And Gozo CFT CA UNIQUE ID: MTIP/139/2023? Jista’ jgħid kemm hu l-valur ta' din il-proposta u għal kemm-il xahar/sena ser tkun valida din is-sejħa għal proposti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tinsab ukoll pubblikament disponibbli ghall-publiku Malti u internazzjonali fuq il-portal tal-akkwist pubbliku tal-Gvern.

Raħal Ġdid — Triq Fr. Charles Plater

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena huwiex previst li Triq Fr Charles Plater, f’Raħal Ġdid issir mill-ġdid, billi ma tinsabx fi stat tajjeb bl-użu kostanti tagħha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti — Excavation works section

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fi ħdan is-sezzjoni Excavation works tad-Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti u x’inhuma l-gradi li tali ħaddiema għandhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti m’hemmx sezzjoni bl-isem ta’ Excavation Works.

Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti — Construction works section

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fi ħdan is-sezzjoni Construction works tad-Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti u x’inhuma l-gradi li tali ħaddiema għandhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-Direttorat għat-Twettiq tal-Proġetti m’hemmx sezzjoni bl-isem ta’ Construction Works.