Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni għar-residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan ta' 80 sena li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li applika biex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li ma jistax jibqa' jgħix waħdu? Jista' jagħti attenzjoni xierqa lil dan il-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Talba għal servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa' jiġi rivedut il-każ ta' mara li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li għandha bżonn il-home help, liema persuna hija ċertifikata li għandha problemi kbar? Jista' jara li din il-persuna tingħata servizz mhux bi pjaċir imma bi dritt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant reġa ġie rivedut mill-Bord tal-Home Help nhar il-Ħamis 3 ta’ Ġunju 2010. Il-Bord talab li jsir assessment ieħor minn professjonisti fil-qasam mediku biex ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet ta’ din il-persuna. Il-Bord jerġa’ jirrevedi dan il-każ kif ikollu dan ir-rapport għad-dispożizzjoni tiegħu.

Bar f'Tas-Sliema — Liċenzja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17567, jista' l-Ministru jassigura li m'hemmx storbju ħiereġ minn dan il-bar, speċjalment ħsejjes li joħorġu minn xi airconditioning fuq Windsor Street, liema storbju huwa kbir u ma jħalli lill-ebda resident jorqod fil-kwiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li filwaqt li bars huma liċenzjati mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar it-Turiżmu, kif diġa referut fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17567, il-kontroll tal-istorbju ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa, L-Anzjani u Kura fil-Komunita’ u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Twelid ta' tfal minn ommijiet xebbiet jew separati

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm twieldu tfal minn ommijiet xebbiet jew separati matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn l-ommijiet huma ta' ċittadinanza Maltija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Marzu ġew irreġistrati li twieldu 283 tarbija minn ommijiet irraportata bħala “single” jew “widowed/separated/divorced”. Minn dawn 272 tarbija kellhom omm ta’ ċittadinanza Maltija.

Operazzjonijiet tal-Qalb

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' operazzjonijiet tal-qalb li saru matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, u l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Mill-informazzjoni miġbura mis-Surgical Operations Register tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ interventi tal-qalb irreġistrati li saru matul l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, u l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien kif jidher fit-tabella hawn taħt. Dawn l-interventi jinkludu Coronary Angiograms, Percutaneous Coronary Interventions (PCI), Coronary Artery Bypasses (CABG), Valve replacement, fost oħrajn. Source: Surgical Operations Register, MDH Ottubru 2009 Novembru 2009 Diċembru 2009 Jannar 2010 Frar 20‘10 Marzu 2010 Numru ta’ Interventi 359 330 303 345 344 409

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħol ta' natura legali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17364 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Serq minn anzjani rikoverati fid-djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rappurtati każijiet ta' serq minn anzjani rikoverati fid-djar tal-anzjani xahar b'xahar matul l-2009 u l-2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu indikat kien hemm 4 każi ta’ serq minn fuq residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Id-dettalji huma kif jidher fit-tabella hawn taħt: Xahar Numru ta’ Każi Jannar 2009 1 € 75 flus kontanti Frar 1 Żewg ċrieket ta’ metal lewn safrani, ekwivalenti għal valur ta’ €80. April 1 Radju b’valur ta’€ 25 Fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern ġew irraportati 9 serqiet lill-Pulizija kif spjegat hawn taħt: Dar tal-Anzjani Msida – serqa waħda ta’ flus kontanti Settembru 2009: valur ta’ €60 Dar tal-Anzjani Żejtun – 4 serqiet ta’ flus kontanti Ottubru 2009: valur ta’ €160 Frar 2010: valur ta’ €290 Marzu 2010: valur ta’ €65 valur ta’ €300 Dar tal-Anzjani Mellieħa – serqa waħda ta’ flus kontanti Diċembru 2009: valur ta’ €20 Dar tal-Anzjani Gżira – 2 serqiet ta’ flus kontanti Diċembru 2009: valur ta’ €110 Jannar 2010: valur ta’ €300 Dar tal-Anzjani Floriana – serqa waħda ta’ flus kontanti Mejju 2010: valur ta’ €170

Kura medika tad-dementia

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17681, jista' l-Ministru jara li jsir ġbir ta' informazzjoni mit-treatment charts tar-residenti? Kemm minnhom li jbatu b'dementia, qegħdin fuq kura medika u jħallsu għal kura tad-dementia? Jew il-kura medika mhix priorità fl-istrateġija nazzjonali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17681 kienet miġbura mit-treatment charts. Fir-Residenza San Vinċenz de Paule hemm 7 irġiel u 28 mara li jbatu bid-dimenzja u qegħdin jieħdu l-mediċina li tinxtara mill-qraba tagħhom. Kif diġa għidt fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17681, id-dimenzja mhijiex waħda mill-mardiet inklużi fi Skeda V tal-Att dwar is-Sigurtà Socjali. Iżda wara studju li sar dwar nuqqasijiet fl-iskema tas-Schedule V, qed jigu diskussi proposti sabiex id-dimenzja u mard kroniku iehor jiġu nklużi fir-riforma ta’ din l-Iskeda.

Servizzi lil anzjani li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani bid-dementia jgħixu waħidhom li għadhom fil-lista ta' stennija għal dħul ġo: a) Residenza San Vinċenz de Paule; u b) Djar tal-Anzjani? Minn fejn huma lokalità lokalità u kemm ilu li applika kull każ, lokalità b'lokalità? Qiegħed isir sforz sabiex sakemm tinstabilhom akkomodazzjoni, tingħata lilhom priorità f'servizzi bħal żieda fis-siegħat ta' home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx elettronikament, iżda b’mod individwali fil-files rispettivi. Dan għaliex fl-applikazzjoni oriġinali għad-dħul ma jkunx hemm indikazzjoni jekk ir-raġuni prinċipali għaliex persuna qed tapplika biex tidħol f’xi dar għall-anzjani jew fir- Residenza San Vinċenz de Paule hijiex minħabba id-dimenzja. Bħalissa hemm 2,273 applikazzjoni fil-waiting list, 682 għar-Residenza San Vincenz de Paule u 1,591 għad-Djar ta’ l-Anzjani tal-Gvern. Sabiex tkun tista’ tinġabar din l-informazzjoni wieħed irid idur manwalment kull applikazzjoni tad-dħul u jiġi verifikat jekk ir-raġuni prinċipali hijiex minħabba id-dimenzja. Il-Bord tal-Home Help jikkonsidra li tingħata estenzjoni ta’ siegħat lil anzjani applikanti li jipprovdu ċertifikati neċessarji bħala xhieda li huma jbatu bid-dimenzja.

Dieta gluten free — Skeda V

Question

Fil-każ ta' dieta gluten free fl-Iskeda V, jista' l-Ministru jara li jsir titjib fis-sens li l-prodotti offruti jkunu aktar mogħtija b'mod personalizzat skont l-għażla, l-età u ċ-ċirkostanzi tal-benefikant?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Preżentament qed tiġi studjata u evalwata l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti gluten free għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tac-Coeliac, sabiex eventwalment is-sistema ssir waħda aktar flessibbli u b’hekk tkun tista’ taqdi aħjar l-esiġenzi speċifiċi tal-pazjent b’mod individwali.

Madliena — GHPS supply stores - items out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm items out of stock ġewwa l-Government Health Procurement Services Supply Stores tal-Madliena, matul is-sena 2009? Liema kienu dawn l-items u kemm damu out of stock? Jista' jgħid għal liema raġuni kienu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Madliena — GHPS supply stores - items out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm items out of stock ġewwa l-Government Health Procurement Services Supply Stores tal-Madliena matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010? Jista' jgħid għal liema raġuni dawn kienu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

interventi ta' knee u hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-interventi ta' knee replacement u hip replacement laħqux il-massimu ta' interventi fis-sena 2009? Jista' jgħid jekk hemmx ippjanat li jiżdied in-numru ta' interventi matul is-sena 2010? Jista' jgħid jekk hux ippjanat li jiżdiedu dawn l-interventi u x'inhu dan il-pjan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

poliklinka tal-Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Poliklinika tal-Gżira għandhiex lift biex itella' l-pazjenti fil-berġa jew le? Jista' jgħid jekk din il-klinika titqiesx bħala aċċessibbli jew le? Jista' jgħid jekk hemmx xi klinika jew berġa oħra li mhijiex aċċessibli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16183. Peress li dan iċ-Ċentru tas-Saħħa mhuwiex aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali, dawn għandhom il-faċilità li jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Iċ-Ċentri tas-Saħħa l-oħra huma kollha aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Hemm diversi bereġ li jistgħu jitqiesu li m’humiex aċċessibbli. Wara li saru diversi laqgħat bejn uffiċjali tad-Dipartiment u tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità, ġew identifikati nuqqasijiet fl-aċċessibilità. Ninsab infurmat li sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent, saret rampa tal-injam fil-bereġ tal-Birgu, Għaxaq, Qrendi, Mqabba, Żebbuġ, Dingli, Ħamrun, Santa Venera u Għargħur. Il-berġa taż-Żurrieq ġiet mibnija mill-ġdid u hija aċċessibli għal kulħadd filwaqt li s-servizzi tal-berġa ta’ Tas-Sliema ġew trasferiti għal bini aċċessibli għal kulħadd fil-kunsill lokali.

Servizzi li joffru l-kliniċi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi li joffru l-kliniċi tas-saħħa f'Malta u f'Għawdex? Jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-kliniċi jżidu s-servizzi li jagħtu u liema huma dawk is-servizzi li se jżidu matul is-sena 2010? Jista' jgħid jekk hemmx xi servizzi li llum qed jingħataw mill-kliniċi u li se jinġabru f'post wieħed u ċentrali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Is-Servizzi li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja f’Malta huma: · Servizz ta’ tabib tal-familja fiċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ, · Servizz ta’ infermiera, · Servizz ta’ konsulent tal-mediċina, · Servizz ta’ infermiera u tabib ġewwa l-iskejjel, · Speech Therapy , · Fiżjoterapija, · Radjoloġija ( X-Rays) , · Servizz ta’ spiżerija, · Klinika tal-ġinekoloġija u ta’ wara t-tqala, · Klinika tat-trabi, · Klinika tad-dijabete, · Servizz ta’ optometrija (vista ta’ l-għajnejn), · Klinika tal-glawkoma, · Klinika tal-psikjatrija, · Klinika tal-podjatrija (tar-riġlejn), · Servizz ta ECGs , · Customer care u · Servizz ta’ taħriġ mediku għat-tobba u infermiera ( Continued Professional Development Unit ). Matul din is-sena beda s-servizz ta’ Change of Dressing / Wound Clinic b’appuntament fiċ-ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u ta’ Raħal Ġdid. Ġiet miftuħa bħala proġett pilota Health Awareness Clinic fil-Berġa tal-Imtarfa u qed isir studju biex dan is-servizz jiġi estiż għal lokalitajiet oħra f’Malta. Is-servizz ta’ x-rays ġie estiż bħala proġett pilota fiċ-ċentru tas-Saħħa tal-Mosta sas-7 ta’ filgħaxija. Qed isiru arranġamenti biex fil-futur qarib tiġi ntrodotta sistema ta’ x-rays diġitali fl-istess ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Sa issa ma hemm l-ebda deċiżjoni biex xi servizzi li qed jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa jinġabru f'post wieħed.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Matul din il-Leġiżlatura kont akkumpanjat tliet darbiet minn xi membru tal-familja tiegħi waqt safar uffiċjali tal-Gvern. Dawn kienu waqt żjarat li delegazzjonijiet Ministerjali għamlu fir-Renju Unit, fi Franza u fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn fit-tliet każijiet kont akkumpanjat mill-mara tiegħi, li kienet speċifikament mistiedna mill-organizzaturi rispettivi.

Bar f'Tas-Sliema — Liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk il-Ministeru tas-Saħħa kienx jew huwiex involut fil-ħruġ ta' permessi jew xi infurzar, jew xi forma ta' liċenzji oħra, lill-bar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, plonk f'żona residenzjali? Jekk iva, jistax jikkonferma li l-kriterji kollha huma sodisfatti? Jekk le, għaliex l-ebda awtorità fi ħdan il-Ministeru ma ġiet avżata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma joħroġ l-ebda permessi rigward postijiet tal-ikel imma huwa kkonsultat fil-proċess tal-ħruġ ta’ permessi kif ukoll fuq infurzar tal-Att dwar is-Sigurtà tal-Ikel u regolamenti oħra li joħorgu minnha. Permessi dwar postijiet tal-ikel jinħargu mid-Dipartiment tal-Kummerċ jew mill-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu. Għaldaqstant skont l-Att dwar is-Sigurtà fl-Ikel kull persuna responsabbli għall-immaniġjar ta’ kull fond tal-ikel huwa responsabbli sabiex jirreġistra tali fond mas-Segretarjat Kummissjoni Għas-Sigurtà fl-Ikel. Fir-rigward tal-fond imsemmi ninsab infurmat li tali fond kien direġistrat mas-Segretarjat Kummissjoni Għas-Sigurtà fl-Ikel fit-18 ta’ Mejju, 2010 meta dakinhar id-Direttorat ġie nfurmat li tali fond mhux se jkompli jintuża bħala stabbiliment tal-Ikel.

Smoking Bans f'playing fields

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kunsiderazzjoni se jieħu l-gvern dwar il-kummenti pożittivi tal-Kummissarju għat-Tfal dwar il-ħtieġa ta’ smoking bans f’playing field areas f’pajjiżna wara l-każ li tqajjem dwar abbużi simili flimkien ma abbużi oħrajn fil-playing field ta’ Hemel Street, Swieqi, fost oħrajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17240.

Operazzjonijiet — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-€4 miljuni li l-gvern ibbaġitja għas-sena 2010 biex titnaqqas il-waiting list fl-Isptar Mater Dei intnefqu fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2010? Jista' din l-informazzjoni jaqsamha, fuq: a) operazzjonijiet tal-ortopedija; b) operazzjonijiet tal-marrara; ċ) operazzjonijiet tal-katarretta; u d) operazzjonijiet oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żjara tal-Ministru Taljan — taħdidiet mal-Gvern Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu t-taħdidiet li l-Gvern Malti kellu jagħmel mal-Gvern Taljan rigward is-settur tas-saħħa wara ż-żjara tal-Ministru Taljan fil-bidu ta' din is-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.