Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — safar uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Prodotti f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu prodotti f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2009? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-prodottu? Liema lokalitajiet ibbenefikaw minnhom? Min hu intitolat għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabbilta’ tat-tmexxija ta’ dan il-proċess ta’ tqassim ta’ prodotti f’Għajnuna mill-Unjoni Ewropeja taqa’ f’idejn il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Biex jiġu identifikati l-persuni eliġibbli għal din l-għajnuna l-istess Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jikkolabora mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex jiddentifika dawk il-persuni li jkunu qed jirċievu xi forma ta’ assistenza soċjali, Pensjoni Mhux Kontributorja tal-Età, jew Pensjoni Mhux kontributorja għal Diżabilità. Formoli għal dan il-għan jimtlew mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali normalment darba kull sitt xhur. Dwar il-mistoqsijiet l-oħra nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmilhom lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — segretarjat privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tagħha? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-ewwel erba’ xhur ta’din is-sena kemm kien hemm ħaddiema li tilfu l-impieg tagħhom f’Malta u Ghawdex? F’liema industriji prinċipali? Hemm minnhom li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sabitilhom xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Learning Support Assistant

Question

Peress li student, li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ilu b'talba għall-Learning Support Assistant pendenti għal dawn l-aħħar tliet snin, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni waslet għand l-Istatementing Moderating Panel fl-aħħar ta’ Jannar 2010. It-tifel qiegħed ġewwa klassi ta’ 14 u qed jingħata xogħol u attenzjoni individwali għalih mingħand l-għalliema tiegħu. L-istudent m'għandux diżabilità partikolari u l-ġenituri jingħataw appuntament meta jkun jmiss skont il-lista ta’ registrazzjoni.

Aġenzija Sedqa — ħlasijiet lill-avukati u kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema avukati u/jew kumpaniji ta' avukati taw konsulenza lill-aġenzija Sedqa matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 (kull sena separatament) u kemm kienu l-ħlasijiet li saru sena b’sena b’mod separat ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi mill-Avukati li l-Aġenzija Sedqa ngħatat fis-snin li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.

benefiċċji tal-qagħad

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-benefiċċju tal-qagħad għal raġel miżewweġ u għal ġuvni jew xebba? Tista' tgħid kemm ilu ma jiġi rivedut dan il-benefiċċju? Tista' tispjega kif jinħadem u jekk b'dan il-benefiċċju b'kollox l-individwu jibqax fil-poverty line?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għas-sena kurrenti r-rata ta’ benefiċċju għall-qagħad għal ġenitur singlu jew persuna miżżewġa li qed tmantni lill-konjuġi li ma tkunx impjegata full time hi ta’ €10.85 kuljum filwaqt li għal kull persuna oħra hi ta’ €7.10 kuljum. Fejn il-persuna kkonċernata tissodisfa t-test tal-mezzi għall-intitolament għall-għajnuna soċjali, r-rata dovuta tiżdied għal €18.22 u €11.90 kuljum rispettivament. Ir-rati msemmija jiżdiedu kull sena u nikkonferma ukoll li min jirċievi l-benefiċċju imsemmi jista’ jikkwalifika wkoll għall- allowance tat-tfal u/jew għall-għajnuna supplimentari u għaldaqstant għall-benefiċċju tal-Enerġija wkoll. Il-benefiċċju tal-qagħad huwa wieħed kontributorju u għaldaqstant, jingħatax il-benefiċċju jew le, jiddependi jekk il-persuna kkonċernata ħallsitx 50 bolla matul il-ħajja tax-xogħol tagħha, u medja ta’ għoxrin bolla fl-aħħar sentejn qabel is-sena li fiha saret it-talba għall-benefiċċju msemmi. Għaldaqstant bis-saħħa ta’ dawn il-benefiċċji l-individwu ma jaqax below the poverty line .

Blue card għal nies bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tispjega xi trid tagħmel persuna bi bżonnijiet speċjali li jkollha l-card il-blu għal żmien twil u f'daqqa waħda titteħdilha? Tista' tgħid minn min huwa kompost il-bord li quddiemu jidhru l-pazjenti, li liema bord jiddeċiedi jekk iġeddidx il-kartuna l-blu jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità (KNPD) jibgħat ittri lill-persuni b'diżabilità li jkollhom il-Blue Sticker skaduta u ma talbux biex din tkun imġedda. Dawn il-persuni jingħataw data sa meta jridu jew jirritornaw l-Blue Sticker il-qadima (jekk m'għadx għandhom bżonnha) jew japplikaw għaliha mill-ġdid sabiex jarahom it-tabib tal-KNPD fuq il-kriterji li jintużaw għall-iskema Ewropea tal-Blue Sticker (ara d-dokument mehmuż). Dawk il-persuni b'diżabilita' li ma jinfurmawx bl-għażla tagħhom sad-data li tingħatalhom (li tkun madwar 15-il ġurnata), jintbgħatu d-dettalji tagħhom lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jieħdu ħsieb jinġabru mill-pulizija tad-distretti rispettivi, minħabba li l- Blue Sticker hu dokument li joħroġ mill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-KNPD jkollu persuni b'diżabilità li ma jikkwalifikawx. Għaldaqstant il- Blue Sticker l-antika tkun trid tiġi rritornata lill-KNPD. Kull persuna b'diżabilità tista' tappella għad-deċiżjoni tat-tabib. Il-Bord tal-Appelli huwa mmexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija. Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li jintużaw għal din l-iskema.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — vetturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'vetturi jagħmlu użu minnhom kull awtorità u korporazzjoni li jaqgħu taħtha? Meta ġiet akkwistata, kemm qamet u minn fejn inxtrat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Programmi sospiżi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex il-programmi tal-Unjoni Ewropea jiġu sospiżi? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm twissijiet qabel ittieħed dan il-pass drastiku? Min huwa responsabbli ta’ dawn il-programmi, inkluż programmi individwali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-sospenzjoni temporanja tal-Youth in Action u l-Lifelong Learning Programmes tal-2010 qed isir bi prekawzjoni sakemm il-Kummissjoni Ewropea tkun sodisfatta li l-miżuri kollha ta’ assikurazzjoni, inklużi proċeduri amministrattivi ta’ kontroll u rappurtar fl-Awtorità Nazzjonali u l-EUPA, ikunu msaħħa kif qed titlob il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni Ewropea rreferiet għal sospensjoni fis-26 t’April 2010. L-Agenzija EUPA hija responsabbli għal Programmi Youth in Action u Lifelong Learning li l-koordinatur nazzjonali hu s-Sur Mauro Pace Parascandolo.

Klassijiet tal-kindergarten

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' klassijiet tal-kindergarten li hemm fl-iskejjel tal-Gvern fis-Sebgħa, d-Disgħa, l-Ħdax u t-Tnax-il Distrett Elettorali rispettivament, f'kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ klassijiet tal-kindergarten li hemm fl-iskejjel tal-Gvern fis-Seba’, Disa’, Ħdax u Tnax-il Distrett Elettorali rispettivament f’kull skola.

Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali — ħlasijiet lill-avukati u kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema avukati u/jew kumpaniji ta' avukati taw konsulenza lill-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali matul is-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 (kull sena separatament) u kemm kienu l-ħlasijiet li saru sena b’sena b’mod separat ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella hawn taħt: Sena Kumpanija Ħlas 2004 Sapiano & Associates €33,258.79 2005 Sapiano & Associates €36,584.67 2006 Sapiano & Associates €40,243.14 2007 Sapiano & Associates €44,267.45 2008 Sapiano & Associates / Ganado Sammut Advocates €14,231.40 €21,740.82 2009 Ganado Sammut Advocates €32,611.23

Stallazzjoni ta' Lift

Question

Jista' l-Ministru jsegwi l-kaz ta' tifel ta' disa' snin, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li dan ħajtu dejjem l-isptar anke qatgħulu parti minn idejh u issa akkwista lift, jista' jintbagħtlu perit biex jaraw fejn se jeħel dan il-lift?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar tista’ toffri għajnuna lill-persuni li japplikaw u jikkwalifikaw taħt id-diversi skemi li toffri. F’każ ta’ istallazzjoni ta’ lift, l-Awtorità tad-Djar toffri għajnuna taħt skema E jew L skond il-każ. Minħabba li diġà saru talbiet minn residenti għall-istallazzjoni ta’ lift kemm fil-blokk imsemmi kif ukoll oħrajn simili fl-istess inħawi, l-Awtorità tad-Djar kienet għamlet diversi spezzjonijiet fejn, f’kull każ, ġie kkonfermat li mhuwiex teknikament possibbli li jiġi akkomodat lift fil-partijiet komuni ta’ dawn il-blokki.

Transfer minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministra tara li jsir transfer tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li fuq ordni tal-Professur ma tistax taħdem f'dak il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — xogħol ta' natura legali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li waslitli mingħand uħud mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Hekk kif tasal l-informazzjoni meħtieġa mill-entitajiet l-oħra li, peress illi kien hemm ammont ta’ xogħol sostanzjali involut fil-ġbir tal-informazzjoni mitluba nagħddi din l-informazzjoni lill-Onorevoli Interpellant.

programm Grundtvig

Question

Tista’ l-Ministru tghid kemm persuni u għaqdiet intlaqtu ħażin mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Grundtvig f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Grundtvig f’Malta huma: · Learning Partnerships – 12-il persuna minn żewġ organizazzjonijiet u · In-service Training u Visits and Exchanges – 6 persuni.

programmi miftuħa għat-tfal u żgħażagħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub li l-programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig se jerġgħu jkunu miftuħa għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma tatx iż-żmien tas-sospensjoni tal-Programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — laptops u notebooks

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw laptops u notebooks minn kull korporazzjoni u awtorità li taqa' taħt id-dekasteru tagħha matul is-sena 2009? X'kienet l-ispiża minfuqa? Mingħand min inxtraw? Kif ġie deċiż mingħand min jinxtraw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — ċifra globali fuq hospitality

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali f'ċifra ta' flus li ntnefqet fil-hospitality mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tagħha matul Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Kemm tħallsu minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont globali li ntefaq f’hospitality mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u l-entitajiet tiegħu matul Jannar, Frar, Marzu u April 2010 huwa ta’ €52,061.42. L-ammont li tħallas huwa ta’ €50,437.23

Youth in Action

Question

B'referenza għall-programm Youth In Action, tista' l-Ministru: a) tgħid kemm ħadu sehem żgħażagħ mid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea sena b'sena skont kull skema ta' Youth In Action; b) tindika għaliex ġie sospiż il-programm Youth In Action u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha bejn l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea u dawk Maltin fuq din il-kwistjoni; ċ) meta se jierġa' jiskatta l-programm Youth In Action; d) x'passi se jieħdu l-gvern biex xi ħaġa bħal din ma terġax tiġri; e) x'se jagħmel il-gvern dwar it-talbiet pendenti sakemm il-programm jerġa' jiġi riattivat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra