Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Triq il-Ħelsien – miżuri kontra sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar miżuri li għandhom jittieħdu minħabba sewqan perikoluż, fi Triq il-Ħelsien f'Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħadet nota tal-ilmenti li rċeviet u kkomunikat mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi fejn irrakkomandat li tiġi installata road hump ġewwa Triq il-Ħelsien f’Ħal Qormi sabiex jitrażżan sewqan eċċessiv.

Ħal Qormi – Triq il-Wied — miżuri kontra sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu minħabba sewqan perikoluż fi Triq il-Wied, f'Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara talba mill-Kunsill lokali ta’ Ħal Qormi, Transport Malta approvat road humps bħala traffic calming measures fi Triq il-Wied Ħal Qormi. Dawn ġew installati minn naħa tal-Kunsill. L-Awtorità ma għandha l-ebda talba oħra jew ilmenti rigward sewqan eċċessiv f’din it-triq.

Ħal Qormi – Triq San Bastjan – miżuri kontra sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu minħabba sewqan perikoluż fi Triq San Bastjan, f'Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2018 Transport Malta kienet approvat miżuri sabiex jiġi mrażżan sewqan perikoluż fi Triq San Bastjan f’Ħal Qormi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Dokument A. Inoltre, f’Awwissu 2020, Transport Malta kienet approvat (in principle) miżuri addizzjonali għal aktar trażżin tas-sewqan eċċessiv f’din it-triq, hekk kif jindika Dokument B li ukoll qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal- Kamra.

Vapuri tal-Gozo Channel — Ġarr ta’ vetturi u persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni u kemm hu n-numru ta’ vetturi li kull vapur tal-Gozo Channel hu awtorizzat li jġorr waqt li jkun qed jaqsam bejn Malta u Għawdex u jekk dan in-numru ta’ persuni u vetturi li jistgħu jinġarru inbidilx minn meta bdew joperaw f’Malta dawn il-vapuri? Jekk iva, kif inbidel in-numru ta’ persuni u vetturi li jistgħu jinġarru? Meta sar il-bdil, minn liema vapuri, u x’kienet ir-raġuni għal dan? Jista’ jgħid ukoll mill-vapuri li ssemmew, liema huma dawk li bħalissa qegħdin joperaw?

Response (BONETT, CHRIS)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Is-Siġġiewi — Proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar ix-xogħol relatat mal-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Nikola fis-Siġġiewi jikkonsisti fil-qlugħ tat-turġien tal-ġebla tal-franka u l-paviment tas-siment, u t-tqegħid ta’ turġien u paviment ġdid magħmul mill-Pietra di Modica.

Raħal Ġdid — Triq l-Ammiraljat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena huwiex previst li Triq l-Ammiraljat, f’Raħal Ġdid issir mill-ġdid, billi ma tinsabx fi stat tajjeb bl-użu kostanti tagħha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Blue badge — Parkeġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess għal parkeġġ blue badge kien hemm fl-aħħar tas-sena 2023 u jaqsam dan l-ammont skont jekk dawn humiex parkeġġi communal, personalizzati, eċċ? Jista’ jgħid ukoll minn dawn, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u x'inhi l-età ta' dawn il-persuni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ahhar tas-sena 2023 kien hemm 2,145 parkeġġ riżervat għall-Blue Badge Holders u 1,478 parkeġġ personalizzat.

Ir-Rabat (flimkien mal-Baħrija u l-madwar), Ħaż-Żebbuġ u l-Imġarr Malta — Lista ta' toroq li sejrin jiġu asfaltati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li sejrin jiġu ristrutturati fil-lokalitajiet tar-Rabat (flimkien mal-Baħrija u l-madwar), Ħaż-Żebbuġ u l-Imġarr Malta matul din is-sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħolijiet jikkonsisti f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tal-Kunsilli Lokali u l-Awtoritajiet ikkonċernati.

Infrastructure Malta – Dikjarazzjoni ta’ rigali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ta’ Infrastructure Malta li ddikjaraw li rċevew xi rigali in konessjoni max-xogħol tagħhom minn meta daħlet fis-seħħ il-policy dwar Kunflitt ta’ Interess, x’kienu dawn ir-rigali li rċevew u mingħand min?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm dikjarazzjonijiet f’dak is-sens u skont il-parametri stabbiliti fil-policy imsemmija.

Infrastructure Malta – Policy dwar Kunflitt ta’ interess – Persons of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar Kunflitt ta’ interess li ġiet introdotta fi ħdan Infrastructure Malta, testendix u tapplikax ukoll għal Persons of Trust?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Policy indikata tapplika għall-ħaddiema kollha fuq il-kotba ta’ Infrastructure Malta.

Infrastructure Malta – Lista ta’ Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-proġetti kollha li qegħdin isiru bħalissa minn Infrastructure Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent qiegħdin naħdmu fuq dawn il-proġetti: Triq Kappella tal-Militar, Mellieħa; Triq Sir Harry Luke - Ph2, Mġarr; Road Works at Fiddien Rd, Rabat; Għajn Tuffieħa By-pass, San Pawl Il-Baħar; Emergency stormwater works Triq Kostituzzjoni, Mosta; P/o Triq Il-Mitħna Qadima & Triq Torri, Mosta; Triq Xorka & P/o Triq Ġlormu Cassar, Mosta; P/o Triq Mitħna Qadima & Triq Ġużeppi Callus, Mosta; Triq It-Torba [Pantar], Mosta; Triq Id-Dura, Mosta; Triq l-Għadajjar, Mosta; Triq Imsaqqfin, Mosta; Triq Leli Falzon, Naxxar; P/o Triq Il-Lampara, Naxxar; Xatt Il-Palm, Naxxar; P/o Triq Il Mosta, Naxxar; Triq Il-Qoton, Naxxar; P/o Triq Greċja, Naxxar; Triq Bradford, Naxxar; San Pawl Tat-Tarġa [Trade Fair Grounds], Naxxar; Triq Ridott, Naxxar; Triq is-Sirk, Swieqi; Triq Annabelle Vassallo, Siġġiewi; Triq Imqabba, Siġġiewi; Triq Il-Knisja Qadima, Siġġiewi; Girgenti Junction , Siġġiewi; Triq Id-Dielja, Qormi; Triq Id Deheb Fin, Qormi; Triq Il-Ħarifa, Qormi; P/O Triq Ix-Xitwa, Qormi, P/o Triq Is-sajf, Qormi; Triq Il-Kbira San Ġużepp, Ħamrun; Triq Manuel Magri, Ħamrun, Triq Ġuże Maria Camilleri, Ħamrun, Triq San Ġużepp, Luqa; Triq San Ġorġ, Luqa; Triq Il-Katakombi, Mqabba; Triq Nazzarenu, Mqabba; Triq San Pietru, Kirkop; Triq Għar Dalam, Birżebbuġa; Gudja Square, Gudja; P/o Triq Iż-Żebbuga, Gudja; P/o Triq Kbira, Gudja; P/o Triq San Mark, Gudja; P/o William Baker, Gudja; P/o Raymond Caruana, Gudja; High Street, Sliema; Stormwater works - Triq Xatt, Gżira; Triq Tas-Sliema, San Ġwann; Triq Bellavista, San Ġwann; Triq K Mifsud, Pieta; Triq San Girgor, Pieta; Triq Schinas, Pieta; Triq Mons P.P Saydon & Triq Ġuze Pesci - Ph 1, Iklin; Triq Stefano Erardi, Iklin; Triq Il-Ħarruba, Iklin; Triq Dun Amabile Sisner, Balzan; Triq San Frangisk, Balzan; Triq Ġulju Cauchi, Balzan; Vjal Trasfigurazzjoni, Lija; Alley 2 in Triq Preziozi, Lija; Triq Victor Vassallo, Attard; Triq Alfred Camilleri, Attard; Triq Id-Dorga, Attard; Triq Il-Kbira San Ġużepp, St. Venera; Triq Is-Sultana, Paola; P/o Triq Il Belt Valletta, Paola; Triq It-tramuntana, Paola; Vjal Kottoner, Fgura; P/o Triq San Tumas, Fgura; Birgu Square - Phase 2, Birgu; Triq Ġianni Faure, Tarxien; Triq Karlu Maratta, Tarxien; Triq Anġlu Mangion, Tarxien; Triq San Leonardu, Kalkara; P/o Triq Il-Knisja, Xgħajra; Triq Elija, Xgħajra; Triq Ta'Lanza, Żabbar; Triq John Delia, Żabbar; Triq Il-Kunsill ta l-Ewropa, Żabbar; Triq Kbira, Żabbar; Misraħ Santa Marija, Żejtun; Triq Id-daħla ta San Tumas, Żejtun; Triq Santa Katerina, Marsaxlokk; Triq L-iskal, Marsaskala; Ħal - Far – Żurrieq; Triq Ġużeppi M.Callus - Triq Qrendi, Żurrieq; St.Michael's S/S - Mill S/S – Nigret, Żurrieq; Dingli to Mtarfa New roundabout; Mtarfa bypass - Militarty Cemetery; Militarty Cemetery - Mosta DC - Ph2; Mosta DC – Technopark; Mosta Bridge – Bradford, Naxxar; Via Ragusa to Bradford, Naxxar; Naxxar DC Area; Kalkara Area (Naxxar Reinforcement); Bormla Area (Naxxar Reinforcement); Xgħajra Area (Żabbar Reinforcement); Luqa Reinforcement; Triq Sant Andrija, Swieqi; Sqaq Karlozzu, Paola u Triq il-Girgenti, Siġġiewi; Sliema Ferry; Marfa Breakwater; St Angelo Bridges; Shore Supply North Harbour & Boiler Wharf; Buġibba Breakwater; Pinto 4/5 & Lascaris; Chadwick Lakes; Ras Ħanżir Land Reclamation; Ċirkewwa Columns.

Infrastructure Malta – Proġetti għas-sena 2024

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ x’inhuma l-proġetti li Infrastructure Malta beħsiebha tibda taħdem fuqhom fis-sena 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li Infrastructure Malta għaddejja b’ħemel ta’ xogħol infrastrutturali marittimu u fit-toroq, anke kif imwieġeb fil-mistoqsija parlamentari 15771, Infrastructure Malta għandha pjanat li tkompli bil-ħidma f’parti oħra minn Triq Sant’Andrija, din id-darba bejn il-junctions ta’ Triq Normandy u Triq Villa Rosa. Ser inkunu inwessgħu l-proġett Shore-to-Ship (fil-parti tan-Nofsinhar tal-Port il-Kbir). Preżentament għaddej il-proċess tal-aġġudikazzjoni fuq il-proġett tal-Imsida Creek, liema proġett ser jaħseb għal faċilitajiet ta’ modi alternattivi ta’ vjaġġar bħaċ-ċikliżmu u l-mixi. Il-proġett ser jaħseb f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u żonni ġodda ta’ rikreazzjoni. Madwar 60% ta’ dan il-proġett ikun dedikat għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità. Ser tinbena flyover ġdida, b’tul ta’ madwar mitejn metru, u ser tgħaqqad Triq il-Marina ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli. Din ser tnaqqas l-impatt tat-traffiku minn fuq iż-żoni residenzjali, l-ispazji miftuħa u l-prominad tal-Imsida. Din is-sena mistenni jibda wkoll ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett CSAM, investiment ta’ 35 miljun ewro mifux fuq ħames snin mifrux fuq diversi fażijiet. Dan il-proġett ser ikompli joħloq infrastruttura tajba u sigura għall-persuni li jridu jimxu, jużaw ir-rota jew mezzi oħra lil hinn mill-vettura privata. L-iskop ewlieni huwa li jinħolqu konnessjonijiet effiċjenti għal min jagħżel jew jikkunsidra li juża mezzi alternattivi għall-karozzi. Ir-rotot huma intiżi li jgħaqqdu spazji ħodor u ma’ żoni meqjusin traffikużi bil-għan li jitjiebu l-ispazji urbani u jinħolqu postijiet pubbliċi li jitgawdew minn kulħadd. L-ewwel fażi tal-proġett ser tara li tgħaqqad Sa Maison, il-Belt Valletta u t-Terminal tal-Passiġġieri fil-Port il-Kbir li jgħaddi mill-Blata l-Bajda. B’hekk, f’din il-fażi, Infrastructure Malta, ser tkun qed tagħti b’madwar tliet kilometri ta’ infrastruttura għal mobilità attiva. Infrastructure Malta qed tikkollabora mal-Enemalta f’xogħlijiet infrastrutturali f’numru ta’ lokalitajiet, b’impenn biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-enerġija. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta qed taħdem fil-qrib mal-Kunsilli Lokali biex titkompla l-ħidma f’toroq residenzjali.

Infrastructure Malta – Proġetti — Lista ta’ Kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-kuntratturi li bħalissa qegħdin jaħdmu fuq xi wieħed jew aktar mill-proġetti li qegħdin isiru bħalissa minn Infrastructure Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratturi li qegħdin jaħdmu fuq proġetti ta’ Infrastructure Malta bħalissa, huma dawn – 120 Joint Venture, Asfaltar Ltd, Schembri Barbros Ltd., Bommer Contractors, Bonnici Bros Services Ltd, Cassar Ship Repair Ltd./ Bezzina Maritime Services Ltd, Central Asphalt Ltd, Clint and David Grech Ltd., Denfar Excavators Ltd, Dim and Co Ltd, EAS JV, Elbros Construction Limited, E & L Enterprises Ltd, EXCEL SIS ENERJI URETIM LIMITED, G & P Borg Ltd., Terracore Ltd., Green Building Solutions Ltd., Impresa Colombrita Srl, JM Road Services Ltd., LK Ltd., MAIT Ltd., Northwind Investments Ltd., Philip Agius and Sons Limited, Polidano Brothers Ltd., RM Construction Ltd., Road Maintenance Services Limited, Road Servicing Limited, Sammut Marine Limited, Schembri Barbros Ltd., Schembri Infrastructures Ltd., T & C Ciappara Construction Co. Ltd., Tal-Magħtab Construction Company Limited, V&C Contractors Ltd. and X-CAVA PROJECTS LTD.

Infrastructure Malta – Kuntratturi li ġew blacklisted

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kuntratturi li ġew blacklisted minn Infrastructure Malta u jekk iva, jgħid min huma dawn il-kuntratturi u għaliex ġew blacklisted?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ma għamlet l-ebda talba għall-blacklisting lill-awtorità responsabbli min dan il-proċess.

Trasport pubbliku — Karozzi tal-linja aċċessibbli għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja li qegħdin jintużaw bħalissa humiex kollha aċċessibbli għal persuni b'diżabilità? Jekk iva, x'features għandhom dawn il-karozzi tal-linja li jagħmlu dawn il-karozzi aċċessibbli? Jista' jgħid jekk dawn il-karozzi tal-linja jiġux iċċekkjati sabiex ikun aċċertat li l-features kollha għal persuni b'diżabilità fil-fatt ikunu jaħdmu? Jekk iva, kull meta jsir dan? Jista' jgħid ukoll jekk in-numri u informazzjoni fuq il-karozzi tal-linja li juru r-rotta ġewx ittestjati għal viżibilità speċjalment għal persuni li għandhom nuqqas ta' viżta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif stipulat fil-kuntratt bejn il-Gvern u l-Operatur tat-Trasport Pubbliku, il-karozzi tal-linja kollha fis-servizz tat-trasport pubbliku jrid jkollhom features li jgħinu l-aċċesibbilta għal persuni b’diżabilità. Fost dawn il-features, wieħed jinnota is-segwenti: • Kull vettura hija tat-tip Low Floor, sabiex jiġi iffaċilitat l-imbark u li żbark ta’ persuni bi problemi ta’ mobbiltà, • Huma mgħammra b’rampi li jiffaċilitaw it-tlugħ u l-inżul ta’ wheelchairs mill-karozza tal-linja, • Għandhom post apposta li jakkomodaw wheelchairs abbord, • Kull karozza tal-linja għanda minn tal-inqas żewġt priority seats. Dawn is-seats huma intenzjonati għal persuni li għandhom diffikultajiet ta’ mobbilità, nisa tqal u nies anzjani. Inoltre, l-aċċess huwa mtejjeb peress li bejn l-entratura tal-karozza tal-linja u dawn is-seats ma hemm l-ebda tarġa, • Huma mgħammra b’Audio Announcment System maħsuba biex jgħin persuni b’nuqqas ta’ dawl ikunu jafu fejn jkun wasal il-vjaġġ. Inzid li Transport Malta għandha ħames uffiċjali li parti sostanzjali minn xogħolhom huwa li kull jum jispezzjonaw il-karozzi tal-linja. L-operatur tat-trasport pubbliku jiġi infurmat b’xi nuqqasijiet li jiġu innotati u jingħata perjodu ta’ żmien sabiex jirrimedja dawk in-nuqqasijiet. Wara, l-uffiċjali ta Transport Malta jerġgħu jispezzjonaw dawk il-vetturi sabiex jiġi aċċertat li dawk in-nuqqasijiet ikunu ġew indirizzati. Filwaqt li in-numri u informazzjoni fuq il-karozzi tal-linja li juru r-rotta ma ġewx ittestjati fis-sena mitlub u cioe’ għal viżibilità minn persuni li għandhom nuqqas ta' viżta, intenni li l-karozzi tal-linja huma mgħammra b’Audio Announcment System maħsuba biex jgħin lill-dawn il-persuni ikunu jafu fejn jkun wasal il-vjaġġ.

E-scooters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15338, jista’ l-Ministru jgħid kif ser tkun imħarsa s-sigurtà ta’ dawk li jkunu mexjin fuq il-promenade, b’mod partikolari anzjani, minn sewqan ta’ e-scooters privati? Jista’ jgħid ukoll kif ser jiġi assigurat li tkun inforzata l-liġi li dawn l-e-scooters ma jinstaqux b’veloċità ta’ aktar minn 10 km peress li anke b’dik il-veloċità persuna anzjana li tintlaqat, tispiċċa tweġġa’?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Infurzar ta' Transport Malta tagħmel spezzjonijiet frekwenti fuq il-promenades u l-postijiet fejn jistgħu jinsaqu E-scooters. Inoltre, il-frekwenza ta’ spezzjonijiet tiżdied fix-xhur tas-sajf speċjalment f' zoni turistiċi.

Triq tal-Barrani — Pjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-junctions li hemm magħluqa bil-konkos f'Tal-Barrani huwiex beħsiebu li jibqgħu hekk b'mod permanenti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' kif inhu ppjanat li jkun finalizzat il-pjan tat-triq bejn ir-roundabout ta' Santa Luċija, u l-junction li tagħti għal Kappella ta' Santu Kristu f'Ħal Għaxaq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-junctions imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 16092, Infrastructure Malta qed tevalwa numru ta’ proposti biex tittejjeb l-aċċessibilità għall-lokalitajiet fl-inħawi. Fil-gimgħat li ġejjin, l-istess proposti ser jiġu diskussi mal-Kunsilli Lokali kkonċernati u eventwalment jitressqu quddiem l-Awtorità tat-Trasport għall-kunsiderazzjoni tal-istess Awtorità.

Kappara Junction – Cycle lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li s-cycle lane tat-triq tal-Kappara tkun magħquda mar-roundabout tal-iskate-park, u/jew mal-Università ta' Malta, biex tkun tista' taqdi l-funzjoni tagħha u tipprovdi rotta sigura għal min irid imur l-Università bir-rota?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju, ikun diffiċli li wieħed jgħaqqad is-cycle lane in kwistjoni mal-Iskate Park u l-Universita’ b’mod sigur. Wieħed għandu jinkoraġġixxi l-użu ta‘ rotot oħrajn li jgħaddu minn toroq inqas traffikużi.

Bus Shelters — Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta dwar il-bus shelters? Jista' jgħid ukoll min ser ikun responsabbli tal-bus shelters il-ġodda, u min ser ikun responsabbli tal-manutenzjoni tal-bus shelters?

Response (BONETT, CHRIS)

Is-sena l-oħra intlaħaq ftehim li permezz tiegħu ir-responsabiltà għat-twaqqif ta’ bus shelters ġodda, kif ukoll il-manutenzjoni tal-bus shelters għaddiet għand il-Kunsilli Lokali.