Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8966 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — poizzjonijiet tal-management – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħi l-pakkett finanzjarju, inkluż benefiċċji, marbut ma’ kull pożizzjoni tal-management fl-awtoritajiet u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? L-informazzjoni għandha tkopri l-pożizzjonijiet eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi sal-livell ekwivalenti ma’ Assistent Direttur fis-servizz pubbliku.

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #9039 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet għall-post ta’ Prinċipal Anzjan mas-Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-aħħar eżami għall-post ta’ Prinċipal Anzjan mas-Servizz Pubbliku kif ukoll għal dak li ġie rrapportat li tbaxxiet il-marka tal-ewwel parti tal-eżami u li dan sar għar-raġuni li kienu għaddew 87 biss mill-ewwel parti tal-eżami u fil-fatt kien hemm aktar vakanzi fil-post u peress li ġew appuntati 89 u 9 minnhom ma aċċettawx il-ħatra, jista' l-Prim Ministru jgħid: a. għaliex ma ġewx appuntati 9 persuni oħra jekk dan kien ifisser li kien għad baqa' 9 postijiet vakanti; u b. jekk ma kienx hemm vakanzi fil-post wara sena u erba' xhur u l-eżami jiskadi f'Ottubru 2019, għaliex tbaxxiet il-marka li biha minn ma kienx għadda fl-ewwel parti seta' joqgħod għat-tieni parti u ċjoè l-intervista?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab informat li l-vakanzi jimtlew skont il-ħtieġa tas-servizz pubbliku f’kull ħin.
Leg 13 PQ #9050 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: DAVID STELLINI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati taċ-Ċivil li telqu mill-kariga tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8428 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il impjegat taċ-Ċivil, minn grad 5 ’il fuq, telaq mill-kariga għal raġunijiet li mhumiex trasferiment fl-istess grad jew irtirar minn Marzu 2013 ’il hawn?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

NIxtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #9086 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Senior Operatives IV — skala

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jibdew jitħallsu s-Senior Operative IV b'salarju skala 16, li suppost kienet b'seħħ mill-4 ta Diċembru 2017?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 13 PQ #9089 Sitting 201 2019-02-25 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Grievances Board

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 8886, jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dati u terminu ta’ żmien relevanti meta l-persuni li isimhom ġie anness mat-tweġiba kienu effettivament membri tal-Grievances Board jew bordijiet li jaqa’/jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li taghrif ghadu qed jingabar.
Leg 13 PQ #8460 Sitting 200 2019-02-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Baġit 2019 — Kampanja Pubbliċitarja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7448 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif, kemm u lil min jew lil liema media, saret l-ispiża tal-kampanja pubbliċitarja tal-Baġit 2019?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-ispiża fuq il-kampanja pubbliċitarja tal-Budget 2019 kienet ta €65,719.27. Din tkopri spejjeż marbuta ma’ reklami u avvizi informattivi fuq gazzetti, televiżjoni, radju u online. L-ispiża fuq reklami fuq Google, Facebook u Instagram kienet ta’ €33,701.27 filwaqt li l-ispiza fuq reklami u avvizi informattivi fuq TVM, Net TV, One Group, Times of Malta, The Malta Independent, Lovin Malta, Malta Today, Bay Radio, Torca u Kulħadd kienet ta’ €32,018.
Leg 13 PQ #8596 Sitting 200 2019-02-20 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja — Interior Decoration Unit

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8111 u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jgħid dettaljatament kemm kienu l-ispejjeż fuq interior decoration f’Kastilja mill-2013 ‘l hawn, lil min tħallsu, jekk kienx hemm tender jew le u d-data rispettiva?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-investiment li sar fil-Berġa ta’ Kastilja fl-aħħar 6 snin kien ilaħħaq il-€1,315,023. Dan l-investiment kien jikkonsisti primarjament f’xogħol qawwi ħafna ta’ refurbishment li kien hemm bżonn li jsir fit-taqsimiet kollha li joperaw mill-Berġa ta’ Kastilja. Kwazi l-istess ammont - €1,261,117 - kienu investiti fuq xogħol ta’ refurbishment f’Kastilja mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. L-għan ta’ dan l-investiment li sar matul is-snin dejjem kien dak li jaghti dinjità lill-Berga ta’ Kastilja bħala l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ix-xogħol li sar mill-2013 'il quddiem kien jikkonsisti fost oħrajn f’tibjid u xogħol ieħor relatat tal-uffiċini u tas-swali, interventi fuq is-sistemi tad-dawl elettriku bil-għan li jiġu konformi ma’ standards moderni, tibdil ta’ għamara, xogħol fuq bibien tal-uffiċini, xogħol ta’ skirting , xogħol fuq parquet floorings , xogħol ta’ gypsum , polishing tal-art, xogħol fuq it-twieqi tal-uffiċini u tas-swali, tibdil ta’ purtieri, xogħol fuq sistemi ta’ CCTV u xogħol fuq restrooms u kitchenettes . Infakkar lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar 6 snin il-Berġa ta’ Kastilja ospitat sensiela ta’ avvenimenti relatati maċ-CHOGM u mal-Valletta Summit fl-2015 u anki mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017, apparti madwar 50 żjara minn Kapijiet ta’ Stati barranin, Prim Ministri u personalitajiet ohra. F’Jannar 2014 sfortunatament kien hemm ukoll nirien li ħakmu l-parti tar- reception area tal-Berġa. Il-lista ta’ kumpaniji / individwi li wettqu x-xogħol ta’ refurbishment mill-2013 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-proċedura segwita biex saru x-xogħlijiet neċessarji hija skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern.
Leg 13 PQ #8925 Sitting 200 2019-02-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema tal-Passaporti — Bini ta’ Akkomodazzjoni Soċjali f’Għawdex

Question

B'referenza għal dak li tħabbar mill-Prim Ministru reċentement li se jiġi allokat fond ta' 50 miljun mill-Iskema tal-Passaporti biex jinbnew 500 appartament għall-akkomodazzjoni soċjali, jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn se jkunu mibnija dawn l-appartamenti u kemm minnhom se jkunu f'Għawdex? Dawk li se jinbnew f'Għawdex, f’liema lokalità se jkunu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Leg 13 PQ #8798 Sitting 199 2019-02-19 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konferenza tal-Aħbarijiet dwar il-Budget — nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8301, jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat dwar in-nefqa ta' €13,037 b'rabta mal-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Baġit għas-sena 2019 u li hu flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u l-Ministru għall-Finanzi indirizzaw quddiem il-Berġa ta' Kastilja nhar it-Tnejn 22 ta' Ottubru 2018? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwè fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija nefqa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher hawn taħt : Staging : €5,750 Furnishings : €3,155 Lighting : €2,584 Audio : €1,148 Personnel : €400
Leg 13 PQ #8799 Sitting 199 2019-02-19 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reklmar dwar il-Budget — nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8299, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwè fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar in-nefqa f'reklami fuq is-social media, il-gazzetti u fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju dwar il-Baġit għas-sena 2019?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

M’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 8299.
Leg 13 PQ #8803 Sitting 199 2019-02-19 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Programm ta’ Investitur Individwali – sottomissjonijiet mill-pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar il-Programm ta’ Investitur Individwali bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li saret matul is-sena 2018?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li r-rapport jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jkun qiegħed jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #8904 Sitting 199 2019-02-19 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Telekomunikazzjonijiet u trasmissjonijiet 5G

Question

Peress li f’Malta qed issir riċerka u trasmissjoni b’telekomunikazzjoni 5G minn ditta privata u peress li din il-ġenerazzjoni ta’ komunikazzjoni hi maħluqa biex makni jkunu jistgħu jirrikonoxxu data li l-bniedem mhux kapaċi jlaħħaq magħha u għalhekk peress li hi daqshekk proċess rapidu, din tirrikjedi bandwidth ferm usa u ta’ frekwenza ferm għolja u aktar antennas għat-trasmissjoni, u peress li hu fatt li dawn huma ta’ ħsara lil ċertu ċittadini li huma sensittivi għall-electromagnatic waves u l-konsegwenza fuq is-saħħa pubblika għadha mhux għal kollox determinati, għalkemm l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2011 diġà kklassifikat l-użu tal-mobile 3G bħala riskju ta’ 2B carcinogen, jista’ l-Prim Ministru jgħid xi prekawzjonijiet qed jittieħdu fis-settur tal-komunikazzjoni, immexxi mill-Ministeru tiegħek biex tħares is-saħħa tal-poplu Malti? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li fi gżira li hi popolata aktar milli suppost (overcrowded) qed jittieħdu dawn ir-riskji? Hemm ħsieb li tiġi emendata l-liġi tat-telekomunikazzjonijiet biex dan jitħares?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngharraf lill-Onor Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) bħala l-entità nazzjonali responsabbli mill-immaniġġar tal-frekwenzi tar-radju, ma’ tagħat l-ebda liċenzja għal trasmissjonijiet ta’ servizzi mobbli fuq bazi ta’ esperimentazzjoni jew kummerċjali ta’ natura 5G li jagħmlu użu minn bandwidths ferm usa’, frekwenzi għolja u li għandhom bżonn żieda sostanzjali fin-numru ta’ antenni. Dwar l-effetti tal-electromagnetic waves fuq is-saħħa pubblika, l-MCA toqgħod fuq direzzjoni mogħtija lilha mill-awtorità kompetenti għas-saħħa ambjentali. Għaldaqstant, sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika minn riskji assoċjati ma’ trasmissjonijet, skond l-Att li jirregola l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Kap. 399), operaturi li jipprovdu servizzi u netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma suġġetti għal diversi kundizzjonijet. Fost dawn hemm il-kundizzjoni li l-livell ta’ radjazzjoni minn-netwerks tagħhom irid ikun konformi mal-istandards ta’ l-ICNIRP (International Commission for Non-Ionising Radiation Protection). Dawn l-istandards huma rikonoxxuti minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali bħal l-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Saħħa (WHO) u l-Kumitat Xjentifiku tal-Unjoni Ewropea (SCENIHR). Sa issa, ma ngħatat l-ebda direzzjoni mill-awtoritajiet risponsabbli mis-saħħa ambjentali li jitolbu bidla fil-liġi msemmija sabiex Malta taddotta standards ta’ radjazzjoni li huma aktar riġidi minn dawk tal-ICNIRP. Sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, l-MCA tagħmel kejl fuq antenni tat-telekomunikazzjoni biex tikkonferma li r-radjazzjonijiet elettromagnetiċi huma konformi mal-livelli tal-ICNIRP. Din it-tip t’attivita ilha ssir mill-MCA għal diversi snin u l-medja tar-riżultati tal-kejl ma jeċċedux il-ħamsa fil-mija tal-livell massimu tal-ICNIRP relevanti għall-pubbliku. Id-Dipartiment responsabbli mis-saħħa pubblika jiġi infurmat bir-riżultati miksuba. Dawn ir-riżultati jkunu wkoll ippublikati fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità. Dwar l-istudju tal-WHO indikat fil-mistoqsija, dan jitratta radjazzjoni emessa mill-mobile phones infushom. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu f’dan ir-rigward lill-Ministru responsabbli.
Leg 13 PQ #8821 Sitting 198 2019-02-18 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati Għawdxin fil-grad ta’ Uffiċċjal Eżekuttiv fis-Settur Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati minn Għawdex, fil-grad ta' Uffiċċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku, li qed jaħdmu f'dipartimenti f'Malta? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru minnhom jibdew jaħdmu f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu dan in-numru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Huma 18 l-impjegati minn Għawdex, fil-grad ta' Uffiċjal Eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku, li qed jaħdmu f'dipartimenti f'Malta. Għat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan huwa eżerċizzju kontinwu.
Leg 13 PQ #8839 Sitting 198 2019-02-18 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8551 u 8692 u ċjoè: Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-servizz pubbliku kollu fil-prezent hemm 5,445 mara f’pożizzjoni ta’ tehid ta’ decizjonijiet fil-grad ta’ Principal jew 'il fuq. Fl-2008 kien hemm 4,900. Fit-top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, waqt li llum hemm 426 mara, fl-2008 kien hemm 195. Għal dawk li huma entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, illum hemm 147 mara f’pożizzjoni ta’ tehid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Principal jew 'il fuq. In-numru ta’ nisa f’pożizzjoni ta’ tehid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Principal jew 'il fuq, fl-entitajiet taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kienu diġà jeżistu ħdax-il sena ilu, żdiedu minn 14 fl-2008 għal 51 illum.
Leg 13 PQ #8886 Sitting 198 2019-02-18 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Grievances Board - membri

Question

In segwitu għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 8672, 8673, 8674, jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Grievances Board jew bordijiet li jaqa’/jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess kollu tal-Grievances Boards sar bil-kunsens tal-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku u tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Fl-istess ħin it-tliet membri li servew fuq kull Grievances Board, inħatru abbażi ta’ proċedura sanzjonata fl-2012 mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar użu ta’ uffiċjali pubbliċi irtirati. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li f’dan il-proċess l-Uffiċċju tal-Ombudsman inżamm bħala possibbilità għall-appell f’każ li persuna ma qablitx mar-rakkomandazzjoni ta’ xi wieħed mill-Grievances Boards. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 13 PQ #8426 Sitting 197 2019-02-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tour de Capitales — użu ta' private jet - spiża

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-użu tal-private jet fit-Tour des Capitales li huwa għamel fix-xhur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant li fix-xhur tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE kien hemm tour de capitales wieħed, bejn it-28 ta’ Frar 2017 u t-2 ta’ Marzu 2017. Dan it-tour de capitales serva biex il-Gvern Malti, kif jagħmlu l-gvernijiet li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, ddiskuta l-prioritajiet tal-Presidenza Maltija u l-isfidi quddiem l-UE, ma’ numru ta’ gvernijiet oħra Ewropej. Matul dan it-tour de capitales, f’isem il-Gvern Malti kelli laqgħat mal-Prim Ministri tal-Iżvezja u tar-Repubblika Ċeka fit-28 ta’ Frar, mal-Prim Ministri tal-Ungerija u tal-Greċja fl-1 ta’ Marzu u mal-President ta’ Ċipru u l-Prim Ministru tal-Italja fit-2 ta’ Marzu. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’kollox saru 8 vjaggi bl-ajru, minn Malta għal Stokkolma, minn Stokkolma għal Praga, minn Praga għal Budapest, minn Budapest għal Ateni, minn Ateni għal Malta, minn Malta għal Nicosia, minn Nicosia għal Ruma u minn Ruma ghal Malta. Mingħajr l-użu tal-private jet ma kienx ikun possibbli li jsiru dawn il-vjaġġi kollha fi żmien jumejn. Fl-istess ħin b’dan il-mod tnaqqsu b’mod sostanzjali l-ispejjeż fuq lukandi għall-membri tad-delegazzjoni. Jakkumpanjawni matul dan it-tour de capitales kien hemm 14–il persuna fost oħrajn is-sur Louis Grech u Dr George Vella li fil-leġiżlatura li għaddiet kienu jokkupaw il-karigi ta’ Deputat Prim Minisru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Onor. Ian Borg li fil-leġiżlatura li għaddiet kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza ta’ Malta, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta ghall-Unjoni Ewropea flimkien ma’ membri mis-segretarjati privati rispettivi. Kien hemm ukoll membri tal-media lokali. L-ispiża kienet ta’ €79,600. Kif jaf l-Onor. Interpellant l-uzu tal-private jet għal impenji uffiċjali minn naħa tal-Prim Ministru f’pajjiżna, hija prassi li tmur lura għal qabel l-2003. Bejn l-2008 u l-2012, b’differenza mil-lum, kien hemm anki membri ohra tal-kabinett, mhux il-Prim Ministru biss, li ħassew il-ħtieġa li jagħmlu użu mill-private jet għal impenji uffiċjali li kellhom, u li b’differenza mit-tour de capitales, kien jinvolvu destinazzjoni waħda biss.
Leg 13 PQ #8433 Sitting 197 2019-02-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – użu ta’ private jet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba għamel użu minn private jet fl-2017, 2018 u 2019 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’każ affermattiv, kemm kienet l-ispiża u fejn kienet id-destinazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għamilt użu mill-private jet fuq xogħol uffiċjali, f’19-il okkażjoni fl-2017, f’14-il okkażjoni fl-2018 u f’okkażjoni waħda fl-2019. L-ispiża medja għal kull darba li sar użu mill-private jet kienet ta’ €14,396. Il-maġġoranza assoluta tad-drabi li għalihom sar użu mill- private jet kienu relatati ma’ laqgħat tal-Unjoni Ewropea fejn il-Gvern Malti ngħata lura parti sostanzjali mill-ispiża. Impenji oħra fejn intuża l- private jet kienu marbuta mal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE, laqgħat tal-Prim Ministri tal-pajjiżi tal-Mediterran membri tal-UE u l-kommemorazzjoni tat-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija fost oħrajn. Id-destinazzjonijiet tal-impenji li għalihom intuża l-private jet fl-2017, 2018 u 2019 kienu l-Belġjum, l-Italja, Spanja, Franza, l-Estonja, l-Greċja, l-iSvezja, Ivory Coast, il-Portugall, l-Awstrija, l-iSlovakkja, l-Portugal, Ċipru, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka. Kif jaf l-Onor. Interpellant l-użu tal-private jet għal impenji uffiċjali min-naħa tal-Prim Ministru f’pajjiżna, hija prassi li tmur lura għal qabel l-2003 meta kien hemm mal-10 okkażjonijiet fejn il-Prim Ministru għamel użu mill-private jet biex mar il-Greċja, it-Turkija, il-Libja, Slovakja, il-Polonja, Franza u anki l-Germanja. Wara l-2003 il-Prim Ministru għamel użu mill-private jet għal 70 darba biex mar l-Ungerija, il-Belgjum, l-Italja, l-Lussimburgu, Spanja, l-Fillandja, l-Ingilterra, Franza, l-Portugal, l-iSvizzera, r-Rumanija, ċ-Ċina, r-Repubblika Ċeka, l-iSlovakkja, l-Ġermanja, l-Greċja, l-Libya u r-Rumanija. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn l-2008 u l-2012, b’differenza mil-lum, kien hemm anki membri oħra tal-kabinett, mhux il-Prim Ministru biss, li ħassew il-ħtieġa li jagħmlu użu mill-private jet għal impenji uffiċjali li kellhom.
Leg 13 PQ #8791 Sitting 197 2019-02-13 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru –Grievances Boards

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8306 u jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liemu kienu l-Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #8708 Sitting 196 2019-02-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti, Awtoritajiet, Aġenziji u entitajiet governattivi – ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8123 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu, ħaddiema Għawdxin ġewwa Malta f'Dipartimenti, Awtoritajiet, Aġenziji u entitajiet governattivi sena b’sena, mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema Entità, Dipartiment, Awtorità, Aġenzija qed jaħdmu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamenatri 8288. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #8672 Sitting 195 2019-02-11 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Grievances Board — membri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Grievances Board kurrenti, li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngharraf lill-Onor Interpellant li it-tagħrif mitlub huwa dan : Cerperson : Is-Sur Joseph Bonello Membri : Is-Sur Paul Debattista u s-Sa Catherine Falzon Membru sostitut : Is-Sur Lawrence Flask