Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li waqqaf kumissjoni nazzjonali biex tistudja dwar il-problema tal-pressjoni għolja fil-poplu Malti u Għawdxi? Jista' jgħid min kienu l-membri li ħadu sehem f'dan l-istudju? Jista' jgħid meta se jippubblika l-istudju u r-rapport finali ta' din l-kummissjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ma twaqqfet l-ebda Kummissjoni Nazzjonali biex tistudja dwar il-problema tal-pressjoni għolja fil-poplu Malti u Għawdxi. Il-pressjoni għolja ġiet identifikata bħala wieħed mill-fatturi ta’ riskju fl-Istrateġija għall-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard li ma Jittieħedx, u għaldaqstant il-pjanijiet huma li din il-problema tiġi indirizzata f’dan l-ambitu.
statistika fuq kanċer relatat mal-problemi respiratorji
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-aħħar statistika uffiċjali li għandna dwar kanċer relatat mal-problemi respiratorji? Jista' jikkategorizza dawn ir-riżultati u jgħid minn liema żona tal-pajjiż dawn il-pazjenti kienu ġejjin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ir-rati ta’ inċidenza (kull 100,000 persuna) ta’ kanċer tal-pulmun dawn l-aħħar snin (2005-2007) skont ir-reġjuni differenti f’Malta u Għawdex hija kif tidher fit-tabella hawn taħt:
Irġiel
Nisa
Port il-Kbir (S.Harbour)
65.63
7.57
Marsamxett (N.Harbour)
45.37
14.32
Xlokk
63.84
7.35
Punent
70.57
3.80
Tramuntana
43.71
15.06
Għawdex u Kemmuna
38.03
11.26
Total
52.22
10.06
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi kardjo vaskulari li qed jifaċċja il-pajjiż b'mod ġenerali? Kemm jikkalkula li hemm pażjenti li għandhom problemi kardjo vaskulari sal-ewwel tliet xhur tas-sena 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
F’Malta ma jinżammx reġistru ta’ mard kardjovaskulari minħabba d-diffikultà biex tinġabar informazzjoni sħiħa dwar il-prevalenza ta’ dan il-mard, ġaladarba ħafna minn dawn il-pazjenti jieħdu l-kura neċessarja mingħand it-tabib tal-familja tagħhom.
L-aħjar sors ta’ informazzjoni dwar din ix-xorta ta’ mard li għandu d-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka huwa stħarriġ Ewropew li jsir darba kull ħames snin fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni adulta ta’ Malta.
Skont l-aħħar stħarriġ li sar fl-2008, dawn kienu l-persentaġġi tal-popolazzjoni li jindikaw li jbatu, jew xi darba batew, minn dan il-mard kardjovaskulari.
Prevalenza
Pressjoni għolja
22%
Attakk tal-qalb
3%
Mard koronarju
3%
Puplesija
1%
Sors:
European Health Interview Survey, 2008
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-Kaxxa ta' Malta f 'għajnuna u kura li l-istat jagħti li pazjenti li għandhom problemi kardjo vaskulari?
Response (CASSAR, JOSEPH)
M’huwiex possibbli li tinġabar l-informazzjoni mitluba minħabba ir-raġunijiet kif jidher hawn taħt:
1. Hemm firxa wiesgħa ta’ problemi relatati ma’ kundizzjonijiet kardjo vaskulari;
2. F’diversi każi il-problemi kardjo vaskulari huma marbuta ma’ kundizzjonijiet oħra;
3. Minbarra li pazjenti jiġu ttratati bħala inpatients, il-pazjenti bi problemi kardjo vaskulari jiġu segwiti fid-Dipartiment tal-Outpatients, fejn ma jiġux reġistrati id-dijanjożi kliniċi tad-discharge u għalhekk m'hemmx rekord ta’ attivitajiet relatati ma’ problemi kardjo vaskulari.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li matul ix-xhur tas-sajf ikun hemm ambulanza on call fil-viċinanzi tal-bajjiet popolari, u frekwentati ħafna mill-Maltin u barranin? B'mod partikolari, jista' jagħti tagħrif jekk tali ambulanza hux se tkun preżenti fl-inħawi tal-Għadira, Buġibba u Golden Bay?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Bin-numru ta’ ambulanzi tal-emerġenza li hemm fis-servizz, mhuwiex possibbli li jkun hemm ambulanza permanenti on call mal-bajjiet principali tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Madankollu iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta joffri servizz ta’ ambulanza kuljum sat-6.45 p.m. biex jintlaħqu dawn il-bajjiet.
Fil-mument fid-Dipartiment tas-Saħħa ġie ngaġġat konsulent fil-mediċina tal-emerġenza li qed jagħmel programm nazzjonali ta’
pre-hospital care
. Dan il-programm jinkludi fih it-tqassim mill-ġdid tal-istazzjonijiet tal-ambulanzi f’Malta, anke fuq livell staġjonali. Meta dan ikun lest din il-Kamra tkun infurmata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li jinfetħu xi uffiċċju distrettwali ġodda għal dawk li huma magħrufa bħala l-Uffiċċju tas-Sanità madwar Malta? Jekk iva, fejn hu mistenni li jinfetħu dawn l-uffiċċji?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali kienu ingħalqu xi snin ilu fl-ambitu tal-politika biex dan is-servizz jiġi ċentralizzat biex hekk ikun hemm ko-ordinament aħjar tar-riżorsi u jingħata servizz aħjar lill-pubbliku. F’dan il-qafas ma hemm l-ebda ħsieb li jinfetħu uffiċċji distrettwali ġodda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta wieħed imur għand tabib tal-poliklinika biex jieħdulu l-pressjoni għandux bżonn appuntament? F’każ li hemm bżonn, jista' joħroġ struzzjonijiet biex it-tabib li jkun fil-poliklinika ma jibgħatx nies lura minħabba li ma jkollhomx appuntament meta ma jkollux nies oħrajn jistennew biex jarahom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li ma hemmx bżonn ta’ appuntament biex wieħed imur għand it-tabib tal-familja f’xi wieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa. Ikun hemm biss bżonn ta’ appuntament fil-bereġ. Ta’ min jgħid li t-tobba li jaraw pazjenti fil-bereġ għandhom struzzjonijiet biex f’każ li xi pazjent ma jattendix, jaraw lil pazjenti oħra li ma jkollhomx appuntament, speċjalment f’każijiet urġenti.
Persuni li taħt il-kura tal-cancer — chimo bid-drip
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li persuni li jkunu taħt il-kura tal-cancer u jkollhom bżonn jieħdu chimo bid-drip qed jgħidulhom biex jixtruh? Huwa minnu li dan jiswa €2,200 kull ġimgħatejn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa jipprovdi diversi mediċni għall-kura tal-cancer u din il-lista qegħda dejjem tikber hekk kif jiġu approvati mediċini ġodda. M’huwiex minnu li pazjenti bil-cancer qegħdin jiġu mġagħla jixtru l-mediċini speċifikament għax din il-mediċina tiġi amministrata bid-drip. Iżda hemm ċirkustanzi fejn il-konsulent jidhirlu li hemm mediċina li ma tiġix provduta mid-Dipartiment li tista’ tkun ta’ għajnuna f’każ partikolari. F’din iċ-ċirkustanza l-pazjent jiġi offrut il-possibilita’ li jixtri din il-mediċina u tiġi amministrata fl-isptar tal-Gvern. Ta' min jgħid li hemm pajjiżi fl-Ewropa bħall-Ingilterra u Franza fejn jekk il-mediċina ma tkunx approvata mill-Gvern ma hix il-parattika li dan is-servizz jingħata fl-isptar tal-Gvern.
Sptar Mater Dei — overtime fis-Central Sterile Service Department
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom jintgħażlu n-nies biex jagħmlu l-overtime fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-overtime jintuża biss fejn jirriżulta li jkun hemm kazi ta’ sick leave jew nuqqas ta' nies f’każ ta’ żieda fix-xogħol. Meta jkun hemm din il-ħtieġa ta’ overtime, il-ħaddiema fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service jiġu allokati l-istess ammont ta’ sigħat, ovvjament kemm huma jkunu disponibbli li jagħmlu overtime, fuq bazi ta’ rotazzjoni. Biex ħaddiem jintalab jagħmel l-overtime aktar minn ħaddieħor ir-raġuni tkun jew għax min imissu jirifjuta jew ma jkunx jista’ jagħmel l-overtime, jew inkella r-raġuni tkun purament ta’ natura teknika jew amministrattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nies ħadu l-vaċċin tal-H1N1? Kemm-il vaċċin xtara l-Gvern Malti? B'liema prezz? Kemm-il vaċċin spiċċa ma ntużax? X'sar mill-vaċċini li ma ntużawx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
In-numru ta’ dożi ta’ vaċċin kontra l-influwenza pandemika li ngħataw bejn l-2009 u l-2010 kien ta’ 92,043. In-numru ta’ dożi li għandhom maħżuna huwa ta’ 239,620.
Bħalissa għadu qed jiġi evalwat x’jista jsir minn dawn id-dożi u deċizjoni tkun tista’ tittieħed wara li l-informazzjoni neċessarja minn sorsi internazzjonali dwar fatturi ta’ risku tkun stabbilita.
Peress li l-kuntratt mal-kumpannija GSK jistabbilixxi li tali prezz ma jiġix magħmul pubbliku, mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni dwar l-ispiża involuta iżda nista’ ngħid li n-nefqa totali kienet ta’ bejn l-€2,500,000 u t-€3,000,000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li hemm ġo Triq il-Kbira Tas-Sliema għaddiex mill-inspettorat tas-saħħa minn snack bar għal restaurant? Ġaladarba saru ilmenti min-nies mad-Dipartiment tas-Saħħa, jista' l-Ministru jivverifika jekk il-livell ta' rwejjaħ li joħorġu mill-bitħa tal-istess bar għal ġod-djar tan-nies hijiex aċċettabbli? Jekk saru spezzjonijiet, jista' jinforma x'inhu l-esitu tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda talba għal change of use minn snack bar għal restaurant mill-Awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta’ permessi, li huma d-Dipartiment tal-Kummerċ, l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu jew l-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Skond l-Att dwar is-Sigurtà fl-Ikel kull persuna responsabbli għall-immaniġjar ta’ kull fond tal-ikel hija responsabbli sabiex tirreġistra tali stabbiliment mas-Segretarjat Kummissjoni Għas-Sigurta` fl-Ikel. L-istabbiliment imsemmi qiegħed irreġistrat bħala
snack bar
mal-istess Kummissjoni u dan mit-22 ta’ Marzu tal-2003.
Ninsab infurmat ukoll li f’Diċembru tas-sena li għaddiet kien sar ilment wieħed rigward irwejjaħ ħerġin mill-istess stabbiliment. Wara spezzjoni li kienet saret minn uffiċċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dan l-ilment ma ġiex ikkonfermat. Din is-sena ma saru l-ebda lmenti dwar irwejjaħ fuq dan l-istess stabbiliment madankollu fit-8 ta’ Ġunju, 2010 saret spezzjoni oħra u għal darb’oħra ma kienx hemm irwejjaħ.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan li dettalji qed jingħataw separatament, li jinsab waħdu d-dar u li għandu 87 sena u issa sar diffiċli biex jibqa' d-dar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li d-dipartiment irċieva l-applikazzjoni tal-anzjan imsemmi fit-13 t’April 2010 u l-file intbagħat għal social assessment. Social Worker marret tagħmel l-assessment fis-17 ta’ Mejju 2010. Il-file intbagħat biex jidher quddiem il-Bord ta’ Ammisjoni, liema każ ser jidher quddiem il-Bord dalwaqt.
Jista' l-Ministru jara li jibdel is-servizz ta' telecare ta' anzjana li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kull darba li dan it-telecare ikun bil-ħsara jgħidulha li dan għandu diffett?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-anzjana msemmija kienet ċemplet lit-Telecare Centre xi tliet ġimgħat ilu biex tinfurmhom li għandha it-telecare set bil-ħsara. Id-Dipartiment irrapporta din il-ħsara lill-kumpanija GO peress li s-settijiet tat-telecare huma kollha proprjeta tagħhom.
It-technician tal-GO ċempel lill-anzjana fuq is-sett tagħha u din weġbitu.
Fit-8 ta’ Ġunju 2010 it-Telecare Centre reġa’ għamel kuntatt mal-anzjana biex jistaqsuha jekk reġgħatx għandha ħsara u din irrispondiet li s-set tat-telecare ma jkunx il-ħin kollu bil-ħsara. It-Telecare Centre reġa’ kellem lit-technician tal-GO u dakinhar stess tagħha telecare set ieħor.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħol ta' natura legali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17945 u 17364 u jgħid kemm ingħata xogħol ta' natura legali fl-aħħar sitt xhur? Lil min ingħata? Ingħata b'direct order jew sejħiet għall-applikazzjoni? X'kienet il-biċċa xogħol u kemm kien il-ħlas għal kull biċċa xogħol?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17841 u jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan ta' 80 sena li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li applika biex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li ma jistax jibqa' jgħix waħdu? Jista' jagħti attenzjoni xierqa lil dan il-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija ġiet ammessa f’Casa Serena taħt l-iskema tal-Public Private Partnership.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' twelid ta' trabi f'pajjiżna matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jagħti ukoll breakdown tas-sess, ċioe maksili, feminli, twemin, eċċ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Marzu 2010 ġew irreġistrati li twieldu 1,003 tarbija; minn dawn 517 kienu maskili u 486 kienu feminili. Kien hemm 26 tarbija (13 twelid) tewmin u 6 trabi kienu “triplets” (2 twelid).
pazjenti jieħdu kura medika fi sptarijiet barra minn xtutna
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pazjenti li fil-mument qed jiġu rikoverati għall-kura medika fi sptarijiet barra minn xtutna? F'liema sptarijiet u f'liema pajjiżi qegħdin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmata li fil-mument hemm 24 pazjent li qed jirċievi kura medika fi sptarijiet ġewwa l-Ingilterra. Il-pazjenti qed jirċievu kura fl-Isptarijiet li huma msemmijja hawn taħt.
· Royal Marsden Hospital, Sutton
· King’s College Hospital, London
· Great Ormond Street Hospital, London
· Nuffield Orthopedic Centre, Oxford
· Moorfields Eye Hospital, London
· National Hospital for Neurology and Neurosurgery, London
· John Radcliffe Hospital, Oxford
· St. Thomas Hospital, London
· Bristol Eye Hospital, Bristol
· Royal National Orthopedic Hospital, Stanmore.
Jista' l-Ministru jara li jingħata aktar kumpens lill-anzjan, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li bagħat flus lit-tifel tiegħu ġewwa Scotland u għax il-postal order ntilef, huwa ħa biss kumpens ta' €34.64? Jista' jidħol fil-każ biex isir ġustizzja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' single parent li talbet t-tobba tagħha jagħmlulha MRI u sal-lum għadha ma ngħatatx l-appuntament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-appuntamenti għall-MRI jitmexxew skont l-urġenza tal-każ u mhux fuq il-bażi ta’ first come first served. Il-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tista’ tmur għand it-tabib li rreferiha għall-MRI u jekk it-tabib iħoss li l-każ huwa urġenti, għandu jikkuntattja lill-Konsulent Radjologu fid-Dipartiment tal-Medical Imaging tal-Isptar Mater Dei biex jiddiskutu l-każ u tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-antenni tal-mobile phones ta' fuq il-bjut li huma repeaters u l-mobile phones stess jikkawżawx cancer lil min jagħmel użu minnhom u ukoll lil dawk li jkunu fil-viċinanza tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jħares is-saħħa taċ-ċittadin f'dan ir-rigward? Jista' jippubblika l-istudji li qiegħed jagħmel użu minnhom ħalli jagħti t-tweġibiet tiegħu f'dan ir-rigward? Jista' jghid x'effetti għandhom ir-repeaters tal-mobile phones fuq l-ambjent ta' madwarhom ? Jista' jgħid sarx xi studju lokalment biex janalizza l-effett ta' dawn ir-repeaters fuq l-ambjent tal-madwar, fid-dawl li hemm min jista' jixhed li fil-ġnien tiegħu l-anqas għasafar m'għadhom jinżlu wara li fil-viċinanza twaħħlu repeaters tal-mobile phones?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.