Legislature:
Category:
Reset
Active:

każ ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-kont tad-dawl u l-ilma li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u li ilu ma jintbagħat mis-26 ta’ Frar, 2010 jintbagħat kemm jista' jkun b’mod immedjat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ingħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

dental surgery assistants — skali taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiddaħħlu fl-iskali taċ-Ċivil l-impjegati li qed jaħdmu bħala dental surgery assistants?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru tas-Saħħa.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — service contract agreements

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — Emission Abatement Equipment - Urea u bicarbonate soda

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-għoti ta' kuntratt biex il-Korporazzjoni Enemalta tikseb provvista regolari ta' urea u ta' bicarbonate soda għall-emission abatement equipment tal-estensjoni tal-power station f'Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta ħarġet żewġ tenders: · Period Contract for the Supply and Delivery of Granular Urea to Delimara Power Station li ħarġet fl-10 ta’ Mejju 2011 u li se tgħalaq fit-12 ta’ Lulju 2011. · Tender for the Supply and Delivery of Sodium Bicarbonate to Delimara Power Station li ħarġet fl-24 ta’ Ġunju 2011 u li se tgħalaq fl-4 ta’ Awwissu 2011.

Ħal Qormi — Triq Pawlu Farrugia - ħsarat tal-għargħar fuq ħwienet tax-xogħol, mħażen u djar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26799 u jgħid jekk il-Gvern iddiskutiex il-possibilità li jagħti kumpens lil dawk li ġarrbu ħsarat estensivi, fil-ħwienet tax-xogħol, mħażen u djar tagħhom fi Triq Pawlu Farrugia Ħal Qormi konsegwenza ta' għargħar li seħħ fil-25 ta' Ottubru 2010 u li seħħ minħabba nuqqasijiet amministrattivi fil-bini tal-pont li hemm fi Triq Correa, kif ukoll minħabba żbalji oħra ta' nuqqas ta' ppjanar tekniku? Jekk il-Gvern iddiskuta, x'kien l-eżitu ta' din id-diskussjoni? Jekk le, għaliex il-Gvern ma nteressahx minn dak li ġara lin-nies b'mod inġust?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26799.

Delimara u Marsa Powerstations — tunnel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-istima tal-prezz tas-service tunnel li jgħaqqad Delimara u l-Marsa powerstations qabel ma dan sar, u kemm fil-fatt ġie jiswa dan it-tunnel meta tlesta? Jista' l-Ministru jgħid l-isem tal-kumpanija li rebħet it-tender maħruġ minn Transport Malta biex tagħmel il-feasibility study għat-tunnel propost bejn Malta u Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istima oriġinali kienet ta €4,817,911.72. Sussegwentement minħabba modifiki fil-permessi tal-MEPA u problemi ġeoloġiċi fil-blat tal-mina, il-pjan tat-tfassil kellu jiġi modifikat u l-alterazzjonijiet ġew jiswew €3,895,761.78. Dan ix-xogħol beda fis-sena 2000 u tlesta fis-2010. Il-proġett totali ġie jiswa €8,713,673.50.

Selmun Palace

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24539, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn negozjati li kienu qegħdin isiru ma' Caterina Vitale għal bejgħ tal-lukanda Selmun meta skond ir-risposta l-ħaddiema kellhom jibqgħu impjegati fil-lukanda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara li d-Dipartiment tal-Artijiet sejjaħ lil Caterina Vitale Ltd biex tersaq għal kuntratt tax-xiri tal-lukanda Selmun skond it-tender li tefgħet, l-istess kumpannija ma resqitx għal kuntratt, u t-tender waqa’.

Ħal Qormi — triq maġenb il-PAVI

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27201 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-triq li permezz tagħha toħroġ mill-kumpless PAVI f'Ħal Qormi u li tiġi mal-ġenb tal-wied, hijiex triq privata (parti mill-kumpless) jew pubblika?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq li permezz tagħha toħroġ mill-kumpless PAVI f'Ħal Qormi u li tiġi mal-ġenb tal-wied hija triq privata li parti minnha hija soġġetta għal ċens temporanju dovut lill-gvern.

Benefiċċju tad-dawl u l-ilma

Question

Tista' l-Ministru tghid il-persuni, li d-dettalji taghhom qed jintbagħtu separatament, kemm-il beneficcju tad-dawl u ilma rċevew mis-sena 2006 sal-lum u kemm minn dawn il-beneficcji effettivament ġew użati u minn min?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali.

sejħa għall-offerta ta' art mogħtija għal skop agrikolu

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27252, jista' l-Ministru jgħid għal liema skop hija mikrija din l-art u jekk hix mikrija lis-sid tal-art adjaċenti? Jista' jgħid ladarba il-parti kbira tal-art mhijiex kultivabbli, x'inhu l-iskop għala din l-art se tingħata b'ċens? Jista' jirrispondi l-aħħar parti ta' din il-mistoqsija, jiġifieri kemm ingħataw artijiet għal skop agrikolu b'ċens f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-art li fil-maġġur parti tagħha mhijiex kultivabbli, kienet tifforma parti minn art akbar ħafna li kienet mikrija mill-Knisja għall-skop agrikolu. Min qiegħed jaħdem din l-art kien applika skont l-iskema tas-sena 2000 ħalli jiġi rikonoxxut hu. Dan ir-rikonoxximent kien sar f’Diċembru 2009. F’Ottubru 2010 l-inkwilina talbet tieħu din l-art b’ċens u wara li saru l-konsiderazzjonijiet meħtieġa mit-Tender Committee, dan il-Kumitat ħass li ma kien hemm l’ebda telf li jagħti din l-art b’ċens bil-kera ta’ mhux anqas ta’ €1,500 kull sena, meta l-kirja kienet biss €33.75 fis-sena. L-inkwilina m’hijiex is-sid ta’ l-art adjaċenti. F’dawn l-aħħar tlett snin ma ingħatawx artijiet għal skop agrikolu taħt it-titolu ta’ ċens, imma jekk ikun hemm talbiet bħal dawn, it-Tender Committee jikkonsidrahom

Bejgħ ta' fond tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ta' Malta ma biegħx il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, wara li dawn il-persuni li jgħixu fil-blokka li jabitaw fiha ġew inkoraġġiti mill-Awtorità tad-Djar biex jixtru dan il-fond?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li qed isir eżerċizzju fuq il-proprjetà kollha tal-gvern li hemm fil-lokalità fejn jinsab il-fond li d-dettalji tiegħu intbaghtu separatament, talbiet għall-bejgħ ta’ proprjetà f’din il-lokalità għalissa huma miżmuma.

Imgħaxijiet fuq refunds tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-imgħaxijiet imħallsa fuq refunds tal-VAT li kienu overdue, sena b'sena mill-2001 sal-2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Impożizzjoni ta' VAT fuq binjiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-pożizzjoni mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-impożizzjoni ta' VAT fuq binjiet ġodda, u jekk deċiżjonijiet minn pajjiżi oħra li jibdew jimponuha jimpinġux fuq il-pożizzjoni ta' Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud il-provvista ta’ bini u art għall-bini hi normalment provvista taxxabbli. Madankollu artikolu 387 tad-Direttiva jipprovdi li f’Malta tali provvista hi eżenti bla kreditu bis-saħħa tad-deroga li l-gvern kien innegozja mad-dħul ta’ Malta fil-Komunità Ewropeja. Din id-deroga tibqa’ tgħodd sakemm ikun għad hemm stati membri oħra li japplikaw eżenzjoni simili.

Servizz Pubbliku — Accrual Accounting - Project Board

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija 26732 u jgħid x’sar mill-Project Board dwar id-dħul tas-sistema tal-accrual accounting fis-Servizz Pubbliku, ix-xogħol ta’ liema bord kemm-il darba rrefera għalih meta wieġeb mistoqsijiet dwar meta se tidħol din is-sistema? Jista’ jagħti d-dati tal-laqgħat tal-bord minn meta ġie ffurmat s’issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — housing estates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25929 u 24759 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u issa ġiet riferuta lilu u jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta nbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Numru ta' persuni ddikjarati li joqogħdu f'household

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-numru ta' persuni f'household jiddeterminax ir-rata ta' ħlas ta' units sew fil-każ tad-dawl kif ukoll fil-każ tal-ilma? F'kazijiet fejn in-numru ta' persuni f'household kien żbaljat (anqas minn numru ta' persuni li realment joqogħdu fir-residenza) għal numru ta' snin, jista' l-Ministru jgħid jekk dan jistax jiġi ikkreditat lilhom f'kont sussegwenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rati tal-ħlas ta’ units li jiġu applikati fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, huma skond dawk li huma inklużi fl-avviż legali. In-numru ta’ persuni f’ household iżda, jiddetermina l-ammont ta’ eko-riduzzjoni. F’każ li ma jkun hemm l-ebda persuna reġistrata, l-avviz legali teżiġi li t-tariffa tkun waħda Domestika flok Residenzjali F’dawk il-każijiet fejn l-ARMS tkun irċeviet id-dokumentazzjoni meħtieġa dwar in-numru ta’ persuni u tivverifika li jkun sar xi żball amministrattiv, jista’ jingħata kreditu lura f’kont sussegwenti, wara li jkunu saru r-reviżżjonijiet neċessarji.

Dipartiment tal-VAT — rapport tal-bord t’inkjesta

Question

Billi l-Ministru dehrlu li seta' jippreġudika s-sensittività tal-ħidma li tinsab għaddejja fi ħdan id-Dipartiment tal-VAT kontra l-evażjoni mit-taxxa, jekk jiġi ppublikat ir-rapport sħiħ tal-KPMG li ġie mgħoddi lid-Direttur tal-VAT fi Frar 2010 flimkien mar-rapport tal-bord t’inkjesta, jista' l-Ministru almenu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra executive summary ta’ dan ir-rapport ħalli wieħed ikollu idea ċara tan-nuqqasijiet amministrattivi fid-dipartiment li setgħu ġew identifikati u elenkati fl-istess rapport?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25987.

Servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li koppja żagħżugħa, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-servizz tal-ilma tingħata dan is-servizz biex ikunu jistgħu jkomplu l-post?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Tqiegħed ta' main tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' tendering biex jitqiegħed il-main tad-drenaġġ fit-toroq Port Ruman, Tamar, Alofju Wignacourt, fl-partijiet tagħhom li għad m'għandhomx servizz tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa għal dan ix-xogħol se tiġi ppublikata fil-ġranet li ġejjin minn Transport Malta.

tiswija ta' bozoz f'toroq arterjali

Question

Billi numru ta' bozoz f'toroq arterjali ilhom maqtugħin ġimgħat sħaħ (bħala eżempju nsemmi ħdejn l-Università, it-triq li minn Burmarrad tieħu għall-Mosta, u l-Bajja tax-Xemxija) jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-ħsarat jissewwew mingħajr iktar dewmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-manutenzjoni meħtieġa sejra ssir flimkien ma’ xogħlijiet oħra simili fil-jiem li ġejjin.