Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #3183 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Serqiet Rapportati mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 2522 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-pulizija li saru fil-ministeru/dipartamenti/entitajiet/awtoritajiiet eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru minn Jannar sa Settembru 2008? Kemm kien il-valur globali in kwistjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Barranin li daħħlu l-Ispatr Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni ta’ nazzjonalità barranija, mill-UE u minn pajjizi terzi, li ddaħħlu bħala pazjenti fl-Isptar Mater Dei minn meta infetaħ? X’kienu r-ragunijiet li għalihom daħlu l-isptar? Kemm kien l-ammont ta’ flus totali li tħallas minn dawn il-persuni għas-servizzi provduti mill-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema Barranin jaħdmu Malta

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema barranin li bħalissa qegħdin jaħdmu Malta? Kemm minn dawn il-ħaddiema ġejjin mill-pajjizi ta’ l-Unjoni Ewropea u kemm minn pajjiżi terzi? Kemm minn dawn il-ħaddiema ġejjin specifikament mir-Rumanija u l-Bulgarija?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ ħaddiema barranin li bħalissa qegħdin jaħdmu Malta hu ta’ 7,676. Minn dawn 3,702 ġejjin mill-pajjizi tal-Unjoni Ewropeja filwaqt li 3,974 ġejjin minn pajjiżi terzi. Ninsab infurmat ukoll li 213 huma mir-Rumanija u 536 huma Bulgari.

Zurrieq — Abitanti jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied in-numru ta' nies li huma reġistrati bħala abitanti fiż-Żurrieq li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol tul dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena? Jista' jgħid kemm minn dawk reġistrati bħala abitanti fiż-Żurrieq huma sid ta' darhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija.

Medicina Sparine

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha nieqsa l-mediċina Sparine mill-istock tal-ispiżerija tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Promazine 25 mgs kienu out of stock minħabba li kien hemm problemi ta’ manifattura ta’ dawn il-pilloli. L-ewwel konsenja diġa waslet għand id-Dipartiment tal-Procurements u intbagħet lill-iSpizerija ta’ l-iSptar Mater Dei fil-15 ta’ Ottubru li għadda. Konsenja oħra waslet din il-gimgħa u ser titqassam fl-ispiżerji taċ-Ċentri tas-Saħħa u tal-POYC.
Leg 11 PQ #3483 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Ħaddiema impjegati part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema impjegati fuq bażi part-time mal-entitajiet governattivi? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-ħaddiema li ilhom part-time għal iktar minn tliet snin u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiġu ingaġġati full-time?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #3651 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Aġenzija - Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ ta' kull aġenzija tar-reklamar, li ġiet imqabda minn kull dipartiment, awtorità, kummisjoni u entità pubblika u parastatali taħt id-dekasteru tiegħu u jindika kemm tħallset kull aġenzija minn kull entità tul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u sa Settembru 2008?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Kottonera — blokk residenzjali rinovat

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-blokk residenzjali fil-Kottonera li ser jiġi rinovat kif intqal fid-diskors tal-budget 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad- Djar issottomettiet proġett ta’ rinovazjoni ta’ żewġ blokok f’Bormla bħala parti minn proġett integrali ta’ riġenerazzjoni urbana fil-Kottonera taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali . Dawn il-blokok huma l-Kwartieri ta’ San Nikola u l-Kumpless ta’ Verdala. F’dawn il-blokok l-Awtorita’ mistennija tagħmel xogħol ta’ rinovazzjoni fil-partijiet komuni li jinkludu miżuri li jgħinu fl-iffrankar tal-enerġija.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tas-Sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għamlet applikazzjoni taħt l-iskema R u li huwa każ ċar li din għandha tingħata kull għajnuna kif mitluba fl-applikazzjoni għaliex hi ma tistax tikri post ieħor alternattiv kif deskritt fir-risposta tal-Housing Authority tat-2 ta' Lulju, 2008, "up to standard"?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-klawsola 5 tal-kunidzzjonijiet dwar Skema R ta’ l-Awtorita tad-Djar li tgħid: Persuna tikkwalifika biex tapplika għal sussidju fuq il-kera taħt din l-iskema, jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:- (2) (a) il-fond ikun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli. L-Awtorita’ iżżomm id-dritt li tivverifika dan l-istat. Ninsab infurmat li, mill-ispezzjoni li saret mit-tekniċi ta’ l-Awtorita’, irriżulta li l-post suġġett ta’ l-applikazzjoni ma kienx jissodisfa din il-kundizzjoni u għalhekk il-persuna ndikata ma tistax tikkwalifika għas-sussidju fuq il-kera.
Leg 11 PQ #3158 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — Ħlas mill-aġenti ta' l-assigurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2554 u jgħid kemm hemm pazjenti Maltin li jħallsu polza privata tas-sigurtà tas-saħħa qed jiġu mħajra mill-istess aġenziji ta l-assigurazzjoni tagħhom biex jagħmlu użu mis-servizzi ta' Mater Dei? Jaf li talli l-pazjent jmur Mater Dei l-aġenzija tippremjahom b'somma nominali ta' flus li hi wisq anqas mill-ammont li kieku kien ikollha tħallas l-aġenzija kieku l-pazjent jagħmlu użu minn xi sptar jew klinika privata? Iħoss il-Ministru li din hija prattika inġusta u abbuż mis-sistema tas-saħħa kemm a skapitu tal-Gvern li ma jdaħħal xejn mill-aġenżiji għall-ispejjeż li jagħmel il-Gvern, kif ukoll a skapitu tal-kliniċi u sptarijiet privati? Iħoss li din il-prattika għandha tiġi mwaqqfa immedjatament anke permezz ta' liġi li tipprojbixxi dan l-abbuż?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jipprovdi s-servizzi tas-saħħa lil kulħadd, irrispettivament jekk il-persuna jkollhiex polza ta’ assigurazzjoni jew le. Il-proċeduri u / jew regolamenti dwar l-operat ta’ kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tiegħi. Għalhekk huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #3159 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2528 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għas-safar, barra mill-Unjoni Ewropea, bejn Jannar u Settembru 2008 mill-Ministeru, Dipartimenti u entitajie li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kienet ta’ €126,767.85. Dik ta’ safar fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ €270,943.76. Ninsab infurmat ukoll li din l-aħħar ċifra tinkludi element ta’ rifużjoni ( re-imbursement ) li saret jew li għad trid issir mill-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #3165 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proċeduri għall-persuni li jkunu qed jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-proċedura li permezz tagħha, persuni li jkunu qed jirreġistraw jiġu attached ma' entitajiet governattivi fosthom mal-kunsilli lokali, għall-perjodu ta' żmien biex jagħmlu xogħol f'dawn il-kunsilli? X'inhi r-raġuni li mbagħad dawn il-persuni, anke jekk ikunu għamlu xogħol tajjeb ħafna, lanqas biss ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għal impjieg ma dak il-kunsill, għaliex ma jkollhomx per eżempju "O" levels?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni tax- Xogħol u Taħrig għandha skemi, bħal ma huma l- Work Start Scheme u l- Job Experience Scheme (liema skema hija iffinanzjata mill- Fondi Socjali Ewropej) biex, waqt li jkunu qed ifittxu mpjieg, persuni jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Dawn l-iskemi ta’ esperjenza ta’ xogħol huma maħsuba biex wieħed ikompli jikseb ħiliet u jtejjeb il- prospetti tiegħu għax-xogħol. Biex Kunsill Lokali jimpjega n-nies, hemm proċeduri u proċessi stabbiliti li huma differenti u separati minn skema ta’ esperjenza ta’ xogħol. Il-Kunsill irid jagħmel talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, fejn jispeċifika il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa, biex jiġu referuti nies minn fuq ir-reġistru li għandhom dawn il-kwalifiki. Dan skond l-Att dwar Servizzi ta’ Impieg u Taħriġ. Persuni li jsegwu skema ta’ taħriġ jew esperjenza ta’ xogħol mal-Korproazzjoni ma jistgħux isiru impjegati tal-Kunsill mingħajr ma jgħaddu minn dan il-proċess.
Leg 11 PQ #3187 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Social worker li ma żaritx lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' żewġ anzjani indikati separatament li għandhom 'l fuq min 82 sena peress li filwaqt li għal dan l-aħħar xahar, is-social worker kienet qed tgħidilhom li ser iżżurhom, baqgħet ma marritx?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ż-żewġ anzjani li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant sarilhom l-assessment u l-każ ser jidher quddiem il-Bord.

Herceptin mingħajr ħlas — Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk humiex ippjanati deċiżjonijiet tali li min għandu mard tal-kanċer tas-sider u jirrikjedi l-kura Herceptin, ikun intitolat għaliha b'xejn mingħajr ħlas? Il-ħlas attwali għal kura bħal din jammonta għal €50,000!

Response (DALLI, JOHN)

Iva nista nikkonferma li ser toħroġ tender fuq il-Gazetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.

Għajnuna mill-Gvern — Familja bħala entità

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3197, jista' l-Ministru jagħti lista tal-benefiċċji li huma intitolati l-familji u mhux il-kriterji li fuqhom familji jikwalifikaw? Jista' jagħti din l-informazzjoni għas-snin 2005, 2006, 2007 u 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Il-benefiċċji, l-allowances u l-għajnuniet l-oħra mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ huma dawk imsemmija fl-istess Att. Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika l-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Leg 11 PQ #3428 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Parental Leave - Irġiel

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 3211 u 2748 u jgħid kemm kien hemm irġiel li jaħdmu fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fuq parental leave fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Kemm hemm irġiel fuq parental leave din is-sena? Jista' jgħid f'kull każ kemm damu bil-parental leave?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li bejn l-2000 u l-2007 kien hemm 12-il raġel jaħdmu fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li ħadu l-parental leave. In-numru ta’ rġiel fuq parental leave din is-sena hu 3. Il-perijodu ta' parental leave li ħadu jvarja minn 3 xhur sa 4 snin.

Tfal li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta' Diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3060, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li jikkwalifikaw għall-pensjoni ta' diżabilità u jagħti l-informazzjoni għal kull allowance u pensjoni msemmija?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li hemm 666 tfal li qegħdin jirċievu Disability Child Allowance u 2 itfal li qegħdin jirċievu Disability Pension minħabba vista batuta.
Leg 11 PQ #3470 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterju tal-Addolorata — Tkabbir u Estensjoni

Question

Jista l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3265 u jgħid: a) Jekk it-tħammil fiż-żona indikata għat-tkabbir taċ-Ċimiterju Addolorata nbediex u għadux sejjer fl-istess ħin li qegħdin jiġu riveduti l-pjani tal-estensjoni? b) Jekk ir-reviżjoni tal-pjanti humiex ser jinfluwenzaw il-kuntratti tat-tħammil u għaldaqstant jirriżulta li jkollhom joħorġu tenders ġodda? c) Jekk il-proposti ġodda li qed jistenna mill-periti humiex dawk li ġew approvati mill-MEPA fis-26 ta' Ġunju 2006? d) Id-data li fiha jistenna r-riżultat tar-reviżjoni tal-pjanti mingħand il-periti u jekk matul iż-żmien il-pjanti humiex ser jintbagħtu lill-MEPA għall-approvazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tħammil fiż-żona ndikata għat-tkabbir taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata għadu ma nbediex. Ninsab informat ukoll li d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali għadu qed jistenna pjanti riveduti skond il-Master Plan propost u għaldaqstant għadu kmieni biex wieħed jista’ jikkunsidra x’reviżjonijiet iridu jsiru kemm fir-rigward tat-tħammil kif ukoll dwar l-approvazzjoni mill-MEPA.
Leg 11 PQ #3486 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Valletta — Triq il-Merkanti - Propjetà tal-gvern quddiem San Duminku

Question

Jista' l-Ministru jindika eżatt x'beħsiebu jagħmel il-gvern bil-propjetà li hemm quddiem San Duminku fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta? Veru li din se ssir dar tal-anzjani? Jekk iva, din se tkun dar tal-anzjani bħall-bqija tad-djar tal-anzjani jew sempliċement day care centre għall-anzjani?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Sptar Mater Dei — Kiri ta' appart mediku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-prattika li sptarijiet/kliniċi privati jikru appart mediku mingħand l-istpar Mater Dei? Jekk teżisti din il-prattika, x'effett tħalli fuq iż-żmien li jkollhom jistennew iċ-ċittadini biex jinqdew fil-Mater Dei? F'liema ħin jiġi mikri dan l-appart, u b'liema rata ta' ħlas, biex ma jħarbatx ix-xogħol f'Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li hemm qbil bejn il-partijiet konċernati kollha (sptarijiet u kliniċi tal-Gvern u privati) li jsir self ta’ apparat mediku mingħajr ħlas mill-ebda parti. Dan isir meta jkun hemm apparat mediku bil-ħsara u bil-kundizzjoni li ma jfixkilx l-operat tal-partijiet rispettivi. Għalhekk din il-prattika qatt ma ħalliet impatt negattiv fuq il-perjodu ta’ żmien li jkollhom jistennew iċ-ċittadini biex jinqdew f’Mater Dei. Għall-kuntrarju, b’dan l-arranġament, f’każ ta’ ħsara fuq xi apparat mediku, iċ-ċittadin ikun jista jinqeda xorta waħda.