Legislature:
Category:
Reset
Active:

TM — passi kontra persuni li ma jħallsux il-liċenzja tal-vettura

Question

B'referena għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24219, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk, qabel ma nbdew il-proċeduri msemmija f'dik ir-risposta l-persuni msemmija ntalbux, b'xi mod, biex jagħtu raġuni li minħabba fiha ma kinux tħallsu l-ħlasijiet dovuti lil Transport Malta, biex possibilment tinstab soluzzjoni dwar il-ħlas li kien kontestat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħlas dovut fuq il-liċenzja ta' vettura huwa l-obbligu tas-sid ta' dik il-vettura u f'każ li s-sid jonqos minn dan l-obbligu mingħajr ebda ġustifikazzjoni, jibdew japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-Liġi. L-awtorità mxiet b'dan il-mod fil-każ tal-persuni msemmija fir-risposta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24219. Minkejja dan, Transport Malta, bħal ma tagħmel dejjem, tikkunsidra talbiet minn persuni li jipprovdu raġunijiet ġustifikati.

TM — korrispondenza ma' persuni li ma jħallsux road tax

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24221, billi fir-risposta jingħad li f'Diċembru 2010 kien hemm 26, 217 vetturi li kellhom il-liċenzja mhux imħallsa, ħafna minnhom li ilhom snin twal pendenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar minn meta Transport Malta bdiet, kull xahar, tibgħat ittra lis-sidien ta' vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tagħhom għal aktar minn tliet xhur? X'kienu r-riżultati miksuba s'issa b'din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kien minn Frar ta' din is-sena li Transport Malta bdiet il-proċess li kull xahar tibgħat ittra lis-sidien ta' vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom għal aktar minn tlett xhur. F'Marzu inbgħatet notifika oħra. Permezz ta' din is-sistema, fix-xahar ta' Frar ġew regolarizzati 564 vetturi u l-awtorità ġabret madwar €319,544 f'arretrati ta' liċenzji.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Marsa — xogħlijiet fi Triq is-Sajjied ma' Xatt il-Ħatab

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fil-kantuniera ta' Triq is-Sajjied, ma' Xatt il-Ħatab, fil-Marsa, jitlesta kemm jista' jkun malajr billi dan il-post ilu miftuħ għal diversi ġimgħat b'periklu għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet qed isiru mill-Water Services Corporation u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq San Gorġ

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni tinvestiga ma' GO, dwar x'inhi r-raġuni li għaliha għadha ma wettqitx ix-xogħol li għandha bżonn tagħmel min-naħa tagħha, biex ix-xogħol infrastrutturali l-ieħor li kien qed isir mill-Kunsill Lokali fi Triq San Gorg, San Pawl il-Baħar ikun jista' jitkompla, u dan biex jinqatgħu darba għal dejjem bosta nkonvenjenti li minnhom qed ibatu r-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt, speċjalment l-aħħar paragrafu, għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24085.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' min kienu l-persuni/kumpaniji eċċ. li taw konsulenza lill-Ministeru, Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2010? Kemm kienet is-somma li tħallsu għal kull konsulenza?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. *Vide PL 6805 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 332 nhar it-Tnejn 28 ta’ Marzu 2011.

TM — passi kontra persuni li ma jħallsux il-liċenzja tal-vettura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każi li fihom Transport Malta qed tieħu passi bil-Qorti kontra persuni li ma ħallsux il-liċenzja tal-vettura tagħhom (road tax) għal numru ta'snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda tieħu passi kontra mitejn tmienja u erbgħin (248) persuna li għandhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom mhux imħallsa.

TM — korrispondenza ma' persuni li ma jħallsux road tax

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi li jirriżultaw li ma ħallsux ir-road tax (licenzja tal-vettura) skont l-informazzjoni li għandha Transport Malta? X'tip ta' korrispondenza tinżamm bejn Transport Malta u s-sidien tal-vetturi li ma jħallsux l-liċenzja? X'notifika tingħata lil tali sidien min-naħa ta' Transport Malta biex dawn is-sidien ikunu nfurmati bin-nuqqas tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Diċembru 2010 kien hemm 26,217 vettura li kellhom il-liċenzja mhux imħallsa, ħafna minnhom li ilhom snin twal pendenti. Transport Malta bdiet proċess li kull xahar tibgħat ittra lis-sidien ta’ vetturi li tkun skaditilhom il-liċenzja tal-vettura tagħhom għal aktar minn tliet xhur. F’ din l-ittra Transport Malta qiegħda tinforma lil sid il-vettura bil-ħlasijiet kollha dovuti bħal liċenzji u dawn jinkludu wkoll iċ-ċitazzjonijiet pendenti relatati mal-vettura li jkunu ġew deċiżi mit-tribunali lokali iżda ma jkunux għadhom tħallsu. L-awtorità qed tinforma wkoll lis-sidien tal-vetturi illi jekk jonqsu milli jħallsu l-liċenzja tagħhom għal aktar minn 90 ġurnata minn meta tkun skadiet, jibdew jeħlu multa amministtrativa ta’ €2 kuljum. F’Settembru ta’ l- 2010, Transport Malta nediet ukoll servizz ġdid msejjaħ ‘TM Alerts’. Dan is-servizz jagħmel parti mis-servizzi online li l-gvern nieda matul dawn l-aħħar snin. Is-servizz TM Alerts qiegħed jwassal lil dawk li jirreġistraw għal dan is-servizz biex jirċievu, mingħajr ħlas, notifiki, jew b’sms jew b’email, dwar l-VRT u l-liċenżja tal-vetturi tagħhom u ħlasijiet dovuti bħal multi u spejjeż oħra dovuti bħal dawk tas-CVA. L-għan aħħari ta’ dawn is-servizzi online huwa li l-pubbliku jkun moqdi b’mod aħjar u mill-kumdità tad-dar filwaqt li jgħinu lill-Transport Malta tisfrutta l-effiċjenzi li jipprovdu servizzi ta’ din ix-xorta.

ADT — rapporti fuq Triq Diċembru 13

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Awtorità dwar it-Transport kienet ikkummissjonat rapport dwar Triq Diċembru 13 fil-Marsa lil kumpanija Franċiża? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport flimkien mad-disinji kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni mitluba.

eżamijiet għal kisba ta’ operators licence

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-eżamijiet għal kisba ta’ operators licence għall-operaturi tat-trasport, bħal mini buses, huwiex oneruż iżżejjed meta dawn il-persuni qed jintalbu jwieġbu saħansitra mistoqsijiet dwar il-Ligi tal-Kumpaniji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-eżami li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa dak li jwassal għall-kisba ta' Ċertifikat ta' Kompetenza Professjonali, li huwa wieħed mir-rekwiżiti ewlenin biex tinkiseb Liċenzja ta' Operatur fil-qasam tal-ġarr ta' passiġġieri b'kiri jew b'kumpens. L-obbligu ta' din il-kwalifika joħroġ mir-Regolament 11 tar-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri, li jirriferi għall-kompetenza professjonali u jobbliga li l-persuna maħtura għandha tgħaddi min eżami bil-kitba u jew orali bażati fuq suġġetti elenkati fil-Parti 2 tat-Tieni Skeda li jikkorrispondi għall-livell ta’ taħriġ għall- operati nazzjonali. Dawn ir-Regolamenti, is-suġġetti mgħallma, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ l-eżami li jwassal biex jinkiseb Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali huma meħtieġa mid-Direttiva 96/26 KE li tistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Tajjeb jingħad li din il-kwalifika ma tapplikax għax-xufiera, iżda għall-operaturi li huma mistennija li jkollhom l-għarfien neċessarju biex imexxu negozju ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’mod sostenibbli, bl-għan ewlieni li tiżdied is-sigurta` fit-triq, filwaqt li jitjieb is-servizz li jingħata. S'issa hemm 'il fuq minn 360 persuna li kisbu Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali wara li għaddew minn dan l-eżami jew minn test qasir, skond liema japplika fid-Direttiva u fir-regolamenti.

Żwieġ bejn ċittadini Maltin u persuni minn barra l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'inhuma d-drittijiet f'Malta ta' persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea li huma miżżewġin ċittadini Maltin? X'inhi l-pożizzjoni tal-istess persuni f'każ li ż-żwieġ jiġi kontrattat: a) f'pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, b) f'pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea; u ċ) f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-mistoqsija li qed jagħmel l-Onor. Interpellant hija ta' natura legali. Mhix il-kompetenza tiegħi bħala Ministru li nagħti pariri jew opinjonijiet legali fuq is-suġġett.

Servizz ta' IP telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni f'pajjiżna tas-servizz magħruf bħala IP telephone? Jeżisti dan is-servizz? Huwa regolat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-terminu “IP telephony” jirreferi għal teknoloġija li permezz tagħha s-servizz tat-telefonija jiġi mgħoddi fuq networks varji li jużaw Internet Protocol. Dawn jistgħu jkunu networks privati kif ukoll pubbliċi, bħal kif inhija l-internet. Din it-teknoloġija ġiet addottata madwar id-dinja kif ukoll f’Malta. Ir-regolazzjoni f’Malta tas-servizzi ta’ kommunikazjoni elettroniċi hija msejsa fuq il-qafas Ewropew li jipprovdi għal regolazzjoni li hija technology neutral. Suppliers ta’ servizzi ta’ kommunikazzjoni elettronika f’Malta huma meħtieġa li jinnotifikaw bl-operat tagħhom lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, u dawn is-suppliers huma soġġetti għal diversi drittijiet u obbligi li joħorġu skont il-liġi.

Żebbiegħ — Tarmak fi triq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx xi progress partikulari biex it-triq li tgħaqqad Burmarrad mal-inħawi taż-Żebbiegħ, u li sservi ta' triq importanti għal dawk kollha li joqogħdu l-Wardija, fil-fatt tkun tista' tingħata wiċċ bit-tarmac, u dan għall-benefiċċju ta' dawk kollha li joqogħdu l-Wardija, kif ukoll dawk kollha li jgħaddu minn dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta' Transport Malta għada l-istess u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9247.

Buġibba — Information kiosks fil-venda tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm information kiosks fil-venda tat-trasport pubbliku f'Buġibba? Jekk iva, kemm ser ikun hemm minn dawn il-kiosks u minn min ser jintużaw? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibilità li xi wieħed minn dawn il-kiosks jintuza mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi fil-venda ta’ Buġibba se jkun hemm binja li sejra tinkludi fiha uffiċċju, faċilitajiet sanitarji għax-xufiera, kif ukoll uffiċċju ieħor li jipprovdi informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll illi mhux ikkontemplat illi jkun hemm aktar information kiosks f’din il-facilità, primarjament minħabba l-limitazzjoni ta’ l-ispazju.

testijiet fuq il-mina ta' Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk wara li sar il-cover tal-pjanċi fil-mina ta' Santa Venera biex l-ilma ma jibqax jinżel fuq it-tarmac, Transport Malta għamlitx xi testijiet oħra biex tara jekk il-mina hux qed issirilha xi ħsara ġdida minħabba l-istess ilma li qed jinfed il-blat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qabbdet Structural Engineer biex għamel studju fuq it-tunnel fejn hemm il-post li minnu joħrog l-imsemmi ilma. Saru testijiet anke billi nqata' sample biex ġie ċċekkjat il-kundizzjoni tal-konkos. Mit-testijiet li saru irriżulta li l-konkos għadu ta' kwalità tajba. Dan it-test sar eżatt qabel ma' twaħħal l-imsemmi ilqugħ tal-ilma, liema ilqugħ mhu qed jagħmel xejn differenti ħlief li l-ilma li jaqa' jiġi ddevjat għall-ġenb.

Wied il-Għajn — Flood Relief Project

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-Flood Relief Project, li għadu kemm ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, se jgħin fit-tneħħija tal-problema akuta ta' flooding li sseħħ f'Wied il-Għajn wara kull ħalba xita qawwija? X'inhu prospettat li jsir f'Wied il-Għajn għal dan il-għan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati persuni ġodda mal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar u f'liema grad? Kif sar kull impjieg, ċioe jekk hux b'sejħa pubblika jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — Flus għas-safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2010 kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet għas-safar tal-Ministru u tal-Ministeru tiegħu, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-ċifra ta' flus globali li ntefqet għas-safar tal-Ministeru tiegħi inklużi d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu kien ta' €834,669.