Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule, peress li tinsab bi problemi kbar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant waslet fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità fil-31 ta’ Mejju 2010. Fit-2 ta’ Ġunju 2010 il-file intbagħat għand is-Social Work Unit biex isir assessment. Imbagħad il-każ jgħaddi għall-aġġudikazzjoni tal-Bord ta’ Ammissjoni.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara jistax jirranġa sabiex il-home help li tmur għand l-anzjana li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, it-Tlieta filgħodu tkun tista' tmur wara d-9.30am peress li minħabba problema ta' mobilità qed issibha bi tqila biex tqum kmieni filgħodu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

nfurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għandha servizz tal-Home-Help darbtejn fil-ġimgħa kif ġej: · nhar ta’ Tnejn mill-10.00 a.m. sa 12.00 p.m. u · nhar ta’ Tlieta mit-8.00 a.m. sa l-10.00 a.m. Is-servizz tal- Home-Help jibda mis-7.00 a.m. sas-2.00 p.m. Il-ħin allokat għall-klijenti jitqassam matul dan il-perjodu. Il-ħin kollu tax-xogħol irid jiġi utilizzat u għalhekk mhuwiex possibbli li takkomoda lil kull klijent f’ħinijiet speċifiċi. Dwar dan il-każ partikolari, il-Bord tal- Home-Help jidhirlu li l-ħinijiet allokati lil din il-persuna huma raġonevoli.

Refurbishment fl-Isptar Boffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir refurbishmentfl-Isptar Boffa, fil-Furjana? Jista' jdaħħal sistema ta' kwestonarju lill-pazjenti li jkunu qed jagħmlu użu mis-servizz ta' dan l-isptar ħalli l-istess pazjenti jkunu jistgħu b'mod anonimu jissuġġrixxu x'għandu jsir aħjar ħalli s-servizz jitjieb?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ refurbishment fl-Isptar Boffa diġà bdew u mixjin b’ritmu tajjeb. Tlestiet il-parti ta’ quddiem u issa se jibda x-xogħol fuq il-parti ta’ wara ta’ l-Isptar. Dan skont il-workplan li sar bejn l-Isptar Boffa u l-Foundation for Medical Services. Qed isir xogħol fuq il-kwestjonarju li jinsab fil-parti finali tiegħu. Il-pjanijiet huma li sa l-aħħar ta’ din is-sena il-kwestjonarju jitqassam lill-pazjenti.

Servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jdaħħal servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo vaskulari? Meta se jidaħħal dan is-servizz? Kemm se jkun hemm professjonijiet involuti fih? Liema huma dawn il-professjonijiet? Kemm beħsiebu jibda jara pazjenti kuljum u kemm se jiġi jiswa kull sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa,l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħaddiema li qabżu l-61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema/uffiċjali li qabżu l-61 sena u baqgħu jaħdmu fil-ministeru tiegħu u/jew fid-dekasteru li jaqa' taħtu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

In-numru ta’ ħaddiema/uffiċjali li qabżu l-61 sena u baqgħu jaħdmu fid-dekasteru tieġħi huwa ta’ 67.

Miżata lill-gvern għar-residenza tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-anzjana li dettalji tagħha qed jingħataw separatament għandha tagħti lill-gvern bħala miżata għax tinsab fir-residenza tal-gvern? Kemm se jibqa' f'idejha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ir-rata tal-kontribuzzjoni/miżata li ġiet applikata hija ta’ 80% minn kull pensjoni, benefiċċju, għajnuna soċjali, bonus jew allowance li tirċievi nett mit-taxxa fuq id-dħul. Il-persuna konċernata ser jibqalha f’idejha €1,400 fis-sena.

Paramedic Aides Decontamination

Question

B'referenza għas-sejħa li saret fil-15 ta' Diċembru, 2009 mill-Gvern ta' Malta biex jimpjega Paramedic Aide (Decontamination), jista' l-Ministru jgħid: a) kemm il-Gvern ta' Malta fil-15 ta' Diċembru, 2009 kien jeħtieġ Paramedic Aides (Decontamination); b) kemm fil-fatt intgħażlu Paramedic Aides (Decontamination) fit-tmiem tal-proċess; ċ) kemm applikaw kandidati għal dan il-post; u d) fuq liema kriterji ntgħażlu l-Paramedic Aides (Decontamination)?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-proċess tal-għażla għall-imsemmi post għadu taħt il-gurisdizzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Pazjenti fil-bereġ, outpatients, u fl-Isptar

Question

Jista' l-Ministru jikkategorizza l-ammont ta' pazjenti li jmorru fil-bereġ, outpatients u fl-isptar innifsu u jgħid kemm minn dawn il-pazjenti ddaħħlu l-isptar u għamlu użu minn dawn is-servizzi minħabba problemi respiratorji, kardjo vaskulari, pressjoni għolja u ċirkolazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kampanji edukattivi biex in-nies jieklu dieta aħjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-budget tal-gvern għas-sena 2010 biex jagħmel kampanji edukattivi biex in-nies jieklu dieta aħjar? Meta se jibdew dawn il-kampanji u lil min se jipprovaw jilħqu permezz tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-kampanja nazzjonali kontra l-obesita’ hija mmirata li tilħaq lill-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex. Il-budget allokat għas-sena 2010 huwa ta’ €150,000. Din is-somma tkopri kampanja għal ikel tajjeb għas-saħħa, għażliet għaqlin, id-daqs tal-porżjonijiet, l-attivita’ fiżika u servizzi (weight management classes u aerobics) għal min għandu piż żejjed Il-kampanja diġa bdiet u qiegħda tiġi mqassma matul is-sajf kollu u titkompla sa Novembru 2010

Sptar Mater Dei — nies li ddaħħlu għax kienu fis-sakra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kemm iddaħħlu nies l-Isptar Mater Dei minħabba li kienu fis-sakra? Jista’ jagħti ukoll l-iżgħar u l-akbar età?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, fl-Isptar Mater Dei iddaħħlu 44 każ minħabba li kienu fis-sakra. Dawn jaqaw taħt il-kategorija ta’ intossikazzjoni kkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kienitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 Code F10.0). L-iżgħar eta’ kienet ta’ 14-il sena waqt li l-akbar kienet ta’ 76 sena. Din il-figura ma tinkludix pazjenti li jiġu invistati fid-Dipartiment tal-Emergenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar.

Dipartiment tac-Central Sterile Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu kriterji li fuqhom intgħażlu dawk li ġew impjegati mad-Dipartiment tas-Central Sterile Service u li ġew imsejħa għall-interview fl-24 ta' Marzu 2010? Jista' jaċċerta li kulmin ġie impjegat kellu ċ-ċertifikat tas-City & Guilds għaliex għamel id-disa' xhur kors kif kien mitlub fis-sejħa għall-applikazzjoni? Jista' jgħid għaliex tħallew barra tnejn minn dawk li applikaw? X'kienet ir-raguni? Xi kriterji intużaw biex intgħażlu dawk li ġew impjegati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Central Sterile Service Department — Allegazzjonijiet u investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjoni saret fuq l-allegazzjonijiet li saru permezz ta' ittra li ntbagħtet lill-Principal tal-Isptar u lid-Direttur, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, dwar dak li qed jiġri fis-Central Sterile Service Department? Jekk saret investigazzjoni, jista' jgħid jekk ġewx ikkonfermati xi allegazzjonijiet? Jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nikkonferma li saret inkjesta amministrattiva dwar allegazzjoonijiet ta’ abbużi fis-Central Sterile Service Department. Għalkemm ma ġiet ikkonfermata ebda allegazzjoni, inġibdet l-attenzjoni sabiex ċertu prtattiċi amministrattivi jitjiebu.

Central Sterile Service Department — attendenza tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx ittieħdu passi kontra impjegati li jaħdmu fis-Central Sterile Service Department u li jitilqu siegħat qabel jispiċċa l-ħin tax-shift, inkluż u partikolarment fil-ġurnata tal-Ħadd u jiffirmaw l-attendance sheet xorta waħda bħallikieku ħadmu s-sigħat kollha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, kull min jitlob biex jitlaq mill-istess dipartiment qabel il-ħin stipulat, inkluż il-Ħadd, jitnaqqsulu s-sigħat mit-time in-lieu (TIL) jew mill-vacation leave kif jiġu awtorizzati mill-persuna nkarigata minn dan l-istess dipartiment. Rekord ta' kull episodju jinżamm mill-amministrazzjoni tal-istess dipartiment kif ukoll mid-Dipartiment tal-Finanzi fl-Isptar Mater Dei, biex b’hekk sussegwentament jitnaqqsu minn dawk is-sigħat li jkunu ntitolati għalihom il-ħaddiema.

Dipartiment tas-Central Sterile Service — avviżi mwaħħla mal-bieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx investigat il-fatt li sa ftit tax-xhur ilu impjegat ewlieni fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, kien iwaħħal mal-bieb ta' l-uffiċċju tiegħu avviż 'Do not Distrub' waqt il-ħin tax-xogħol? Jekk iva, x'passi ittieħdu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-allegazzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant ġiet investigata minn bord ta’ inkjesta intern (ara Mistoqsija Parlamentari 18130) li stabbilixxa li din it-tabella kienet titwaħħal fil-ħin tal-break.

Dipartiment tas-Central Sterile Services — kors tal-paramedic Aid trainee

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-impjegati fid-Dipartiment tas-Central Sterile Service, u li kienu għamlu l-kors tal-Paramedic Aid Trainee [Decontamination] fis-sena 2008, għadhom sal-lum ma ħadux iċ-ċertifikat tas-City & Guilds, kif ħadu sħabhom li għamlu l-kors qabilhom u li suppost dan iċ-ċertifikat intwera meta sar l-interview biex ġew impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa, fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-ewwel grupp ta’ paramedic aides kienu ħadu ċ-ċertifikat tas-City and Guilds wara applikazzjoni lill-Institute of Decontamination Science fl-Ingilterra. Id-Direttur tal-Edukazzjoni ta’ dak iz-zmien inbidel u wara reggħet saret komunikazzjoni bejn il-persuna responsabbli mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service u l-persuna kkonċernata fl-Ingilterra. L-informazzjoni miksuba kienet li jrid isir kors u eżami ieħor, kif stipulat fl-NVQ tal-istess Istitut. Mill-ġdid kienu saru diversi talbiet lid-direttur tal-Institute of Decontamination Science iżda risposta baqgħet ma waslitx, u għalhekk iċ-ċertifikat tas-City and Guilds ma setax ikun tassattiv biex dawn il-ħaddiema jiġu mpjegati.

Dipartiment tas-Central Sterile Service — nies li spiċċaw l-impjieg tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm spiċċaw impjegati minn kemm ilu li fetaħ l-Isptar Mater Dei, mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service? Jista' jgħid għaliex dawn l-impjegati spiċċaw mill-impjieg?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li mid-Dipartiment tas-Central Sterile Service gew rijallokati ħames ħaddiema minn mindu fetaħ l-isptar Mater Dei, fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, u dan għall-ħtiġijiet tas-servizz kif ukol biex jintlaqgħu talbiet li saru mill-ħaddiema nfushom biex jiġu trasferiti għal raġunijiet personalli.

Applikazzjoni għal dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni tal-individwu, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tistax tiġi milqugħa għal Dar għall-Anzjani għax ma jistax jgħix waħdu iżjed?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-applikazzjoni tal-anzjan imsemmi ġiet approvata għad-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa bħala waħda ta’ prijorita għolja fid-9 ta’ Diċembru 2009 kif ukoll fil-25 ta’ Marzu 2010. L-applikazzjoni tqegħdet fil-lista ta’ stennija skond il-każ.

persuni bi problemi ta' pressjoni għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li għandhom problemi ta' pressjoni għolja f'Malta u Għawdex? Kemm kien hemm nies li jieħdu l-pilloli b'xejn tal-pressjoni għolja matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Skont l-informazzjoni miġbura mix-Schedule V database, bħalissa hemm 28,998 pazjenti Maltin u 3,205 pazjenti Għawdxin li għandhom problemi ta' pressjoni għolja u jieħdu l-pilloli b'xejn. Fil-mument l-informazzjoni dwar in-numru ta’ nies li jieħdu l-pilloli tal-pressjoni għolja b’xejn matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010 għadha qed tinġabar.