Legislature:
Category:
Reset
Active:

konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea — protezzjoni tat-tfal mill-esplojtazzjoni u abbuż sesswali

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni jekk il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-esplojtazzjoni u abbuż sesswali ġietx ratifikata (Council of Europe: Convention on the Protection of Children againts Sexual Exploitation and Sexual Abuse CETS No. 201)? Jekk għadha mhix ratifikata, tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jsir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qiegħed jaħdem sabiex tiġi ffirmata u ratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal mill-Esplojtazzjoni u Abbuż Sesswali mill-aktar fis possibli. Għaldaqstant, il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin diġa’ wettaq l-istudju meħtieġ li jikkonfermaw li Malta tinstab f’pożizzjoni sabiex tiffirma u tirratifika din il-Konvenzjoni.

PBS — Radju Malta - Mono

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istazzjoni nazzjonali ta' Radju Malta għadu jxandar mono? Vera li l-Public Broadcasting Services xtara transmitter stereo għal Radju Malta, u jekk dan huwa minnu, għaliex u meta se jibda jintuża dan it-transmitter?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa veru li l-Public Broadcasting Services xtrat transmitter ġdid biex jintuża għal Radju Malta. Bħalissa dan qed jittrasmetti fuq is-sistema mono. Fil-ġranet li ġejjin se jiġu installati microwavelinks ġodda bejn G’Mangia u l-Għargħur biex b’hekk it-trasmissjoni ta’ Radju Malta tkun tista’ titjieb u tixxandar fuq is-sistema stereo.

Skola tal-Gvern Antonio Bosio

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li l-Iskola tal-Gvern Antonio Bosio, il-Gżira se tispiċċa minn skola? X'se jsir minflokha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena skolastika li ġejja l-iskola sekondarja subien tal-Gżira fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara se topera b’mod normali bħala skola.

trasmissjoni tal-quddiesa li ċċelebra l-Papa

Question

Jista' l-Ministru jghid min kien responsabbli mitt-trasmissjoni tal-quddiesa li ċċelebra l-Papa minn fuq il-fosos tal-Furjana nhar il-Ħadd 18 ta' April 2010? Min kien responsabbli mit-trasmissjoni tax-xandir tal-ħin tat-tqarbin peress li jidher li ġab jitqarben min ried hu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services Ltd. (PBS) kienet il-host broadcaster għaż-Żjara tal-Papa. Bħal ma jsir waqt filmati ta’ avvenimenti ta’ din il-kwalità, kien hemm diversi cameras u l-filmat li ttieħed kien dak li wera l-aktar stampa wiesgħa possibli tal-attività.

Tneħħija ta' ħmieġ minn post

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-miżuri neċessarji fil-post, li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament, li jinsab fi stadju ta' ħmieġ, b'konsegwenza li hemm anke l-ġrieden?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hija r-responsabbiltà tal-inkwilini sabiex jagħmlu maintenance neċessarju fir-residenzi mikrija mill-Gvern kif ukoll biex jaraw li tali residenzi inkluż il-komun jinżammu f’livell ta’ maintenance aċċettabbli u nodfa kif suppost. Għalhekk mhix responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar li tnaddaf in-numru sostanzjali ta’ appartamenti mikrija mill-Gvern lil diversi inkwilini.

Bormla — Housing ta' Verdala

Question

Tista' l-Ministru responsabbli mill-Housing tgħid x'inhu il-ħsieb tal-gvern għal-binja tal-Housing ta' Verdala, Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjan huwa li l-binja tal-Verdala tiġi rranġata sabiex insebbħu l-area ta’ madwar il-binja u jsir tindif u tisbieh fil-partijiet komuni. Il-proġett jinvolvi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fil-partijiet komuni li jinkludu kuriduri, turġien, il-faċċata, l-bejt, id-dawra tal-blokk u partijiet oħra fejn huma għall-użu komuni tar-residenti kollha. Il-proġett se jinvolvi ukoll miżuri li jiffrankaw l-enerġija. Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Fond Ewropew Reġjonali.

Ċertifikat tal-kors ta' carer

Question

Tista' l-Ministru tara li l-MCAST joħroġ iċ-ċertifikat lill-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet għamlet kors ta' carer?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST ma tistax toħroġ ċertifikat ta’ carer lill-persuna msemmija peress li din ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet tal-kors imsemmi għax m’għaddietx minn żewġ elementi tal-istess kors.

Post alternattiv għal single parent

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija single parent u li bintha ukoll hija single parent lanqas qatt ma ġiet provduta post alternattiv mill-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva f'April, 2007 mill-fond imsemmi, li hu mikri mingħand il-privat. Hija toqgħod ġo dar b'żewġ sulari flimkien mat-tifla tagħha u tixtieq akkomodazzjoni isfel biss fil-lokalità tal-Cottonera u Santa Luċija. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m'għandhiex postijiet f'dawn il-lokalitajiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-applikanta.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — xogħol ta' konsulenza

Question

Tista’ l- Ministru tgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mill-entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Lill-persuna li isimha ntbagħat separatament ma ngħata ebda xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.

Età legali għax-xorb tal-alkoħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm talba mill-pulizija biex l-età legali ta’ min jista’ jixrob xorb alkaħoliku titla’ għal 18–il sena? Hemm xi diskussjonijiet għaddejjin mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma saret l-ebda talba mill-Pulizija sabiex l-età legali ta’ min jista’ jixrob xorb alkoħoliku titla’ għal 18-il sena u lanqas qed isiru diskussjonijiet f’dan ir-rigward.

Età legali tax-Xorb Alkoħoliku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk taqbilx li l-età ta’ min jista’ jikkonsma xorb alkaħoliku toghla għal 18-il sena? Tista’ tgħid jekk kellhiex talbiet minn għaqdiet jew individwi biex tikkunsidra li dan isir? Liema kienu dawn l-għaqdiet jew individwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2007 kienet stabbilita, għall-ewwel darba hawn Malta, l-età minima ta’ 16-il sena għall-konsum, xiri u pussess tal-alkoħol. Fl-2009 l-età minima telgħet għal 17-il sena. L-aġenzija Sedqa ilha, għal numru ta’ snin, taħdem biex l-età minima titla’ għal 18-il sena. Pubblikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea turi li 93% tal-Maltin jaqblu li l-età minima għandha tkun ta’ 18-il sena.

Infiq ta' flus għal materjal għall-Iskejjel tad-Design and Technology Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f’xiri ta’ materjal kemm għall-użu taċ-Ċentru kif ukoll għall-iskejjel mid-Design and Technology Centre tan-Naxxar mis-sena 2005 sas-sena 2010, sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll min kienu l-kuntratturi, ħwienet, ażjendi jew tip ieħor li ħadu xi xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Design and Technology Centre — tender għal xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid it-tender li dettalji tagħha qed jingħataw separatament fiex kienet tikkonsisti u min rebaħ din it-tender li kienet mogħtiija għal xogħlijiet mitluba mid-Design and Technology Centre li jinsab fin-Naxxar? Tista’ tgħid jekk ix-xogħlijiet sarux kollha u jekk le x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tender numru CT 2569/07 huwa tender tal-European Regional Development Fund (ERDF). Dan kien maqsum f’seba’ lottijiet. Lot numru 7 huwa dwar magni tad-Disinn u Teknoloġija. Lot Deskrizzjoni Intrebaħ minn 7 Magni għad-Disinn u Teknoloġija Rausi Ltd Il-kuntratt ta’ Lot numru 7 ġie ffirmat fl-4 ta’ Mejju 2010. Bħallissa bdew jitwasslu l-magni fis-seba’ skejjel sekondarji fejn hu ppjanat li jitqiegħdu dawn il-magni. Xi magni diġà waslu u oħrajn se jaslu fil-ġranet li ġejjin. Beda l-proċess ta’ tqegħid u commissioning tal-magni. Dan għandu jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Konsulenza lill-aġenzija Sedqa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17504, tista' l-Ministru tikkwantifika kemm kienet is-somma mħallsa sena b'sena, fis-snin indikati, lill-kumpaniji ta' avukati li taw konsulenza lill-Aġenzija Sedqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont li l-Aġenzija Sedqa ħallset jista’ jiġi kkwantifikat kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Kumpanija Hlas 2004 Sapiano & Associates €8,314.70 2005 Sapiano & Associates €9,146.16 2006 Sapiano & Associates €10,060.79 2007 Sapiano & Associates €11,066.86 2008 Sapiano & Associates / Ganado Sammut Advocates €3,557.85 €5,435.21 2009 Ganado Sammut Advocates €8,152.81

Skema ġdida tal-ischolarships

Question

Tista' l-Ministru tindika meta se jkun hemm l-iskema l-ġdida tal-ischolarships għal studenti li jixtiequ jkomplu jagħmlu l-istudji tagħhom barra minn Malta? Tista' ukoll tindika liema kienu l-priority areas of study fl-aħħar skema ta' scholarships u liema hu indikat li se jkun fl-iskema li ġejja? Kemm studenti bbenefikaw mill-aħħar skema ta' scholarships ? F'liema suġġetti? Minn liema raħal jew belt kienu ġejjin dawn l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni miltuba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

talba għal post alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar lanqas qatt ma offriet post alternattiv lill-famlija li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- Onorevoli Interpellant għandu jagħti parir lill-persuna indikata minnu biex tmur għand l-uffiċċju tal-Cusomer Care tal-Awtorità tad-Djar biex tara fejn waslet l-applikazzjoni tiegħu/ha.

Umberto Colosso — time frame tal-phasing out

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ttieħdet l-ewwel darba d-deċiżjoni li tagħlaq l-iskola Umberto Colosso? Kif kien it-time frame tal-phasing out sena b'sena sal-għeluq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-2005 meta bdew jinbnew l-iskejjel ġodda tal-Kulleġġi, beda jsir eżerċizzju intern dwar il-binjiet eżistenti li għandhom jinżammu u oħrajn li għandhom jingħalqu. Mis-sena 2009 ma daħlux studenti ġodda f’din l-iskola. Peress li din is-sena se tinfetaħ l-iskola Ta’ Żokkrija, Mosta d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ra l-possibilità li jsir ċaqlieq minimu ta’ studenti sabiex kull student ikun qed jirċievi l-edukazzjoni tiegħu f’binja addattata għat-tagħlim. F’April ta’ din is-sena ġie konkluż l-eżerċizzju tal-għeluq ta’ din l-iskola b’mod permanenti minn Settembru li ġej.

Umberto Colosso — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti sena b'sena fl-iskola Umberto Colosso?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola Ex Umberto Calosso inbidel isimha xi snin ilu, u għalhekk l-Onor. Interpellant probabbli qed jirreferi għall-Iskola Sekondarja Subien Kulleġġ Sta. Tereża. In-numru ta’ studenti sena b’sena f’din l-iskola huwa kif jidher hawn taħt. Sena Nru. ta’ Studenti Form 2 63 Form 3 88 Form 4 94 Form 5 92

Skola Umberto Colosso — flus fuq tagħlim

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus, sena b'sena bejn l-2007 u llum, fl-iskola Umberto Colosso f'dak li għandu x'jaqsam ma' titjib kemm fil-bini kif ukoll f'dak kollu marbut mat-tagħlim (bħal whiteboards, desks eċċ.)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-nefqa tal-flus li ngħataw mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, sena b’sena bejn l-2007 u llum, fl-iskola Umberto Colosso f’dak li għandu x’jaqsam titjib kemm fil-bini kif ukoll f’dak kollu marbut mat-tagħlim, tinsab fit-tabella hawn taħt: Sena Nefqa f’Risorsi (€) Nefqa f’Bini u Manutenzjoni (€) 2007 10,751.38 7,271.16 2008 3,535.97 11,374.13 2009 6,606.58 6,736.48 2010 288.50 772.10 TOTAL € 21,185.43 € 26,153.87

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — numru ta' karozzi/vetturi mikrija

Question

Tista' l-Ministru tinfurmani bin-numru tal-karozzi/vetturi mikrija għall-użu tal-Ministeru u d-dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha? Tista' tgħid ukoll kemm hija ċ-ċifra ta' flus li tħallset fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 għal dan is-servizz u kemm huwa kkalkulat li jrid jitħallas sal-aħħar tas-sena rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.