Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tqassim ta' bozoz — ammont

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ bozoz li tqassmu s'issa f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li tqassmu ’l fuq minn 130,000 voucher li bejniethom jammontaw għal madwar miljun bozza.Din l-inizjattiva ġew ivvutati € 4 Miljun għalija.

Voucher tal-Bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jridu jagħmlu dawk li għadhom ma ħadux il-bozoz b'xejn u kemm iridu jistennew biex jirċievu l-voucher li huma intitolati għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kull min ma rċeviex il-voucher jista jirraporta l-każ fuq il-freephone nru 80072212 u jekk wara li ssir il-verifika mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinstab li l-persuna hija ntitolata għall-bozoz energy saving b’xejn, jintbagħtilha voucher.

biċċeriji fil-privat approvati għall-qatla tal-annimali jew tat-tjur

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' biċċeriji fil-privat li huma approvati għall-qatla tal-annimali jew tat-tjur? Fejn jinsabu dawn il-biċċeriji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Construction wastes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12317 u jipprovdi statistika dwar construction waste li ġie dumped f’barrieri privati, b’lista sħiħa tagħhom mis-sena 2007 sal-lum? Kemm ġie dumped construction waste f’public landfills bħal Magħtab fl-istess medda ta’ żmien? Liema tenders jeżistu għad-dumping ta’ construction waste fil-Magħtab u kemm minnu qed jiġi riċiklat? Kemm qed jitħallas il-kuntrattur involut u min huwa? Kemm ġie dumped construction waste fil-baħar fl-istess perjodu? Jista' jikkonferma jekk fil-kaz tal-proġett ta’ Smart City dan il-construction waste qed jiġi dumped fl-offshore dumping zone?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li rigward it-tieni u t-tielet domandi ma kienx hemm dumped construction waste f’public landfills bħall-Magħtab u lanqas jeżisti l-ebda tender għad-dumping ta’ construction waste fil-Magħtab. Dwar l-ewwel u r-raba’ u l-ħames mistoqsija nitlob l-Onor Membru biex jagħmilhom lill-Ministru kkonċernat.

Żurrieq — bini ta' ħajt fi Triq Franġisk Colerio

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-ħajt fi Triq Frangisk Colerio iż-Żurrieq, retaining wall li waqa’ għal ġo għalqa bil-maltempata ta' Settembru, għadu sal-lum mhux lest? Jaf li dan il-ħajt kien qed joħloq periklu kbir għar-residenti, u fil-fatt waqgħu żewġt itfal għal ġo l-għalqa qabel id-dipartiment iddeċieda li jibgħat il-ħaddiema tal-Gvern? Għaliex kien hemm bżonn jintużaw blokki kbar tal-ġebel biex jerġa’ jinbena l-ħajt? Kemm qamu dawn il-blokki? Minn fejn inxtraw? Għaliex kien hemm bżonn jinkera crane mingħand il-privat biex sar ix-xogħol? Jista' jikkonferma li fil-fatt kienu ħaddiema tal-Gvern li temmew ix-xogħol u mhux ħaddiema tal-kuntrattur? Għaliex kien hemm bżonn jinkera crane mingħand il-privat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lix-xogħol tar-retaining wall tat-triq li waqa’ għal ġo għalqa ittella'. Il-ħajt ittella sa wiċċ il-bankina. Barra dan, issa ser intellgħu ċint baxx ‘l-fuq mill-bankina. Intużaw il-blokki kbar tal-ġebel biex jikkumplimentaw dak li hemm eżistenti fil-bqija tat-triq. Il-blokki u ġebel tal-kantun tad- 9” li ntużaw fuq ix-xogħol ġew kollha mill-barriera tal-Gvern li tinsab ta’r-Robba. Spejjes li intefqu: Konkos fil-pedament Euros 367.12 Transport tal-blokki kbar Euros 390.00 Transport tal-kantun tad-9” Euros 93.00 Spejjes tal-krejn Euros 447.36 Il-krejn li ntuża’ hu tal-Kuntrattur privat li għandu period contract ta’ sena mad-dipartiment Jien infurmat li ma sar l-ebda rapport dwar inċident ta’ żewġt it-tfal, kemm mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u kemm lill-Pulizija taż-Żurrieq u l-anqas lid-distrett tal-Gvern numru 4 tar-Robba.

Importazzjoni ta’ siġar tal-palm

Question

Jista' l-Ministru jgħid għadhiex titħalla l-importazzjoni ta’ siġar tal-palm, u jekk iva, minn fejn qegħdin jiġu importati dawn is-siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 8588.

Importaturi li importaw siġar tal-palm infettat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex investigat min huwa/huma l-importatur jew importaturi li importaw is-siġar tal-palm infettat, u jekk ħax xi passi jew hux beħsiebu jieħu xi passi kontra tagħhom? Jekk iva, x’passi huma dawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 8755.

Kumpens lill-individwi li tilfu s-siġar tal-palm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jikkumpensa lil dawk l-individwi li tilfu s-siġar tal-palm stabbiliti fil-ġonna privati tagħhom, aktar u aktar jekk irrizulta li l-Ministeru tiegħu approva l-importazzjoni ta’ siġar tal-palm minn pajjiżi fl-Ewropa fejn il-bumunqar tal-palm kien diġà magħruf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-mistoqsija nru 8588.

Bdiewa Maltin u Għawdxin — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri konkreti qed jittieħdu biex il-bdiewa Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jibqgħu ikabbru dawk il-prodotti li għadhom ikabbru bħalissa għax jingħataw is-sussidju fuqhom? Xi pjanijiet hemm biex ikampaw bla sussidju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-Gvern ilu mill-2004 jieħu miżuri konkreti biex il-bdiewa Maltin u Għawdxin jibqgħu vijabbli u sostenibbli. Dan għamlu permezz tal-ewwel Pjan għall-Iżvilupp Rurali 2004-2006 u t-tieni Pjan 2007-2013. Fit-tieni Pjan li hu fis-seħħ bħalissa, hemm 18-il miżura li se jiswew madwar mitt (100) miljun Ewro f’għajnuna. Fost dawn hemm il-Miżura 121 li se tipprovdi għajnuna ta’ madwar 14-il miljun Ewro mmirati lejn is-settur primarju agrikolu. Din l-għajnuna se tagħti l-opportunità lill-bdiewa u r-raħħala li jkunu iżjed kreattivi u kompetittivi bir-riżultat li finalment tonqos id-dipendenza tagħhom minn fuq is-sussidji. Tajjeb jingħad ukoll li fl-ewwel sejħa ta’ din il-miżura, t-talba tal-bdiewa u r-raħħala kienet madwar tliet darbiet iżjed mill-għajnuna disponibbli. Dan juri biċ-ċar kemm il-bdiewa u r-raħħala għandhom fiduċja u ħerqa biex jirristrutturaw l-azjendi tagħhom. Hu ppjanat li t-tieni sejħa ta’ din il-miżura ssir is-sena d-dieħla. Miżura oħra konkreta għall-bdiewa u r-raħħala hi dik taħt forma ta’ intitolament fuq l-art, li tippermetti li l-bidwi jista’ jkompli jkabbar dawk il-prodotti li jixtieq u skont id-domanda tas-suq, mingħajr ma jitlef l-għajnuna. Mill-bidu ta’ dawn il-pjanijiet ta’ żvilupp rurali l-Gvern, fassal ukoll pjan li diġà qed fis-seħħ, fejn inkoraġġixxa lill-bdiewa jingħaqdu f’Għaqdiet ta’ Produtturi. Dawn l-Għaqdiet huma ntiżi biex is-settur agrikolu jissaħħaħ u jkun aktar effiċjenti b’riżultat li titjieb il-qagħda finanzjarja tal-bidwi. Dan kollu jseħħ billi dawn l-Għaqdiet ibiegħu direttament il-prodott tagħhom li jfisser żieda fid-dħul u l-qliegħ għall-bdiewa. Kif tħabbar fl-aħħar baġit għaddejjin ukoll taħdidiet biex jiġi riformat l-operat tal-pitkalija bil-għan ewlieni li d-dħul tal-bidwi jkun verament jirrifletti x-xogħol u d-dedikazzjoni tiegħu. Dan naturalment irid isir mingħajr ma jiġu njorati l-operaturi l-oħra. Minbarra dawn il-pjanijiet u miżuri, l-Gvern, permezz tat-Trattat ta’ Sħubija, kien innegozja pakkett ta’ għajnuna, msejjaħ SMPPMA li jkopri s-snin 2004-2014, li hu intiż biex jgħin lill-bdiewa waqt il-perjodu transitorju sakemm issir it-trasformazzjoni meħtieġa fis-settur primarju.

Electric and land transport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11992 u jikkonferma li xi sentejn ilu ġie ppreżentat bi studju dwar electric transport u land transport in ġenerali? Jekk iva, jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli nterpellant biex ikun iktar speċifiku dwar liema rapport qiegħed jirreferi għalih.

Santwarju ta' l-Annimali Noah's Ark — ambulanza għall-annimali

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kif se jagħmel biex ikompli jgħin lis-Santwarju ta' l-Annimali, Noah's Ark issa li spiċċaw il-fondi ta' €30,000 għall-proġett pilota ta' sitt xhur? X'assessment għamel il-Ministru tal-proġett pilota? Peress li jidher li Noah's Ark jeħieġ €1,200 fil-ġimgħa biex imexxi 'l quddiem il-progett ta' Ambulanza għall-Annimali, x'pożizzjoni għandu l-Gvern dwar dan anke peress li ma semma' xejn fl-aħħar budget?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u Noah’s Ark hu sal-aħħar tas-sena. Il-flus ivvutati skont il-kuntratt għandhom iwasslu sal-aħħar tas-sena għax l-istima saret bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Il-proġett pilota li kien kontinwament moniterjat mid-dipartiment tal- Animal Welfare se jgħin biex ikunu kkunsidrati diversi soluzzjonijiet oħra. Jien infurmat lin- Noah’s Ark irċeviet diversi forom ta’ għajnuna mill-Gvern fosthom l-użu ta’ art tal-gvern ġewwa l-Mellieħa, vettura mgħammra bħala ambulanza biex tkun tista’ sservi bħala back up, kif ukoll is-servizz ta’ impjegat full-time imħallas mill-fondi pubbliċi. Il-Gvern jemmen li l-flus ivvutati għall-2009 u li issa reġgħu ġew ivvutati għall-2010 huma biżżejjed biex jingħata dan is-servizz flimkien ma’ affarijiet oħra relatati ma’ dan is-suġġett.

riċerka u innovazzjoni — inċentivi

Question

Billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma setturi li jingħataw importanza partikolari mill-Unjoni Ewropea, u billi jidher li l-Gvern Malti għandu l-ħsieb li jagħti inċentivi partikolari għal dan is-settur, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi skemi partikolari hu mistenni li jitabbru f'dan il-qasam?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-baġit mħabbar aktar kmieni dan ix-xahar jindika numru ta' inizjattivi ġodda jew supplementi għall-inizjattivi eżistenti bl-għan li jsaħħu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta. Dawn jinkludu: · Estensjoni ta l-iskema ' 20millionforindustry' b'żieda ta' €7 miljun ewro, li minnhom 4 miljun ewro se jiġu allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni. · Żieda fil-vot għall-inċentivi tal- Malta Enterprise biex fost l-oħrajn, investituri barranin li diġà joperaw f’Malta jiġbdu lejn Malta attivitajiet vertikali għall-operat eżistenti tagħhom, inklużi ir-riċerka u żvilupp tal-prodott, fost l-oħrajn. · Irduppjar tal-Fond ta’ Riċerka u Innovazzjoni għal €700,000. · Tfassil ta' strateġija għall-Iżvilupp tal-Industrija tal-Logħob Diġitali, li għaliha ġew allokati €250,000. · Twaqqif ta’ databank dwar il- Genome Uman, b'allokazzjoni ta' €250,000 għal dan il-proġett. · Twaqqif tal- Malta University Research, Innovation and Development Trust Fund bil-għan li jinkoraġġixxi r-riċerka fl-Università u li jgħin fl-użu tagħha għal skopijiet kummerċjali u industrijali. Nofs miljun ewro gew alloakti lill-Università ta’ Malta biex jitwaqqaf dan it-Trust Fund, li ghandu jigi ssuplementat ukoll b’ghotjiet ohrajn fejn kull donazzjoni ta’ mhux anqas minn €150 se jingħata tnaqqis tal-istess ammont mid-dħul taxxabbli sa massimu ta’ €50,000. · Rifużjoni ta’ 15.2% fuq spejjeż li fuqhom tkun tħallset it-taxxa f’proġetti ta’ riċerka approvati mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. · Inċentiv sostanzjali lil persuni u entitajiet li jagħmlu riċerka li twassal għal privattivi, patents , li jkopru l-invenzjonijiet tagħhom li jikkonsisti f’eżenzjoni mit-taxxa fuq royalties u dħul simili (sa ammont massimu li se jiġi stabbilit) li jirriżultaw minn patents fuq invenzjonijiet li jkunu jikkwalifikaw fil-parametri stabbiliti fil-kuntest tal-politika ekonomika u industrijali tal-Gvern. · L-integrazzjoni ta’ xi laboratorji tal-Gvern fil-Laboratorju Nazzjonali li eventwalment se jifforma parti mill- Biotechnology Park ġewwa San Ġwann, b’investiment ta’ 20 miljun ewro. · Premju għall-Kreattività u l-Innovazzjoni, b’fond ta’ €100,000 li għandu jinċentiva aktar investiment fil-kreattività u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-arti, it-teknoloġija u l-manifattura. Id-dettalji preċiżi ta' kif se jaħdmu dawn l-iskemi fil-prattika għadhom qed jiġu analizzati mill-entitajiet konċernati rispettivi u huma mistennija jitħabbru fil-futur qrib.

Siġar tal-palm mejta

Question

Jista' l-Minsitru jara li s-siġar tal-palm li jinsabu fi spazji pubbliċi u li mietu kawża tal-mard li kien hawn jitneħħew għax jagħtu dehra ta' telqa lill-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li dawk l-entitajiet responsabbli, inkluż kunsilli lokali minn spazji pubbliċi bħall-ġonna u parks, huma obbligati li jassiguraw li palm infettat li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom jinqata’, skond kif stipulat fl-istess regoli. Dawn għandhom il-faċilità li jneħħu l-palm infettat jew billi jqabbdu l-ħaddiema tal-PARCs jew xi kuntrattur privat.

Kumitat tar-Riabilitazzjoni — xogħlijiet imwettqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12391 u jgħid x'xogħlijiet wettqu l-Kumitati tar-Riabilitazzjoni tal-Imdina, tal-Kottonera u tal-Belt Valletta matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull kumitat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minbarra dan, sar ippjanar ta’ xogħlijiet fl-Imdina u fil-Kottonera li ser jitwettqu s-sena d-dieħla. Tajjeb wieħed jinnota lix-xogħol li jsir f’dawn il-postijiet mhuwiex esklussiv għall-Kumitati tar-Riabilitazzjoni. Sar xogħol ieħor mill-MRRA f’dawn il-lokalitajiet.

Ħela ta' riżorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm daqshekk ħela ta’ riżorsi mill-Environment Landscaping Consortium meta pjanti li għadhom bil-fjuri tajbin qegħdin jinqalgħu wara ftit granet biex jitħawlu oħrajn ġodda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-pjanti, li l-Onor qed jirreferi għalihom u li huma magħrufa bħala annwali, huma ntegrati fil-kuntratt għall-manutenzjoni u huma nklużi fir-rata li jitħallas biha l-Konsorzju. Il pjanti, jitneħħew u jinbidlu skond il-bżonn u taħt id-direzzjoni esperta fil-qasam tal-ortikultura mingħajr ebda spejjeż żejda għall-Gvern.

Siġar tal-palm — Bumunqar aħmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2007, 2008 u 2009 s’issa, kemm mietu siġar tal-palm f’Malta u f’Għawdex minħabba l-Bumunqar Aħmar tal-Palm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li matul l-2007 saru 160 spezzjoni u nstabu 90 palma infettata. Fl-2008 saru 478 spezzjoni u rriżulta li ġew maqlugħa 193 palma. Matul din is-sena (2009) sas-16 ta’ Novembru saru 343 spezzjoni u ġew maqlugħa 629 palma.

Environment Landscaping Consortium — Responsabilta' tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa r-rappreżentant tal-Gvern fuq dan l-Environment Landscaping Consortium li għandu r-responsabbiltà jara li x-xogħol li qed isir huwa xjentifikament korrett u li ma jmurx kontra l-obbligi li l-pajjiż għandu fil-qasam ta’ Konvenzjonijiet Internazzjonali, inklużi dawk tal-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li skont il-kuntratt, il-Gvern m’għandu l-ebda rappreżentant fuq il-Bord tal-ELC. Il-Consortium huwa entità privata. Pero l-Gvern għandu Monitoring Unit li jara li l-Environment Landscapes Consortium jimxi skond l-istess kuntratt u b’mod teknikament korrett u professjonali. Dan il-Unit jinkludi fih nies tekniċi u professjonisti mid-Dipartment ta’ l-Agrikoltura.

Environment Landscaping Consortium — Importazzjoni ta' siġar, xtieli u żrieragħ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intefqu flus minn dan l-Environment Landscaping Consortium minn kemm ilu jopera sena b’sena fl-importazzjoni ta’ siġar, xtieli, u żrieragħ biex dawn jintużaw u jitħawlu fl-ambjent naturali Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif għidt diversi drabi, l-Environment Landscaping Consortium hija kumpanija privata u għalhekk il-Gvern ma jkollux l-informazzjoni mitluba.

Palm bil-bumunqar aħmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid mnejn huwa maħsub li ġie l-palm li fih kien hemm mill-Bumunqar Aħmar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li mhux faċli li ssib minn fejn ġie l-palm infettat li permezz tiegħu daħal l-insett ġewwa Malta. Dan minħabba li fil-bidu tal-infezzjoni l-palm ikun mingħajr sintomi. Dawn jibdew jidhru wara numru ta’ xhur u ġieli snin wara li l-palma tkun ġiet attakkata mill-bumunqar. Barra minn hekk, id-Dipartiment għas-saħħa tal-pjanti permezz ta’ spezzjonijiet li jsiru, jivverifika li kull palma li daħlet hawn Malta f’dawn l-aħħar snin kienet akkompanjata biċ-ċertifikati neċessarji, kemm mill-Unjoni Ewropea u anke minn pajjiżi terzi.

Importazzjoni ta' siġar mingħajr mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mill-Environment Landscaping Consortium biex jiġi assigurat li n-numru ta’ pjanti u sigar importati ma jdaħħlux magħhom mard, insetti u annimali oħra li jistgħu ikunu ta’ dannu kemm għall-ambjent naturali, kif ukoll għall-agrikoltura, bħalma ġara fil-każ tal-Bumunqar Aħmar tal-Palm u oħrajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.