Transport Malta — postijiet fejn seħħew inċidenti stradali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta żżomx statistika (li nifhem trid tinġabar mingħad il-pulizija jew mingħand il-wardens) tal-postijiet li fihom iseħħu inċidenti stradali? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni, lokalità lokalità, tal-inċidenti li seħħew matul l-2010?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel sentenza fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15397.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hix qed titlob lill-korporazzjonijiet bħall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, il-pjan tagħhom għal xogħol fuq it-toroq, b'mod partikolari, it-toroq arterjali biex b'hekk Transport Malta tkun tista' tikkordina aħjar ix-xogħol meħtieġ f'dawn it-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.20088.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm parti mit-Triq l-Industrija ġewwa Ħal Qormi faċċata tat-Triq Conċetta Borg Calleja indikata li ma jistax isir parkeġġ meta hemm bżonn urġenti ta' aktar parkeġġ u jidher li xejn u ħadd mhu qed ikun ostakolat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tabelli msemmija mill-Onorevoli Interpellant ilhom hemm minn ħafna qabel ma saru t-toroq taż-żona industrijali u jidher li dawn kienu saru biex jippermettu l-manuvrar ta’ vetturi kummerċjali kbar bejn Triq l-Industija u Triq Concetta Borg Calleja kif ukoll biex ikun hemm aċċess mhux ostakolat għat-turġien li jagħtu għall-parti ta’ fuq tal-istess triq. Sadattant, it-Traffic Management Unit fi ħdan Transport Malta se tagħmel assessment ġdid biex tara jekk dawn il-linji għandhomx jibqgħu kif inhuma jew jekk jistgħux jiċċekknu biex, filwaqt li l-manuvrar ta’ vetturi kummerċjali jibqa' mhux ostakolat, jinħoloq iktar spazju ta’ parkeġġ.
B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 22267 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gabbani ta’ Bieb il-Belt li kellhom il-kirja tagħhom imġedda sat-30 ta’ Gunju 2011 hux se jingħataw post alternattiv jew kumpens? F’każ li se jiġu offruti post alternattiv, fejn se jkun dan il-post?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fi ħlasijiet ta’ perizja u spejjeż relatati għal proġett ta’ paving madwar Dock 1? Jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħataw dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’sejħa għall-offerti jew direct order?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ħlasijiet li saru sa nofs Frar 2011, fuq perizja u spejjeż relattivi fuq il-proġett ta' paving madwar Dock 1 kien ta' €524,092 eskluż il-VAT.
Infurmat ukoll li l-periti magħżula għall-proġett ta' embellishment f'Dockyard, Pjazza Gavino Gulia, Bormla huma Architecture Projects, l-istess periti li għamlu id-disinji għan-nom tal-konsorzjum Romegas għall-applikazzjoni tal-permessi. Għaldaqtant, il-periti ġew magħżula b' direct order għax id-disinji huma tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed isir ix-xogħol ta’ paving madwar Dock 1 qabel ma jsir l-istess proġett ta’ Dock 1? Jista’ jassigura li mhux se jsiru ħsarat fuq il-paving u street furniture li qed isir, ladarba jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Dock 1?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li x-xogħol ta' paving li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa separat mill-proġett tar-restawr tal-bini li hemm biswit id-Dock 1. Infurmat ukoll li x-xogħol fuq dan ir-restawr jista' jsir mingħajr ma' ssir ħsara fuq il-paving u street furniture li se jsiru madwar id-Dock 1.
Bormla — Xogħlijiet f'St Nicholas Married Quarters
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24118 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq ir-residenzi f'St Nicholas Married Quarters f'Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għalqet fil-15 ta' Marzu u x-xogħlijiet għandhom jinbdew wara li titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlaemtari 24117 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fuq ir-residenzi fil-Verdala Housing Estate, Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għalqet fil-15 ta' Marzu u x-xogħlijiet għandhom jinbdew wara li titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid xi provvedimenti beħsiebu jieħu sabiex jassigura li l-irmiġjaturi tal-Port u l-familji tagħhom ma jbatux finanzjarjament, issa li se tispiċċalhom l-esklussività u konsegwentement se jispiċċaw bla xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-regolamenti preżenti mkien ma' jitkellmu dwar esklussivita' fl-operazzjoni tal-irmiġġ. Bħala stat ta' fatt hemm diversi terminal operators li diġà esprimew ir-rieda li jinnegozjaw Service Level Agreement mal-grupp eżistenti ta' irmiġġjaturi.
Transport Malta — Pelican Lights - applikazzjoni lill-Enemalta għall-provvista ta' elettriku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta applikatx mal-Korporazzjoni Enemalta biex jiġi stallat l-elettriku fil-pelican lights li jrid jibda jitħaddem fi Triq il-Wileġ San Pawl il-Baħar? Jekk iva, fiex waslet din l-applikazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħmel l-aħħar tħejjijiet mal-Electrical Section tal-MSD biex l-applikazzjoni tal-Enemalta tiġi sottomessa.
San Pawl il-Baħar — tiswija tal-arblu tal-pelican lights
Question
Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu l-passi neċessarji biex l-arblu li fuqu kien imwaħħal il-pelican lights fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar u li tkisser fl-aħħar maltemp qawwi li kellna, jissewwa kemm jista' jkun malajr?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta diġà bdiet il-proċeduri sabiex il-ħsara tissewwa fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata t-triq tal-Imtaħleb minn fejn qata' ħesrem l-asfalt għal ħdejn iċ-ċentru ta' riabilitazzjoni (SATU) għax minn informazzjoni li għandi din kellha ssir mat-tender/xogħol oriġinali, imma għal xi raġuni x-xogħol waqaf sa fejn effettivament waqaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi din it-triq imsemmija m'hijiex triq arterjali jew distributorja u għalhekk mhix responsabiltà ta' Transport Malta.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħlasijiet ta' tenders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23748 u jgħid illum kemm huwa kalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru jrid jgħaddi lill-kuntratturi li jissuplixxu s-sevizzi u provvisti abbażi ta' tenders li ttieħdu mill-istess kuntratturi u kumpaniji mill-ministeri u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża li minħabba fiha riċentement kellu jsir xogħol ta' tħaffir fi Triq il-Qolla, Ħaż-Żebbuġ? Jista' jgħid minn min ġie ikkummisjonat dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk għadx hemm bżonn ta' aktar intervent f’din l-istess triq? Jista' jassigura li hekk kif ix-xogħol ikun lest isir ix-xogħol riparatorju neċessarju, taħt is-superviżjoni neċessarja sabiex jiġi assigurat li dan ix-xogħol jilħaq l-istandards neċessarji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fi Triq il-Qolla, Ħaż-Żebbuġ sar fuq permess tal-emerġenza maħruġ minn Transport Malta għall-Water Services Corporation. Dan il-permess inħareġ biex tissewwa ħsara fuq il-main tad-drenaġġ li għaddej minn din l-istess triq. Il-WSC qabdet lil kuntrattur tagħha biex isewwi din il-ħsara.
Ninsab infurmat ukoll li x-xogħlijiet koperti bill-permess maħruġ huma kompluti pero’ ma’ jistax jiġi eskluż li jinqalgħu ħsarat ġodda fit-triq imsemmija. Il-permess jinkludi fih kundizzjonijiet sabiex il-wiċċ tat-triq jerġa jissewwa skont kriterji stabbiliti u la darba jkun sottomess il-works compliance report dan ikun awdijat sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet stabbiliti ġew osservati.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju ġew ingaġġati l-aħħar 13-il security officer ma' Transport Malta meta dawn m'għandhomx il-kwalifiki meħtieġa? Jista' jgħid jekk il-fatt li dawn kollha jemanu mill-ewwel distrett elettorali kienx il-kriterju meħud in konsiderazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex il-parkeġġ tal-korsa tal-Marsa jkun riabilitat u minnu jkun offrut park and ride service? Jista' jgħid min kien ħareġ b'din l-idea u min se jibbenefika minn dan il-park and ride?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi parti mir- riforma tat- trasport pubbliku tinkludi l-ħsieb sabiex jiġu żviluppati aktar Park and Rides ġewwa Malta u dan wara s- suċċess li kiseb l-ewwel Park and Ride li kien ġie introdott ġewwa l- Floriana. Il-parkeġġ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant se jiġi żviluppat f'wieħed minn tliet park and rides li se jkollna ġewwa Malta.
Infurmat ukoll li barra l- faċilita ta' pparkjar ta' vetturi, din il- faċilita sejra isservi wkoll bħala
interchange
u għaldaqstant, dawk il-persuni illi sejrin jużaw din il-faċilità se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn numru ta' rotot, li jitilqu minn din il-faċilità lejn diversi lokalitajiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-intenzjoni li l-bibien fi Triq Robert Baden Powell, Birżebuġa jiġu numerati mill-ġdid bħalma ġara fil-kumplament tal-lokalità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-konfront tal-irmiġjaturi tal-Port mhux qed jaġixxi bl-istess mod li mexa ma' setturi oħra li jaħdmu fil-port?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jespandi aktar dwar l-interpretazzjoni tiegħu biex inkun f'pożizzjoni li nirrispondi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-parti rimanenti ta' Triq Fra Luca Zurchi fiż-Żurrieq, peress li t-triq hija ta' inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet se jinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħlijiet jinbdew ladarba ssir l-aġudikazzjoni tal-istess tender.