Ministeru għas-Saħħa – reklamar fuq Facebook — nefqa
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa mill-Ministeru għas-Saħħa li tinkludi wkoll id-Dipartiment għar-Regolazzjoni tas-Saħħa f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017 kienet ta’ €82.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kienet ir-raġuni li ġie kkawżat tniġġis fil-baħar fiż-żona tax-Xemxija (Slipway ħdejn il-boathouses ftit ’l isfel minn Ambassador Hotel) fis-7 ta’ Lulju 2017? Din il-bajja kemm damet ma tistax tintuża? Kien hemm rapport ta’ infezzjonijiet jew konsegwenzi oħra fuq nies li fil-fatt xorta marru jgħumu fiż-żona msemmija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ġie indikat fl-istqarrija għall-istampa maħruġa fis-7 ta’ Lulju 2017 bin-numru PR171652 din iż-żona tax-Xemxija ġiet magħluqa minħabba li kien hemm żbroff tad-drenaġġ mis-sistema prinċipali tad-drenaġġ fl-inħawi. Wara li sar ix-xogħol meħtieġ mid-Diviżjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali beda jiġbor kampjuni tal-ilma baħar miż-żona kuljum kif rikjest bil-liġi.
Din il-bajja reġgħet infetħet għall-għawm nhar it-Tlieta 11 ta’ Lulju 2017 wara li ġie kkonfermat li l-kampjuni kollha miġbura tul dawn l-aħħar jiem irriżultaw kollha li l-kwalità tal-ilma baħar f’din iż-żona kienet fil-livelli rakkommandati u għalhekk kif inhu ukoll rikjest bil-liġi din il-bajja reġghet infetħet għall-għawm.
Dan id-Direttorat m’għandu l-ebda informazzjoni li kien hemm xi każijiet ta’ infezzjonijiet jew konsegwenzi oħra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737 u għall-fatt li kull mediċina li tidħol f'Malta trid tiġi approvata kemm mill-Awtorità tal-Mediċina kif ukoll mill-Awtorità tal-Liċenzja tal-Mediċina, u għall-fatt li l-liġi li ddaħħlet fil-2015 biex tintuża l-mediċina tal-kannabis li hi estratta mill-pjanta nnifsiha li l-ħidma biex isir implimentazzjoni tagħha mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma saritx, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn din ma ġietx implimentata mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, issa li għaddew aktar minn sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tabib tal-familja li hu speċjalista reġistrat, jistax ikun wieħed miż-żewġ firmatorji? X'inhi r-raġuni li ma twaqqafx il-bord li jilqa' l-applikazzjonijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-artiklu 10 tal-Att 1 tal-2015 dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija), speċjalista mill-lista msemmija jista’ jitlob permess lill-Awtorità tal-Liċenzjar għal pazjent speċifiku (named patient basis). Ninfurmah ukoll illi fl-istess imsemmi artiklu ma hemm l-ebda referenza għal bord li jilqa’ l-applikazzjonijiet.
Kannabis Mediċinali — Importazzjoni għal użu personali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twaqqfu persuni (pazjenti) mill-Port Healthli jkunu ordnaw b'mod elettroniku l-importazzjoni f'Malta bil-posta ta' mediċina tal-kannabis għal użu personali, mill-2015 sa Ġunju 2017, xahar b'xahar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda mediċina li kellha l-Awtorizazzjoni tal-Medicines Authority jew tal-European Medicines Agency kif ukoll il-liċenzja mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma ġiet imwaqqfa mill-Awtoritajiet tal-Port Health.
Kannabis Mediċinali — importazzjoni on named patient basis
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737, fejn fir-risposta tiegħu d-Deputat Prim Ministru stqarr li din il-mediċina, bħal kull mediċina oħra, tista’ tiġi importata on named patient basis, għaldaqstant jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu dawk il-pazjenti li applikaw għall-mediċina kannabis b'dan il-metodu mill-2015 ‘l hawn? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu dawk li ġew irrifjutati mill-Awtorità tal-Liċenzji?
Mediċina sintetika tal-Kannabis — Importazzjoni għal użu personali
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 737, fejn fir-risposta tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa stqarr li pazjent jista’ jimporta on named patient basis u għal użu personali, mediċina sintetika tal-kannabis, permezz tal-aġent li jimporta l-mediċina, basta li din issegwi l-Good Manufacturing Practice (GMP). Għaldaqstant hu konxju d-Deputat Prim Ministru li b'dak li stqarr, l-unika mediċina sintetika li tista’ tiġi importata hi dik Savitex li tiswa €500 kull 10mls? Hemm ħsieb li fil-liġi l-ġdida tidħol mediċina ġenerika u li għalhekk tkun ferm irħas?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa ġentilment mistieden jgħaddi t-tagħrif dwar liema hi dik il-“mediċina ġenerika u li għalhekk tkun ferm irħas” li għaliha qed jirreferi.
Kannabis mediċinali — Dħul ta’ mediċina estratt tal-pjanta kannabis
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiddaħħal mediċina li hi estratt tal-pjanta kannabis u li għandha Good Manufacturing Practice?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikant għal liċenzja tad-distribuzzjoni tal-mediċini għandu japplika mal-Awtorità tal- Liċenzjar, liema applikazzjoni tiġi evalwata bħal kull applikazzjoni oħra.
Diviżjoni tas-Saħħa – complement tal-istaff tal-infermiera u l-qwiebel
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqabbel fil-kwantità, il-complement tal-istaff tal-infermiera u l-qwiebel li hemm il-lum fid-Diviżjoni tas-Saħħa meta mqabbel ma' dak li kien hemm f'Marzu tal-2013?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-complement tal-istaff tal-infermiera u l-qwiebel li kienu jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa f’Marzu tal-2013 kien 2,395 filwaqt li preżentament hemm 2,797.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqabbel l-għadd ta' tobba, speċjalisti u kirurgi fl-Isptar Mater Dei llum, ma' kemm kien hemm f’Marzu 2013?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Marzu tal-2013 kien hemm 1,031 tobba, speċjalisti u kirurgi fl-Isptar Mater Dei filwaqt li preżentament hemm 1,142.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-persentagg ta' dawk it-trabi li fis-sena 2016 twieldu b'diformità konġenitali maġġuri u li titqies bħala diżabilità minħabba n-natura tagħha? X'inhuma dawn id-diżabiltajiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2013 u l-2015 ġew irreġistrati 395 tarbija (3.1%) b’anomaliji konġenitali li jitqiesu bħala maġġuri skont il-kriterji tal-EUROCAT (European Surveillance of Congenital Anomalies). Uħud mil-anomaliji konġenitali maġġuri kienu jinkludu problemi fil-qalb, fis-sistema tan-nervituri u f’dik renali.
Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Infant, neonatal, maternal mortality u stillbirth – rati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-rata tal-infant mortality, neonatal mortality u maternal mortality u kif jipparagunaw dawn ir-rati meta mqabbla ma’ statistika tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid x'inhi r-rata ta' stillbirth?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi r-rata ta’ twelid f'Malta f'dawn l-aħħar tliet snin u liema huma l-iscreening tests li jsiru fuq it-trabi hekk kif jitwieldu? Hemm xi ħsieb li jiżdiedu screening tests oħrajn matul din il-leġiżlatura? Kemm huma dawk it-trabi li huma ta' nisel Malti li twieldu f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi propju f'dawn il-ġranet, iġifieri fl-ewwel jiem ta' din il-leġiżlatura d-Dipartiment tas-Saħħa daħħal screening test ġdid għat-trabi tat-twelid. Dan huwa l-heel prick test għal congenital hypothyroidism. Dan l-iscreening test iwassal għal ħafna anqas false positives mit-test preċedenti, li kien iwassal għal ħafna ansjeta’ bla bżonn għall-ġenituri ġodda. Ma' dan wieħed iżid ukoll it-test għat-thalassaemia. Bejn l-2014 u l-2016 twieldu total ta’ 13,343 tarbija f’Malta u Għawdex.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Minstru għas-Saħħa jgħid kemm persuni wżaw is-Sexual Assault Response Team (SART) kull sena minn mindu nfetħet fl-2014?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – ħin ta’ stennija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti tagħrif lil din il-Kamra fuq xi progress sar f'dak li huwa ħin ta' stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn meta ġew implimentati t-tibdiliet li l-amministrazzjoni Laburista tal-2013-2017 għamlet f'dan id-Dipartiment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2013 sal-lum l-ħin ta’ stennija naqas drastikament fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-isptar Mater Dei. Fl-2013, taħt amministrazzjoni nazzjonalista l-medja tal-ħin ta' stennija kien ta' 13-il siegħa filwaqt li preżentament l-ħin medju ta’ stennija huwa ta’ madwar 4 sigħat, li jinkludi l-ħin sabiex issir il-vista mit-tabib u t-testijiet neċessarji.
Infakkru ukoll illi fil-21 ta’ Diċembru tal-2015, ġewwa Mater Dei nfetħet Emerġenza speċifikament iddedikata għat-tfal u l-bżonnijiet tagħhom.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn persuni reġistrati li għandhom il-kundizzjoni Coeliac u x’inhuma l-benefiċċji li huma ntitolati għalihom?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni kronika tas-Coeliac skont l-Iskeda V huwa ta’ 1,294. Dawn il-pazjenti kollha jibbenifikaw minn voucher ta’ valur monetarju ta’ €45 kull xahar; filwaqt li l-pazjenti li għandhom iktar minn 60 sena u kif ukoll dawk li jirċievu l-Għajnuna Soċjali huma ntitolati għall-voucher ta’ €50 kull xahar.