Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf is-servizz tal-home help? X'kien l-iskop oriġinali tiegħu? Kemm ilu ma jsir studju biex jara jekk l-iskop oriġinali ta' dan is-servizz intlaħaqx? Kemm intlaħaq jew kemm ma ntlaħaqx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jgħid jekk jeżistux linji gwida dwar is-servizz tal-home help? Jista' l-gvern jippubblika dawn il-gwidi? Hemm linji gwida li l-gvern/ dipartiment jagħti lill-klijent? Jista' jippubblika dawn il-linji gwida? Kemm ilhom ma jkunu aġġornati dawn il-linji gwida u kemm-il darba ġew aġġornati kemm ilu li ġie mwaqqaf dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-linji gwida dwar is-servizz tal-Home Help.
Ninsab infurmat li dawn il-linji gwida huma ippubblikati u jingħataw lil kull minn jiġi approvat lilu s-servizz. Dawn il-linji gwida ġew aġġornati 5 snin ilu. Saru ukoll linji gwida għal Part-Time Social Assistants li jipprovdu dan is-servizz.
Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — kwestjoni dwar ġbir ta' pilloli
Question
Jista' l-Ministu jgħid jekk ċittadin għandux dritt li minflok imur jiġbor il-pilloli minn Spiżerija tal-Għażla Tiegħek imur jiġborhom mill-Ispiżerija Ċentrali tal-Isptar mill-ewwel? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek hijiex sejra tkompli tinfirex ma' Malta u Għawdex kollu, jew jekk għalissa hijiex se tieqaf u żżomm il-postijiet li qed tagħti s-servizzi minnhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
F’dawk il-lokalitajiet fejn diġa daħlet fis-seħħ l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, il-pazjenti għandhom jiġbru l-pilloli tagħhom mill-ispiżerija tal-lokal u mhux mill-Ispiżerija Ċentrali. Pilloli li jkunu out-of-stock biss jkunu jistgħu jinġabru mill-Ispizerji Ċentrali jew miċ-Ċentri tas-Saħħa.
Kif tħabbar uffiċjalment f’Marzu ta’ din is-sena, l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ser tiġi estiża għal Għawdex u mbagħad tkompli tinfirex ma’ Malta kollha.
każijiet minħabba xi kontaminazzjoni fl-ilma baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2009 f'Malta u Għawdex kemm kien in-numru ta' każijiet minħabba xi kontaminazzjoni fl-ilma baħar? Kemm fil-fatt kien iż-żmien projbit għall-użu ta' din il-bajja kawża ta' din il-kontaminazzjoni? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-sena 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Fl-istaġun uffiċċjali tal-għawm id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jagħmel monitoraġġ regolari li jinkludi teħid u analażi ta' kampjuni tal-ilma baħar, f'sebgħa u tmenin lokalità li huma meqjusa uffiċċjalment bħala żoni tajbin għall-għawm matul l-kosta ta' Malta, Għawdex u Kemmuna.
Fid-9 ta’ Settembru tas-sena 2009, temporanjament ingħalqet parti mill-bajja tax-Xemxija magħrufa bħala l-Fekruna u dan minħabba żbroff tad-drenaġġ. Din il-bajja baqgħet magħluqa għall-perjodu ta’ sebat ijiem u reġgħet infetħet għall-għawm biss meta r-riżulatati tal-analażi tal-ilma baħar li komplew jittieħdu ta’ kuljum deheru li kienu fil-livelli rakkomandati. Il-pubbliku ġie immedjatament infurmat b'dan minn dan id-Direttorat permezz ta' staqarrija għall-istampa kif ukoll twaħħil ta' tabella fl-istess bajja. Din kienet l-unika bajja li ingħalqet matul l-2009.
Din is-sena, fl-10 ta’ Ġunju, b’riżultat ukoll ta’ żbroff ta’ drenaġġ, kellha tingħalaq il-bajja quddiem il-pjazza ta’ Buġibba. Din il-bajja reġgħet infetħet għall-għawm fis-16 ta’ Ġunju wara li r-riżultati tal-analażi ikkonfermaw li l-kwalita` tal-baħar reġgħet kienet tajba għall-għawm.
Dan id-Direttorat għandu sistema awtomatika fejn il-pubbliku jista` jċempel fuq in-numru tat-telefon 21827146 u jingħata informazzjoni aġġornata dwar il-kwalità ta' l-ilma baħar u dan minbarra aċċess għar-riżultati fuq il-
website
.
testijiet fuq laħam li jiġi f'Malta minn pajjiżi barranin
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' testijiet, jew spezzjonijiet, qegħdin isiru fuq laħam li jiġi f'Malta minn pajjiżi barranin biex jiġi assigurat li dan l-istess laħam ma jiġix mibjugħ bħala li trabba f'Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lil Onor Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk personnel mill-Ministeru hux qed jagħmel spezzjonijiet fi ħwienet li jbiegħu l-laħam biex jigi assigurat li l-laħam li jinbiegħ bħala lokali, fil-fatt ikun qed jitrabba f'Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-Ispetturi tas-Saħħa Ambjentali jagħmlu spezzjonijiet regolari ta’ rutina fil-ħwienet tal-laħam li fihom fost affarijiet oħra tiġi vverifikata ż-żamma ta’ dokumentazzjoni ta’ traċċabbilita` tal-prodotti tal-laħam kif ukoll l-ittikkettjar tal-prodotti tal-laħam.
M’hemmx restrizzjonijiet rigward jekk il-prodott tal-laħam li jinbiegħ jkunx lokali jew joriġina minn pajjiż ieħor. L-unika ħaġa li jiġi kkontrollat huwa li fuq it-tikketta tal-prodotti ikun hemm iddikjarat l-oriġini tal-prodott (dan fil-każ taċ-ċanga u tiġieġ li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea) u n-numru tal-istabbiliment fejn jiġi pproċessat il-laħam sabiex ikun assigurat illi dawn l-istabbilimenti huma approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż rispettiv, inkluż dak Malti. Għal prodotti oħra tal-laħam m’hemmx bżonn ikun hemm iddikjarat l-oriġini tal-prodott fuq it-tikketta.
Stabbilimenti fejn jiġi pproċessat u ppakkjat il-laħam, jaqaw taħt il-kontroll tas-servizzi veterinarji.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' samples ta' ilma baħar li ttieħdu matul l-aħħar tliett xhur, biex isir kontroll fuq il-kwalità tal-ilma tal-istess baħar?
Minn fejn ittieħdu dawn is-samples?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-istaġun uffiċjali tal-għawm jibda mit-tielet ġimgħa ta’ Mejju sal-aħħar ġimgħa t’Ottubru. Għaldaqstant, din is-sena l-istaġun beda fis-17 ta’ Mejju u kif inhu rakkommandat mid-Direttiva 2006/7/EC fuq il-Kwalità tal-Ilma Baħar, inġabru ukoll set kampjuni ħmistax-il ġurnata qabel ma’ beda l-istaġun uffiċjali. Dawn il-kampjuni ttieħdu bejn it-3 u l-5 ta’ Mejju. Għalhekk s’issa dan il-programm wasal fir-raba ġimgħa u s’issa ttieħdu 435 kampjun u saru 870 test għal żewġ parametri mikrobioloġiċi kif rikjest bl-istess direttiva.
Dawn il-kampjuni jittieħdu minn 87 sit madwar il-kosta ta’ Malta, Għawdex u Kemmuna. Lista ta’ dawn is-siti qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jindika kif jinħadem il-ħlas tal-anzjani li jinsabu San Vincenz de Paule? Għalfejn hemm anzjani li jispiċċaw iħallsu l-pensjoni kollha bil-bonus b'kollox meta l-politika tal-gvern hi li dawn iħallsu 80%?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali, ir-residenti għandhom jikkontribwixxu 80% tal-pensjoni, inkluż l-għajnuna soċjali u bonuses li jirċievu, u wkoll 60% ta’ kull qliegħ ieħor. Madankollu il-kontribuzzjoni li ssir mir-residenti tinħadem b’mod li tħalli għad-dispożizzjoni tagħhom mhux anqas minn €1,400.00.
Jekk resident jonqos milli jħallas l-ammonti ta’ 60% dovuti minn qligħ ieħor wara li jkun notifikat biex jagħmel dan mill-Gvern, l-ammonti dovuti jiġu mnaqqsa mid-differenza ta’ 20% tal-pensjoni.
In vista tal-fatt li l-gvern fl-aħħar approva s-sexual health policy draft li ngħata lilu mill-esperti tal-gvern stess, u in vista tal-fatt li din il-policy għandha l-għan, fost oħrajn, li jiżdiedu l-programmi li jkollhom l-għan li jnaqqsu t-tqala fost it-teenagers u/jew l-unintended pregnancies, jista' l-Ministru jgħid fil-prattika x'se jsir biex jintlaħqu dawn il-miri importanti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dak li ġie approvat mill-Gvern hija politika Nazzjonali li trid tiġi segwita matul is-snin li ġejjin biex ikun hemm titjib fis-saħħa sesswali tal-poplu u permezz ta’ dan ikun hemm tnaqqis fin-numru ta’ tqala mhux mixtieqa speċjalment fost iż-żgħażagħ kif ukoll tnaqqis tal-mard trasmess sesswalment. Dan irid jintlaħaq permezz ta’ programmi li jippromwovu s-saħħa, tisħiħ u aġġornament tal-edukazzjoni fuq is-saħħa sesswali fl-iskejjel, tisħiħ fis-servizzi tas-saħħa offruti kif ukoll aktar riċerka u sorveljanza f’dan il-qasam.
pjazza ta' quddiem il-Palazz — testijiet fuq l-ilma tal-funtana
Question
Bħalma jaf il-Ministru, il-funtani li tpoġġew fil-pjazza ta' quddiem il-Palazz saru attrazzjoni speċjali għal, fost oħrajn, ħafna tfal żgħar li jogħxew jilagħbu bl-ilma, u saħansitra, jixxarrbu għasra, speċjalment aktar ma jisħon it-temp. Mhux eskluż li xi wħud minn dawn it-tfal, jistgħu anke jinġerixxu (jixorbu) xi ammonti żgħar fil-proċess, għaliex ghalihom ikunu qishom qegħdin il-baħar.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' kontrolli kimiċi u batterjoloġiċi jsiru, jekk fil-fatt isiru, fuq dan l-ilma biex jiġi assigurat li dan ma jkunx ta' ħsara għat-tfal li jilagħbu fih minħabba kontaminazzjoni, jew degradazzjoni fil-kwalità tiegħu?
Jekk dawn it-testijiet ma jsirux, jew ma jistgħux isiru biex il-kwalita tal-ilma tiġi kkontrollata mil-lat ta' saħħa, jaħseb il-Ministru li jkun prudenti li titwaħħal twissija biex ma jitħallewx tfal żgħar esposti għall-perikli li jista’ jkun hemm f''ilma li jkun kontaminat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-kontroll tal-ilma fil-funtani publiċi ma jaqa’ taħt l-ebda liġi sanitarja u għalhekk ma jsiru l-ebda spezzjonijiet fuq l-ilma tal-funtani. Peress li l-ilma tal-funtani huwa ilma riċiklat, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika sa minn dejjem avża lill-pubbliku sabiex ma jsirx għawm u li mhux tajjeb għax-xorb.
Karti tal-Identità ġodda — indikazzjoni dwar donaturi tal-organi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-fehma tal-gvern dwar il-possibilità li fis-sistema l-ġdida tal-Karti tal-Identità ikun hemm, bil-permess tal-persuna involuta, indikat jekk il-persuna tkunx donatur tal-organi kif sar dan l-aħħar fl-Italja ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
San Vinċenz de Paule u Djar tal-Anzjani — persuni mresqin il qorti fuq serq
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17951 mid-9 serqiet irrapurtati minn anzjani rikoverti f'San Vinċenz/Djar tal-Anzjani tal-gvern minn Jannar 2009 'il hawn:
a) Kemm tressqu persuni l-qorti; u
b) Kemm instabu ħatja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-każijiet imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17951 kienu investigati mis-Security Personnel ta’ San Vinċenz. Dan għaliex ma kienx hemm evidenza biżżejjed sabiex tissejjaħ il-pulizija. F’każijiet fejn ikun hemm provi biżżejjed dawn dejjem jiġu riferuti lill-Pulizija.
Fil-każijiet tad-djar tal-Anzjani tal-Gvern il-pulizija ma sabet l-ebda prova u xhieda biżżejjed sabiex jitressqu persuni l-qorti.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17951, fejn instab li €1,645 fi flus jew oġġetti ta' valur insterqu minn anzjani rikoverati f'San Vinċenz de Paule jew Djar tal-Anzjani tal-gvern fi 17-il xahar - medja ta' €100 fix-xahar, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu sabiex il-ħwejjeġ tal-anzjani rikoverati jkunu aktar fis-sigurtà b'mod partikolari flushom? Qatt ġie offrut lilhom xi polza ta' assigurazzjoni kontra s-serq?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li r-residenti fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom kexxun jew gwardarobba personali li tista’ tissakkar biċ-ċavetta. Ir-residenti għandhom ukoll il-possibilita` li jiddepożitaw flus jew oġġetti personali tagħhom fis-safe li hemm fl-uffiċċju rispettiv ta’ kull Kap tad-Dar.
Fir-Residenza San Vinċenz de Paule hija proċedura normali li meta xi membru tal-istaff jinduna li resident għandu xi flus kontanti jew oġġetti ta’ valur, dawn jinżammu ġewwa
safe
jew jiġu depożitati fil-Bank Ċentrali.
Ma hijiex
policy
tad-Dipartiment li joffri lir-residenti anzjani fid-Djar tal-Gvern u fir-Residenza San Vinċenz de Paule xi forma ta’ polza ta` assigurazzjoni kontra s-serq.
Direttorat dwar l-immoniterjar tal-policy dwar mediċini
Question
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 17451, jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-mediċini li s'issa ġew evalwati minn dan il-kumitat? Liema ġew aċċettati li jiġu inklużi fil-formularju tal-gvern għax-Schedule V u liema le? Liema huma dawk il-mardiet li bħalissa ma jaqgħux taħt il-lista tal-mard taħt ix-Schedule V? Liema minn dawn s'issa ġew aċċettati u liema le? Meta hi datata l-applikazzjoni l-aktar li saret kmieni minn dan il-kumitat u li għadha ma ġietx evalwata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat ftehim mal-privat biex il-gvern jibgħat pazjenti biex jagħmlu t-test tal-PET Scan? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jippubblika dan il-ftehim?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-Ministeru għas-Saħħa, L-Anzjani u l-Kura fil-Komunità iffirma kuntratt ma’ Saint James (Capua) Hospital Limited biex il-Gvern jirreferi pazjenti għall-PET Scans f’dan l-isptar.
Peress li l-kuntratt huwa kopert bi klawsola ta’ kunfidenzjalità, u jinkorpora wkoll klawsoli ta’ natura kummerċjali, l-istess kuntratt ma jistax ikun ippubblikat f’dan il-mument sakemm jinġieb il-permess mill-partijiet konċernati għall-pubblikazzjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern Svizzeru ħareġ parti sostanzjali mix-xiri tal-PET Scan għall-Isptar Mater Dei u mhux il-prezz kollu? Hemm xi kundizzjonijiet marbuta ma' dan il-ftehim?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-Ftehim Qafas (Framework Agreement) bejn il-Kunsill Federali Svizzeru u l-Gvern Malti jipprovdi għall-ko-finanzjament Svizzeru sa massimu ta’ 85% u li ma jkunx jaqbeż l-ammont tà 2.79 miljun Frank Svizzeru fuq il-proġett appovat. Il-proġett għax-xiri ta’ PET/CT scanner ġie approvat f’dan l-ambitu.
Il-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan il-ftehim huma li tinbagħat kopja tad-dokumenti msemmija hawn taħt lill-Gvern Svizzeru:
1. id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti għandhom jintbagħtu 20 ġurnata qabel jibda l-proċess tal-appalt, għal skop ta’
non objection
;
2. kopja tal-kuntratt għandha tintbagħat fi żmien 20 ġurnata minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt, għal skop tà nformazzjoni;
3. kopja tar-rapport tà evalwazzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 ġurnata minn meta jingħata l-kuntratt, għal skop tà nformazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-linear accelerator hux se jitwaħħal fl-Isptar Sir Paul Boffa? Meta hu mistenni li jibda jiffunzjona? Kemm hi stmata l-ispiża infrastrutturali biex jitwaħħal dan il-linear accelerator?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern diġa għamilha ċara li l-Isptar Sir Paul Boffa jrid ikompli jilqa’ l-pazjenti u jservi l-funzjonijiet kollha ta’ sptar nazzjonali tal-onkoloġija u tad-dermatoloġija sakemm jinbena u jinfetaħ iċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija fl-Isptar Mater Dei. Infakkar wkoll lill-Onorevoli nterpellant li għalhekk bħalissa għaddej xogħol ta’ embellishment ġenerali tal-Isptar Boffa li jinkludi titjib fl-ambjent ġenerali ġewwa s-swali għall-ġid tal-pazjenti u tal-familjari tagħhom. Dan il-proġett ta’ embellishment jinkludi xogħlijiet ta’ tkaħħil, tibjid u zebgħa; rranġar ta’ kmamar tal-banju; u għamara ġdida. Dan il-proġett jinkludi wkoll xogħol fuq sala ġdida Palliative Care.
Kif diġa kelli l-okkażżjoni li ngħid, huwa mistenni li wieħed minn tlett
linear accelerators
ġodda li ser jinxtraw wara li ngħalaq b’ suċċess il-proċess ta’ sejħa pubblika, se tiġi stallata ġewwa dan l-Isptar Boffa sabiex tkun eliminata kull possibilità ta’ sospensjoni fis-servizzi ta’ radjuterapija mogħtija lill-pażjenti. Infakkar lill-Onor. nterpellant li l-
linear accelerator
eżistenti li tinsab ġewwa l-Isptar Boffa hemm bżonn li tinbidel sabiex tiġi ntrodotta teknoloġija aktar moderna - u dan ukoll għall-ġid tal-pazjenti li jkollhom bżonn is-servizzi ta’ radjuterapija.
L-ispiża infrastrutturali sabiex tkun tista titwaħħal u titħaddem
linear accelerator
ġdida tkun tista tingħata meta jingħalqu n-negozjati dwar is-soluzzjoni teknika magħżula. Madankollu huwa mistenni li l-
linear accelerator
ġdida tkun fil-post sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim tax-xiri tal-apparat mediku bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u INSO? Jista' l-Ministru jgħid jekk apparti dak il-ftehim sal-lum, inxtarax aktar apparat mill-kumpanija INSO bħala żieda mill-apparat miftiehem? X'apparat inxtara u x'kien il-valur imħallas?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw infermiera barranin tul din is-sena biex jingħataw impjieg fil-qasam tas-saħħa tal-gvern? X'nazzjonalità huma? Kemm minnhom ġew approvati? Billi l-Professions Act titlob li infermiera mhux ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitolbu jagħmlu test tal-Malti, jista' l-Ministru jgħid jekk it-test tal-Malti hux se jsir u/jew jekk hux se jintalbu li jieħdu lezzjonijiet tal-lingwa Maltija? X'arranġament hemm mill-Gvern Malti ma' dawk l-aġenziji li qed jagħmlu recruitment minn pajjiżi barranin? Min huma dawn l-aġenziji Maltin u/jew barranin li qed jieħdu ħsieb dan ir-recruitment? Kemm tħallsu s'issa jew baqgħalhom jitħallsu dawn l-aġenziji li qed iġibu dawn l-infermiera barranin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġoġa fuq il-Mejda tal-Kamra.