Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għandhiex xi arloġġ tad-dawl jew ilma intestata fuqha? Jekk iva, jista' jgħid fuq liema indirizz?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ Data Protection, ma tistax tingħata din it-tip ta’ informazzjoni personali, rigward dettalji fuq servizzi tal-klijent.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25929, 24759 u 27483 li oriġinarjament saru lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ u issa ġew riferuti lilu u jgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta nbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26732 u 27482 u jgħid x’sar mill-Project Board dwar id-dħul tas-sistema tal-accrual accounting fis-Servizz Pubbliku, ix-xogħol ta’ liema bord kemm-il darba rrefera għalih meta wieġeb mistoqsijiet dwar meta se tidħol din is-sistema? Jista’ jagħti d-dati tal-laqgħat tal-bord minn meta ġie ffurmat s’issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi solvuta il-problema ta' ilma jew drenaġġ li ilu ħiereġ bosta ġimgħat fi triq li dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ġie stabbilit li dan mhux drenaġġ imma leak ta’ ilma. Il-Korporazzjoni se tagħmel ix-xogħol neċessarju biex issewwi l-ħsarat mingħajr dewmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni Maltija, kemm minnhom huma irgiel u kemm minnhom huma nisa? Kemm minn din l-istatistika hemm persuni li l-post oriġinali tat-twelid tagħhom ma kienx Malta u li dawn ukoll għandhom xogħol f'Malta, kemm minn dawn huma irgiel u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26893.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25790 u jgħid kemm hija l-popolazzjoni Maltija, kemm minnhom huma irgiel u kemm minnhom huma nisa? Kemm minn din l-istatistika hemm persuni li l-post oriġinali tat-twelid tagħhom ma kienx Malta u li dawn ukoll għandhom xogħol f'Malta, kemm minn dawn huma irgiel u kemm minn dawn huma nisa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2009 il-popolazzjoni f'Malta kienet ta’ 414,372 (206,315 irġiel u 208,057 nisa). Minn dawn, kien hemm 396,278 li kellhom ċittadinanza Maltija (196,456 irġiel u 199,822 nisa). Matul l-2009, kien hemm 28,126-il persuna mill-popolazzjoni ta' Malta li kienu twieldu f'pajjiżi oħra (14,171 irġiel u 13,955 nisa). Tul l-2009, skont sorsi amministrattivi mgħoddijin mill-ETC, kien hemm 4,290 raġel u 2,162 mara li kellhom xogħol f’Malta (total ta' 6,452).
Billi huwa mifhum li l-ħaddiema identifikati bħala żejda li minħabba l-pjan ta' ristrutturar tal-Airmalta jistgħu ma jiġux inkorporati fis-settur pubbliku minħabba l-possibilità li dan il-pass jitqies bħala state aid mill-Unjoni Ewropea nnifisha, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet alternattivi hemm maħsuba għall-ħaddiema konċernati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ma’ tistgħax tingħata peress li għaddej il-pjan ta’ristrutturar.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — ħlas ta' dejn
Question
B'referenza għar-Report and Financial Statements għas-sena 2010 tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitħallas il-bilanċ dovut ta' €53,135,659 f'dejn magħmul minn €41,177,558 f'long term borrowings u f'current liabilities ta' €11,870,093 meta s-sovvenzjoni mill-Gvern Ċentrali għas-sena 2011 hi ta' €6,000,000, filwaqt li jgħid b'mod dettaljat għal liema proġetti huwa relatat tali self u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Letters of Comfort maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment biex seta' sar tali self?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27443.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li skont il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ f'kull waħda mill-lokalitajiet tas 7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ dak li persuna tkun qed tħallas meta takkwista biljett tal-ajru mal-Air Malta għal per eżempju titjira lejn Londra-Heathrow u Ruma? Jista' jgħid kemm mill-prezz imħallas imur għand l-Air Malta, kemm huwa l-ammont ta’ fuel surcharge, it-taxxa fuq il-biljett u l-airport tax, u jekk hemmx xi ħlas li jmur għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għall-użu li passiġġier jagħmel mit-terminal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-breakdown tal-prezz tal-biljett illi persuna tħallas lill-Air Malta hu mogħti lil kull persuna fuq il-biljett stess jew fuq il-Website tal-Air Malta. Spjegazzjoni tat-taxxi fil-każ ta’ Ruma u Londra hija mogħtija fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni hija aċċessibbli b’mod faċli lil kulħadd, għal kull biljett, il-ħin kollu.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011, kemm kien in-numru ta' tax payers li ġew issentenzjati l-ħabs għaliex ma onorawx il-pagamenti dovuti għal taxxa tal-income? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-sena 2009 u 2010 separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Ħlas tas-sigurtà Soċjali tan-National Insurance — pagamenti dovuti
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011, kemm kien in-numru ta' tax payers li ġew issentenzjati l-ħabs għaliex ma onorawx il-pagamenti dovuti għal ħlas tas-sigurtà soċjali tan-National Insurance? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-sena 2009 u 2010 separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011, kemm kien in-numru ta' tax payers li ġew issentenzjati l-ħabs għaliex ma onorawx il-pagamenti dovuti għas-sisa u/jew obbligi ta' dwana? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-sena 2009 u 2010 separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli illi jekk il-kelma Tax Payers qed tagħmel referenza għal dawk il-persuni li huma rreġistrati mad-dipartiment tad-Dwana bħala i) EXCISE REGISTERED TRADERS u/jew (ii) TAX WAREHOUSE KEEPERS, ħadd ma ġie ssentenzjat il-ħabs.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal l-implimentazzjoni tas-sistema LEMIS fid-Dipartiment tal-Artjiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel fażi tas-sistema tal-LEMIS li titratta s-sezzjoni tal-ġbir tal-kera waslet biex tiġi implimentata, wara li l-proċessi kollha tax-xogħol kollu konness mal-ġbir tal-kera ġew installati, iċċekkjati mal-impjegati u bħalissa qed jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-ħaddiema biex ikunu familjari mas-sistema l-ġdida.
Barra minn hekk, qed isiru wkoll laqgħat mal-Kunsilli Lokali dwar l-implimentazzjoni tas-sistema tal-LEMIS peress li dawn ser jibqgħu involuti fil-ġbir tal-flus tal-kirjiet tal-Gvern.
Qed jiġi wkoll iffinaliżżat il-format il-ġdid tal-kontijiet u l-irċevuti sabiex dawn jibdew joħorġu bis-sistema l-ġdida hekk kif l-ewwel fażi tiġi implimentata.
Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jieħu l-passi neċessarji biex jiġi nvestigat ilment li ilma tad-drenaġġ qed jidħol fil-ħanut, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jiġu evitati problemi għal dan il-post, kif ukoll, biex jiġi assigurat li jekk hemm ħsarat fis-sistema proprja tad-drenaġġ fit-triq, din tiġi rranġata?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma, ma jirriżulta li hemm l-ebda problema fis-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni madwar il-ħanut imsemmi. Jidher li l-problema qiegħda f’konnessjoni tad-drenaġġ privata. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni talbet l-għajnuna tal-uffiċjali tas-Sanita’ biex din il-konnessjoni tissewwa.
San Pawl il-Baħar — Triq iċ-Ċagħaq - main tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li dawk il-partijiet tal-main ta' l-ilma fi Triq iċ-Ċagħaq f'San Pawl il-Baħar li għandhom bżonn jinbidlu, fil-fatt jinbidlu, minflok li jiġu msewwija kultant żmien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsarat li jinqalgħu minn żmien għal żmien f’din it-triq huma fil-maġġor parti ħsarat fuq il-kanen tas-servizzi tal-ilma. Madanakollu parti mill-main tal-ilma hu qadim u peress li t-triq se tingħata kisja ġdida ta’ tarmac, din il-parti tal-main se tinbidel flimkien mas-servizzi tal-ilma kollha. Dan ix-xogħol hu ppjanat b’ko-ordinament ma’ proġett ta’ bdil tal-wiċċ tat-triq msemmija mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dan il-proġett mistenni jibda fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27314 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol l-Famlija u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li xtara dar u ilu li applika mill-2006 biex jixtri ċ-ċens u minkejja dan iż-żmien kollu għadu bla risposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, u li wara li kien xtara dar kien applika biex jifdi ċ-ċens, ingħata appuntament fil-viċin sabiex tekniċi tad-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern imorru jieħdu l-qisien tad-dar tiegħu biex isiru l-pjanti meħtieġa ħalli l-proprjeta’ tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet. Kif titlesta din ir-reġistrazzjoni ikun jista’ jsir il-kuntratt tal-bejgħ.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-età medja taċ-ċittadini Maltin? Kif tipparagunaha mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropa kif ukoll mal-medja tal-istess Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-età medja taċ-ċittadini Maltin hija 39.6. Il-medja tal-EU27 hija 40.7.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26090 fejn minkejja li jien staqsejt dwar kemm-il darba fl-aħħar erba’ snin il-kumpanija li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, inqabdet b’diesel u fuel tal-kuntrabandu u x’passi ttieħdu, ġejt infurmat uffiċjalment li l-Ministru jinsab infurmat li d-dipartiment tad-dwana ma qabad l-ebda diesel u fuel tal-kuntrabandu mingħand il-kumpanija konċernata, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-fatt qattx saru xi rapporti dwar dawn l-allegati każi minn uffiċjali tad-dwana li saħansitra ġew mgħoddija lis-superjuri tagħhom fl-istess dipartiment? Jekk iva, x’sar minn dawn ir-rapporti u x’data jġibu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi uffiċjali superjuri tad-Dipartiment tad-Dwana rċevew rapport wieħed biss minn uffiċjali tad-Dipartiment dwar allegat każ ta’ kuntrabandu ta’ diesel u fuel mill-kumpanija konċernata. Dan ir-rapport sar fit-28 ta’ Mejju 2010. Ninsab infurmat ukoll illi mill-investigazzjoni li saret ma rriżulta ebda ksur tal-liġijiet tad-Dwana.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26091 meta jiena staqsejt minħabba l-istop notice fuq l-MOBC, jistax il-Ministru jgħid minn fejn qed iġib ir-requirements tal-fuel il-gvern bħal fost oħrajn il-fuel oil, ġejt infurmat li l-klijenti tal-Korporazzjoni Enemalta ġew infurmat li billi l-Korporazzjoni Enemalta ma setgħetx tkompli tagħmel użu minn dawn is-servizzi, il-klijenti tal-korporazzjoni ġew infurmati b’dan u ntalbu biex jixtru t-thin fuel oil mingħand operaturi oħra fis-suq, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux kopja tal-operaturi l-oħra fis-suq mingħand min sar dan ix-xiri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li dan ix-xiri qed isir minn kumpaniji privati li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-Enemalta, l-Enemalta m’għandha l-ebda record mingħand min qiegħed isir dan ix-xiri.