Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gudja – Triq l-Awrekarja – dawl mitfi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex Triq l-Awrekarja fil-Gudja u t-toroq tal-madwar jinsabu fuq bażi regolari bid-dawl tat-triq mitfi u dan għal ġimgħat twal? Jista’ jieħu passi sabiex issir it-tiswija neċessarja mingħajr dewmien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li l-ħsarat fit-toroq imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-Enemalta. Il-Kunsill Lokali għadda mill-ewwel r-rapport tiegħu u jirriżulta li l-ħsara ssewwiet.

Birżebbugia – Triq tal-Ġebel – irranġar tal-ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u minn min ser jittranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuga peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq? Fid-dawl li reċentement persuna weġġgħet serjament meta spiċċat ġo għalqa peress li ma kienx hemm ilqugħ bejn it-triq u l-għalqa meta hemm diżlivell bejn il-livell tat-triq u l-livell tal-għalqa, jista’ jgħid min ser jagħmel tajjeb għad-danni li din il-persuna sofriet f’dan l-inċident, minħabba nuqqas ta’ tiswija u/jew bini mill-ġdid ta’ dawn il-ħitan tas-sejjieħ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat miIl-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li qiegħed fl-istadju li jagħmel il-verifiki tiegħu dwar min hu s-sid tal-ħajt imsemmi.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Contracts for Service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.

San Pawl il-Baħar — Triq l-Alka, Triq ir-Ramel u Triq il-Kaħli – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23259 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq l-Alka, parti minn Triq ir-Ramel u parti minn Triq il-Kaħli f'San Pawl il-Baħar, fejn ir-residenti ilhom ġimgħat sħaħ bla dawl fit-triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar ressaq ir-rapporti li rċieva dwar toroq bla dawl minħabba il-maltemp lill-entita konċernata, Enemalta. Il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar infurmat li t-tiswijiet saru.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — San Ġiljan - protezzjoni ta' Palazzina Vincenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' proċessar waslet it-talba magħmula mill-Perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex Palazzina Vincenti f'San Ġiljan tingħata l-ogħla livell ta' protezzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li is-Sovrintendenza irċeviet talbiet għall-iskedar ta’ Palazzina Vincenti. Il-proposta ġiet evalwata, ir-riċerka neċessarja saret, u l-proposta tal-iskedar anke ġiet diskussa mal-Kumitat Konsultattiv għall-Patrimonju Kulturali. Is-Sovrintendenza infurmat lil Kunsill E¿ekuttiv tal-Awtoritá tal-Ippjanar li din il-proposta tista tiġi diskussa quddiem l-istess Kunsill.

San Ġiljan — Palazzina Vincenti - protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ħa jew beħsiebu jieħu sabiex Palazzina Vincenti f'San Ġiljan tingħata l-ogħla livell ta' protezzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 23556.

IR-Rabat — Triq il-Qlejgħa - xogħol ta' tindif u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23465 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioè: Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jagħmel xogħol ta' tindif u manutenzjoni fi Triq il-Qlejgħa limiti tar-Rabat ladarba f'din it-triq hemm ħafna affarijiet li qed jagħmlu t-triq inaċċessibbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li għamel rapport l-Għassa tar-Rabat u bħala Kunsill Lokali ħa ħsieb li tingħalaq kompletament it-triq sabiex jiġi evitat xi incident. Il-manutenzjoni tkun possibbli biss jekk terġa' tinbena it-triq mil-qiegħ tal-wied, liema xogħol ikun possibbli meta l-ilma kollu tax-xita jkun skula u jkun possibbli jintu¿a makkinarju fuq art niexfa.

Malta u Għawdex — Latrini pubbliċi - aċċessibilità għal persuni b’nuqqas ta’ mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ latrini pubbliċi f’Malta u f’Għawdex li huma aċċessibbli għal persuni b’nuqqas ta’ mobilità? Jista’ jsemmi dawk il-lokalitajiet li m’għandhomx latrini pubbliċi aċċessibbli u jgħid x’inhu l-pjan biex dawn jiġu aċċessibbli għal kulħadd?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li peress li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li tali informazzjoni tingħata mill-Kunsilli Lokali rispettivi, din l-informazzjoni ser tingħata f’xi seduta oħra.

Heritage Malta — Siti aċċessibbli għall-persuni b’nuqqas ta’ mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tas-siti ta’ Heritage Malta li huma aċċessibbli għal persuni b’nuqqas ta’ mobilità? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex dawk li mhumiex aċċessibbli, issir ħidma biex jingħata aċċess xieraq għalihom, lil kulħadd?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Arts Council – Politika tal-Arti u l-Kultura — inklussività

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed taghmel il-Malta Arts Council biex il-politika tal-Arti u l-Kultura f’Malta tkun aktar inklussiva?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti (KMA) qed tindirizza l-inklussivita skont kif imfisser fil-Politika Kulturali Nazzjonali 2021. Fil-fatt wara konsultazzjoni estensiva, fil-ġimgħat li ġejjin il- l-Kunsill Malti għall-Arti se jniedi resource kit dwar id-drittijiet kulturali. Ir-resource kit se jkun għodda sabiex tfisser u tixpruna l-inklussività b’mod prattiku fis-setturi kulturali u kreattiv. Il- Kunsill Malti għall-Arti diġa tipprattika l-inklużjoni b’mod regolari fejn jidħlu fondi u strateġija.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – tiswija ta’ ħsarat fuq bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa b’mod immedjat isewwi l-ħsarat li hemm bżonn isiru fuq il-bankina fi Triq il-Kbira (biswit George’s Bakery) fil-Mellieħa, kif indikat fir-ritratt li qed jintbagħat separatament, liema bankina saħansitra kienet il-kaġun li fl-aħħar ġimgħat weġġgħet persuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-bankina msemmija ġiet spezzjonata u rriżulta li hemm partijiet minnha li sarilhom ħsara billi telgħu vetturi fuqha. Għaldaqstant ser tittieħed azzjoni bil-għan li jsiru t-tiswijiet meħtieġa.

Mellieħa — Triq it-Telgħa ta’ Selmun - periklu kkawżat minn siġar

Question

Jista’ l-Ministru jara l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jitlob b’mod immedjat lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu kull azzjoni permessibbli bil-liġi sabiex jitneħħa kull periklu kkawżat minn siġar li qegħdin f’periklu li jaqgħu fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jista’ jara wkoll li jitneħħa jew jitranġa l-ġebel li waqa’ fl-istess triq, b’periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq arterjali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minkejja li t-Telgħa ta’ Selmun hija triq arterjali, saret spezzjoni nhar t-3 ta’ Diċembru 2021 u ma jirriżultax li hemm ġebel u siġar li huma ta’ periklu għas-sewwieqa. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm partijiet minn ħitan tas-sejjieħ li waqgħu bl-ilmijiet u reġgħu nbnew mill-ġdid. Kien hemm ukoll xi ġebel kbir li nġarr mill-istess ilmijiet li tressqu lejn il-ġenb tat-triq biex ma jibqgħux ta’ periklu.

Fgura – Triq il-Merħba u Triq Grawwa – ħitan imsewwija

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħitan li jinsabu fi Triq il-Merħba u Triq Grawwa Fgura u li huma fi stat perikoluż ħafna, kif ukoll invista tal-kwantità ta’ tfal li jgħaddu, dawn mill-ewwel jiġu msewwija u mibdula?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li l-ħitan msemmija huma tal-privat u għaldaqstant il-Kunsill ma jistax isewwi jew jibdel. Madankollu, l-Kunsill ser jistaqsi lid-Dipartiment tal-Artijiet min hu sid l-art imsemmija sabiex jazah dwar il-ħtieġa li jitneħħa dan il-periklu.

Ta' Xbiex — funtana ħdejn il-Yacht Club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex ilha x-xhur ma taħdimx?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex li l-funtana msemmija jieħu ħsiebha d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Gudja – Triq Santa Katarina, Triq Joseph Pace u Triq id-Dejqa — xogħlijiet

Question

B’referenza għad-domandi varji u preċedenti li sarulu, jista’ l-Ministru fil-qosor jgħid meta x-xogħol fit-Toroq Santa Katarina, Joseph Pace u d-Dejqa fil-Gudja ser jitlestew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħlijiet għaddejin u huma ppjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena.

Il-Gudja – Triq San Ċiru – proprjetajiet mhux ikkurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar parti ta’ Triq San Ċiru, kantuniera ma’ Triq Bettina fil-Gudja hemm proprjetajiet mhux ikkurati b’detriment għall-ġirien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Tas-Sannat — Pjazza Santa Margerita - proġett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22522 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-proġett ta' riġenerazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita fir-raħal tas-Sannat li se jkun iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex, jista' ġentilment il-Ministru jaġġorna dwar dan il-proġett li ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar snin? Jista' jgħid jekk ħarġitx it-tender ta' dan il-proġett u jekk ġietx irrakomandata li tiġi awarded din it-tender mill-bord ta' aġġudikazzjoni u jekk iva, jgħid f'liema xahar u sena hu maħsub li jinbeda x-xogħol infrastrutturali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas- Sannat li t-tender ta’ dan il-proġett ġie ppublikat, pero sar appell fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti u għalhekk għadu qed jiġi trattat.

Raħal Ġdid – restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Sant’Ubaldeska

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20720, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu tul is-sena li ġejja fit-toroq madwar il-Knisja ta’ San Ubaldeska Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Paola li ser ikun qed jagħmel il-pressjoni meħtieġa ma’ Infrastructure Malta sabiex isir ix-xogħol meħtieġ.

Ħal Għaxaq – Librerija Pubblika – xiri jew donazzjonijiet ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba tul dawn l-aħħar 12-ilxahar mil-Librerija Pubblika f’Ħal Għaxaq u jista’ jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet u nxtraw kotba ġodda?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Librerija Pubblika ta’ Ħal Għaxaq ġew mislufa 15,092 ktieb bejn Settembru tal-2020 u Ottubru tal-2021 u 8,817-il ktieb bejn Jannar u Ottubru tal-2021. Il-librerija ngħatat tliet mija u disgħa u għoxrin (329) ktieb b’donazzjoni bejn Jannar u Ottubru tal-2021 u nxtraw mija u seba’ (107) ktieb ġdid bejn Jannar u Ottubru tal-2021.