Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratti għall-uniformijiet fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar sentejn kemm ħarġu sejħiet għall-offerti ta’ għoti ta’ kuntratti għall-uniformijiet fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm erbatax-il sejħa minn għaxar kulleġġi għall-offerti ta’ għoti ta’ kuntratti għall-uniformijiet fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.

Sejħiet għall-provvista ta' uniformijiet għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema skejjel ħarġu sejħiet għall-offerti għall-provvista ta’ uniformijiet għat-tfal? Min rebaħ dawn l-offerti f’kull każ u kif ġew aġġudikati l-offerti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratti għall-uniformijiet tat-tfal fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid min qed ifassal is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti għall-uniformijiet tat-tfal fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi fassal is-sejħiet għall-offerti għall-kuntratti għall-uniformijiet tat-tfal fl-iskejjel.

Sejħa għall-offerti tal-uniformijiet fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jingħata żmien minn meta ssir is-sejħa għall-offerti għall-uniformijiet fl-iskejjel sakemm iridu jiġu pprovduti dawn l-uniformijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żmien minn meta ssir is-sejħa għall-offerti għall-uniformijiet fl-iskejjel sakemm iridu jiġu pprovduti dawn l-uniformijiet huwa ta’ bejn tnax u erbatax-il ġimgħa.

Awtorità tad-Djar — kiri ta' postijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-iskop tal-Awtorità tad-Djar li trid tikri madwar 36 post għal 20 xahar? Kemm hu mistenni jħallas il-gvern għal dawn is-36 post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar qed tikkolabora mal-Fondazzjoni għal Servizzi Soċjali (FSWS) fil-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja Embark for Life. Dan il-proġett mistenni jgħin numru ta’ żgħażagħ li għandhom diffikultajiet fil-ħajja tagħhom biex jiksbu taħriġ u jsibu xogħol. Huwa ppjanat li madwar 36 żagħżugħ u żagħżugħa li jipparteċipaw f’dan il-proġett ser ikollhom bżonn ta’ akkomodazzjoni biex jibdew jgħixu b’mod indipendenti u jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Il-Fondazzjoni bħala l-Project Leader ħarġet numru ta’ avviżi fuq il-gazzetti kollha biex tikri 36 appartament għal dawn iż-żgħażagħ. Minħabba li l-Awtorita’ hija partner fil-proġett ħarġet avviż hi ukoll f’isem il-proġett. Il-kirja ser tkun finanzjata mill-Fondi Ewropej taħt il-proġett Embark for Life skond it-termini li prepara l-Project Leader. L-Awtorità mhux se tidħol fl-għażla tal-appartamenti u lanqas mhu se jkollha obbligi għaliex kollox ser jaqa’ taħt il-Project Leader (FSWS). Fil-fatt l-għan huwa li l-Awtorità tikri l-appartamenti u tgħaddihom mill-ewwel lill-Fondazzjoni b’kull obbligazzjoni annessa mal-kuntratt.

Post tal-Gvern alternattiv

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li tgħix f'post tal-gvern li bosta snin ilu applikat biex tbiddel ma' post ieħor tal-gvern, tiġi megħjuna mill-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament joqgħod ġo post tal-Gvern u applika għall-akkomodazzjoni alternattiva f'Awwissu, 2005. L-applikazzjoni tiegħu qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Peress li għandu ħtiġijiet speċifiċi, kemm ta’ lokalità kif ukoll ta’ faċilitajiet, mhux daqshekk faċli li jinstab fond li jwieġeb għax-xewqat tiegħu.

Awtorità tad-Djar — flus bix jitlesta ix-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'possibiltà hemm li l-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li bbenefikat minn l-iskema tal-Awtorità tad-Djar tieħu l-flus biex tispiċċa x-xogħol mitlub mill-istess awtorità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta tkun tista’ tieħu l-pagament wara li tlesti x-xogħlijiet kollha u tipproduċi l-irċevuti fiskali ta’ dawn ix-xogħlijiet. L-Awtortià tad-Djar tispezzjona l-post sabiex tivverifika li x-xogħol sar kollu u b’hekk ikun jista’ jiġi affettwat il-pagament.

Birkirkara St. Joseph Sports Club

Question

Billi ninsab infurma li Birkirkara St. Joseph Sports Club ma onorawx l-impenn tagħhom li japplikaw mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-iżvilupp ta' art fil-qasam tad-djar tax-Xwieki Ħal Għargħur, tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra x'passi ħa jew se jieħu l-Kunsill Malta għall-Isport in vista li kundizzjoni importanti ma ġietx rispettata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab informata li l-Klabb ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club issotometta l-applikazzjoni tiegħu fis-26 ta’ Mejju 2010. Il-Kunsill Malti għall-Isport ma jħossx li għandhom jittieħdu passi kontra l-klabb.

librerija tal-Università — kotba under lock and key

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux veru li hemm kotba fil-librerija tal-Università, bħal dawk tal-Iskoċċiż Irvine Welsh, li jinżammu f żona ristretta under lock and key? X'jisimhom dawn il-kotba u x'jismu l-awtur ta' kull ktieb? Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Kif jingħażel ktieb jekk għandux jinżamm under lock and key? Tħoss il-Ministru li deċiżjonijiet bħal dawn imorru kontra l-ispirtu tal-ħsieb ħieles kontenut fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-Bibljoteka tal-Universita` hemm numru ta’ kollezzjonijiet illi matul is-snin dejjem ġew ikkunsidrati bħala closed access. Dawn il-kollezzjonijiet ikopru l-pubblikazzjonijiet kollha tal-kotba dwar Malta (Melitensia), il-kotba tal-arti, id-depożiti tal-manuskritti, xi xogħlijiet ta’ referenza, u l-kotba ta’ natura prezzjuża, rari, u dawk li m'għadhomx jiġu stampati. Dan il-ġeneru ta’ materjal, li nċidentalment jinkludi kopja malandata ta’ Irvine Welsh huwa ttrattat bħala closed access biex jiġi mħares aħjar mill-vandaliżmu, serq, tqatiegħ, jew misplacements qalb kotba oħra; imma żgur mhux bħala mezz ta’ ċensura jew restrizzjoni. Tant hu hekk illi diversi kitbiet, bħalma huma ix-xogħlijiet ta’ De Sade, jinsabu ukoll fuq l-ixkaffi tal-kollezzjonijiet open access tal-istess Bibljoteka. Bħal-bqija tal-kollezzjonijiet kollha tal-Bibljoteka tal-Università il-materjal closed access jista’ jiġi faċilment identifikat mill-katalgu elettroniku tal-istess Bibljoteka (OPAC) u ma hemm assolutament ebda diffikultà biex dan il-materjal jintalab biex ikun ikkonsultat mill-istudenti universitarji u akkademiċi. Il-Bibljoteka tal-Università temmen bis-sħiħ fl-aċċess tal-informazzjoni u l-arkivjar ta’ għerf il-bniedem għall-ġejjieni, u dan b’ mod speċjali fl-ambjenti akkademiċi tat-tagħlim u r-riċerka.

Għawdex — bini ta' l-iskola sekondarja ġdida tas-subien

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett ta' bini ta' l-iskola sekondarja ġdida tas-subien f'Għawdex u l-parkeġġ ta’ taħtha? X’inhija n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? Min huma l-kuntratturi li għamlu x-xogħol s’issa? Kemm tħallas kull wieħed? Kemm baqgħalhom jieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bini tal-iskola sekondarja ġdida tas-subien f'Għawdex u l-parkeġġ ta’ taħtha waslu fi stat avvanzat ta’ tlestija. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — mużew ta' arti moderna u kontemporanja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bediex il-proċess biex f'Għawdex jitwaqqaf mużew ta' arti moderna u kontemporanja ta' livell nazzjonali? Jekk fin-negattiv, meta hu mistenni li jinbeda? Fejn hu s-sit li fuqu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lil Onorevoli Interpallant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

kwestjoni fuq supply teachers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tiġi implimentata klawsola “Upon being given idefinite status and subjective to satisfactory performance, a Supply Teacher/KGA/LSA shall, from the date of signing of this Memorandum of Understanding, be eligible to progress on an annual basis up to the maximum of his/her respective scale” fil-Memorandum of Understanding li fis-26 ta’ Mejju 2009 il-Gvern iffirma mal-MUT fejn, fost affarijiet oħra, ġie maqbul li minn dik id-data dawk l-impjegati li kien ilhom aktar minn erba’ snin fl-impjieg ikunu kkonfermati fuq kuntratt indefinit u jibdew jipprogressaw fuq l-iskala relattiva tagħhom sakemm jilħqu l-massimu tal-iskala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-abbozz tal-kuntratt indefinit għal Supply Teacher/KGA/LSA qed jiġi finalizzat. Hekk kif jitlesta’ d-dokument tal-kuntratt indefinit dawk l-impjegati Supply Teachers/KGA/LSA li għalqu erba' snin fl-impjieg bħala Supply jissejħu biex jiffirmaw il-kuntratt u jibdew jipprogressaw fuq l-iskala relattiva tagħhom sakemm jilħqu l-massimu tal-iskala.

kwestjoni fuq status tal-għalliema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum minn dak kollu li hemm miktub fil-Memorandum of Understanding għadu ma sar xejn, tant li dawn l-impjegati l-anqas biss irċevew dokument uffiċjali li jikkonferma l-istatus indefinit tagħhom u wisq anqas li se jirċievu l-ewwel increment dovut fis-26 ta’ Mejju 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent għaddejja ħidma u diskussjonijiet sabiex l-għalliema li qed jirreferi għalihom l-Onor. Inerpellant ikunu jistgħu jingħataw kuntratt indefinit kif miftiehem fil-Memorandum of Understanding tas-26 ta’ Mejju 2010.

kwestjoni fuq status tal-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi implimentata din il-klawsola li tgħid: “Upon being given idefinite status and subjective to satisfactory performance, a Supply Teacher/KGA/LSA shall, from the date of signing of this Memorandum of Understanding, be eligible to progress on an annual basis up to the maximum of his/her respective scale” ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jiġi ffinalizzat il-proċess neċessarju l-għalliema li qed jirreferi għalihom jingħataw kuntratt indefinit u tkun tista’ tiġi implimentata l-klawsola li qed jirreferi għaliha. Bħalissa għaddejja ħidma bejn id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u l-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex jiffinallizzaw dan il-proċess.

irranġar ta' rampa

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi rranġata rampa fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li bi ftit tibdil anzjana li tinsab fil-wheelchair tkun tista' toħroġ flimkien ma' bintha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Perit tal-Awtorità tad-Djar għamel spezzjoni fil-post fejn ikkonferma li m’hemm l-ebda mod bir-regoli stabbiliti ta’ aċċessibilità kif tista’ ssir rampa bit-tul neċessarju għall-użu bil- wheelchair minħabba li l-ispazju fl-entratura huwa ristrett wisq. L-Awtorità tad-Djar tista’ tagħti aċċessibilità sħiħa biss fejn il-post jippermetti. Ir-residenta fil-blokk in kwistjoni kienet ġiet infurmata li mhux teknikament possibbli li ssir rampa.

Awtorità tad-Djar — appartamenti fl-Imtarfa - dawl u l-ilma

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar bagħtitx il-clearance kollha mitluba mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex persuni li ngħataw appartamenti fl-Imtarfa jkunu jistgħu jingħataw id-dawl u l-ilma, mingħajr ma jkollhom bżonn jidħlu fi spejjeż biex iġibu l-clearance neċessarji kif miltuba mill-istess awtorità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed tiġbor id-dokumenti u ċertifikazzjoni kollha meħtieġa skond il-permess tal-bini.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — membri tal-istess famlija li jaħdmu fl-istess sezzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm lill-Ministeru milli jattwa l-policy li l-membri tal-istess familja ma jkunux jaħdmu fl-istess sezzjoni/dipartiment fid-Dipartiment tal-Eżamijiet, fejn hemm diversi membri tal-istess familja jaħdmu fl-istess dipartiment ta' 25 ruħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Konformi mal-paragrafu 7.1.6.3 tal-Public Service Management Code (PSMC), qatt ma rriżulta li kien hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fid-Dipartiment tal-Eżamijiet.

Eurovision Co-ordinator

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’wassal sabiex min ħa t-tender ta’ eurovision co-ordinator, twaqqaf mill-funzjoni li kien qed iwettaq u għal liema raġuni? Kien hu biss mill-kumitat konsultattiv li twaqqaf?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux minnu li l-Eurovision Coordinator twaqqaf mix-xoghol tiegħu. Huwa ġie infurmat li skont l-kuntratt tiegħu dan kien se jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2010. Il-Eurovision Coordinator qatt ma kien jagħmel parti mill-Kumitat Konsultattiv u dan kien jattendi għall-laqgħat ta’ dan il-Kumitat meta jkun mitlub biex jagħmel dan.

Eurovision Co-ordinator — ħlas

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallas l-eurovision co-ordinator, jekk hux l-ammont kif stipulat fit-tender jew jekk hux prorata? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċedola tal-ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Eurovision Coordinator qiegħed jitħallas skont il-kuntratt li għandu mal-PBS. Ma narax li għandi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċedola tal-ħlas minħabba raġunijiet kummerċjali.