Legislature:
Category:
Reset
Active:

servizz ġdid ta' trasport pubbliku — użu ta' bus lanes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz ġdid tat-trasport pubbliku jipprevedix l-użu tal-bus lanes eżistenti jew se jsiru bus lanes ġodda? Jekk se jiżdiedu l-bus lanes, fejn se jsiru l-ġodda? X'infurzar se jsir fuq l-użu fil-bus lanes għax bħalissa kulħadd jużahom kif irid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi s-servizz l-ġdid tat-trasport pubbliku jipprevedi l-użu ta’ bus lanes. Il-bus lanes eżistenti se jiġu miżmuma u mtejjba, filwaqt li se jiġu ntrodotti bus lanes ġodda fl-inħawi ta’: a) Ħal- Lija b) Msida c) Bombi d) Sliema/Gżira e) Triq Aldo Moro, Marsa Infurmat ukoll li numru ta’ bus lanes se jkunu mgħammra b’ sistema ta’ Intelligent Traffic Management Systems, li tipprovdi tgħamir ta’ traffic lights apposta li jagħtu prijorità lix-xarabanks f’salib it-toroq. Preżentament qed isiru diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Korp tal-Pulizija sabiex jinstab l-aħjar mezz kif isir l-infurzar meħtieġ fuq dawn il- bus lanes.

Reġistrazzjoni tan-numri ta' telefon ċellulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li biex titnaqqas il-kriminalità f'pajjiżna, kulmin għandu telefon ċellulari jkollu jirreġistra n-numru tiegħu biex b'hekk kull numru ċellulari f'pajjiżna jkun reġistrat, anke jekk jibqa' d-dritt li n-numru jitħalla mhux magħruf għal min jirċievi t-telefonati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mhix il-kompetenza tal-Awtorità tal-Kommunikazzjoni li titratta kwistjonijiet fil-qasam kriminali.

Pubblikazzjoni ta' direttorju ta' telefon

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar il-pubblikazzjoni ta' direttorju tat-telefon? Se jkun jinkludi ukoll numri ta' telefon ċellulari? Se jkun provdut lil kull min hu abbonat jew lill-abbonati anzjani biss? Jekk se jkun ippubblikat għall-anzjani biss, jista' jkun ippubblikat b'tipa kbira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħal issa qiegħdin fit-tieni fażi tal-proċess tal-aġġudikazzjoni biex tintgħażel l-entità li se tippublika dan id-direttorju. Skont deċiżjoni ippublikata f’April tal-2010, li hija ibbażata fuq id-direttiva Universal Service Directive tal-Union Ewropeja, l-obligu huwa biex dan id-direttorju jkun fih in-numri tal-abbonati kollha tat-telefonija fissa. Kif inhi l-istess deċiżjoni bħal issa, dan id-direttorju għandu jiġi provdut lill-abbonati kollha, u mhux lill-anzjani biss.

Frekwenzi ta' stazzjonijiet tat-TV

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-frekwenzi li bħalissa huma f'idejn il-Public Broadcasting Services, One TV, Net TV u Smash TV u li mistenni jiġu ritornati fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond ir-Rakmandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/848/KE (Rakmandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 li tiffacilita l-liberazzjoni tad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea), Stati Membri għandhom jieqfu jużaw teknoloġija ta’ trazmissjoni televizivi analogue fit-territorju tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2012. Għaldaqstant l-istazzjoniet li jxandru fuq frekwenzi b’mod analogue iridu jaqilbu għal sistemi diġitali. F’ambitu internazzjonali, il-frekwenzi li bħalissa huma lliċenzjati lill-Public Broadcasting Services, One TV, Net TV u Smash TV għal trazmissjonijiet analogue huma regolati bit-Trattat internazzjonali tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), imsejjaħ bħala il- Geneva 2006 Agreement . Skont dan it-trattat, dawn il-frekwenzi jistgħu jintużaw minn Malta għal trasmissjonijiet li jużaw teknologija analogue . Għal trasmissjoniet b’mod diġitali, dan it-trattat jalloka lista ta’ frekwenzi oħra lill-pajjizi, liema lista ġiet imqassma bejn il-pajjizi fuq il-prinċipju ta’ aċċess ekwu għall-frekwenzi bejn ir-reġjuni ġirien. Trasmissjonijiet diġitali fuq il-frekwenzi li llum tuża Malta b’mod analogue m’huwiex possibbli mingħajr proċess ta’ koordinazzjoni ma pajjizi ġirien. Għal daqstant mat-tifi ta’ xandiriet analogue , dawn il-frekwenzi ma’ jistgħux jintużaw iżjed.

Imsida — Triq Ħarrub - resident parking

Question

Peress li jidher li fi Triq Ħarrub, Imsida, hemm sistema ta' parkeġġ li mhux dejjem jidher regolari jew bla permess, hemm parkeġġi żgħar u oħra kbar, unloading li jintuża darba f'sena, yellow lines quddiem garage li m'għandux karozzi ħerġin/deħlin, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-arranġamenti humiex regolati minn Transport Malta, jekk jistax jsir audit, jew saħansitra residents parking?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-approvazzjonijiet fit-triq imsemmija huma skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadattant, il-Kunsill Lokali Msida għamel talba biex din it-triq, flimkien ma' numru ta' toroq oħra, tkun inkluża fl-iskema tal-parkeġġ residenzjali kkontrollat. Madankollu, dawn it-talbiet huma on hold minħabba kawża pendenti fil-Qrati.

Reliġjonijiet u setet — segwaċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-segwaċi tar-reliġjonijiet jew setet li jiġu u li kienu jiġu prattikati hawn Malta sal-aħħar tas-sena 2010 kenux Maltin jew barranin u minn liema pajjiż kienu ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u nazzarda ngħid illi jkun kemxejn anti-demokratiku li kieku xi gvern jipprova jiġbor xi statistika simili.

Transport Malta — skemi ta' approvazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma il-kunsilli lokali li fihom Transport Malta jew l-Awtorità dwar it-Trasport tat l-approvazzjoni tagħha biex idaħħal xi skemi fil-lokal tagħhom mis-sena 2009 sal-lum? Xi skemi huma?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema skemi qed jirreferi.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — servizz ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-somma globali li ntefqet kienet ta' €375,078 fuq 142 karozza.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — calls for application

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — irmiġġjaturi tal-port

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Transport Malta u anke uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport irrifjutaw li jiltaqgħu ma rappreżentanti tal-irmiġġjaturi tal-port u anke rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet barranin dwar is-suġġett? Dan sabiex jiġi spjegat u kjarifikat il-fatt li dan is-settur jista' jibqa' operat bl-istess mod li huwa operat illum mingħajr l-infrazzjoni ta' xi regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant hi skorretta, tant li saru ħafna u ħafna laqgħat ma' Transport Malta u saħansitra l-ġimgħa li għaddiet ltqajt magħhom jien stess.

Irmiġġjaturi fil-port

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li jrid jiftaħ dan is-settur u ċioe dak ta' irmiġġjatur fil-port, għal persuni li la huma trenjati u lanqas kwalifikati meta fil-preżent, sabiex persuna tkun tista' topera, din trid tissodisfa diversi regolamenti u kriterji sabiex wieħed ikun liċenzjat jagħmel dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi r-regolamenti l-ġodda jobbligaw lit-terminal operators li jiżguraw li dawk li qed jagħmlu xogħol ta’ irmiġġaturi huma adegwatament imħarrġa biex joffru s-servizz b’mod sigur, kuntrarjament għal dak li hemm fir-regolamenti l-antiki li ma jsemmu xejn dwar dan ir-rekwiżit.

Transport Malta — ismijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-202 triq li se jsir xogħol fuqhom minn Transport Malta skont stqarrija tad-DOI datata 15 ta’ Marzu, lokalità b’lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 24717.

Kopja tal-ispecifications tar-rapport fuq il-barrieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24140, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-specification tal-istess rapport li l-konsulenti ppreparaw għall-barrieri?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-“guideline selection criteria” fuqxiex l-konsulenti mxew biex ppreparaw r-rapport fuq il-barriera/barrieri tal-ġebla tal-qawwi.

Trasport Malta — statistika ta' infurzar

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-istatistika ta' infurzar ta' Trasport Malta bejn is-snin 2007 u 2008, 2008 u 2009, 2009 u 2010 u dan settur settur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika ta’ infurzar bejn is-snin 2007 u 2010 hija din li ġejja: Infurzar fuq l-Art Fir-rigward tas-sena 2007 l-Awtorita ħarġet 4596 tickets fir-rigward ta diversi kontravenzjonijiet. Iktar minn hekk uffiżjali ta-Transport Malta (dak iz-zmien ADT) għamlu 859 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal-SMS Emission Alert System. Minn dawn, 756 għaddew it-test filwaqt li 103 weħlu. Saru wkoll 2283 road-side checks li minnhom irriżulta li 1024 kienu konformi mal-liġi filwaqt li 1259 fallew l-inspection. Apparti minn dawn, saru wkoll 56 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 12 għaddew waqt li 44 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 31 tachograph checks . Statistika għal-vetturi li twaqfu minn-uffiċjali ta’ Transport Malta minħabba li kellhom numri tar-reġistrazzjoni barranin matul din is-sena għada qegħda tigi proċessata. Fis-sena 2008 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 7310 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 784 test fuq vetturi li gew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal-SMS Emission Alert System. Minn dawn, 700 għaddew filwaqt li 84 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 2479 road-side checks fuq vetturi li minnhom 1206 għaddew filwaqt li 1272 m’għaddewx. Saru wkoll 75 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 18 għaddew waqt li 57 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 40 tachograph checks . Statistika għal-vetturi li twaqfu minn-ufficjali ta’ Transport Malta minħabba li kellhom numri tar-reġistrazzjoni barranin matul din is-sena għada qiegħda tiġi proċessata. Fis-sena 2009 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 6605 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 1444 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal- SMS Emission Alert System . Minn dawn, 1162 għaddew filwaqt li 282 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 2985 spezzjoni fuq vetturi li minnhom 1469 għaddew filwaqt li 1516 m’għadewx. Saru wkoll 76 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 72 għaddew waqt li 49 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 41 tachograph checks fejn 19 instabu korretti waqt li 22 ma kienux konformi. Barra minn hekk saru wkoll spezzjonijiet fuq vetturi li kienu qegħdin jintuzaw f’toroq Maltin meta dawn kellhom in-numru tar-reġistrazzjoni barrani. Matul is-sena 2009 saru 236 spezzjoni f’ dan ir-rigward. Fis-sena 2010 uffiċjali ta-Transport Malta ħarġu 3734 ticket fuq diversi kontravenzjonijiet. Apparti minn hekk, saru wkoll 343 test fuq vetturi li ġew irrapurtati lil-Awtorita permezz tal- SMS Emission Alert System. Minn dawn, 302 għaddew filwaqt li 41 weħlu. L-uffiċjali ta’ l-Awtorita għamlu wkoll 3099 spezzjoni fuq vetturi li minnhom 1485 għaddew filwaqt li 1614 m’għadewx. Saru wkoll 79 spezzjoni fuq Carriage of Dangerous Goods by Road li minnhom 29 għaddew waqt li 50 weħlu l-ispezzjoni. Saru wkoll 47 tachograph checks fejn 25 instabu korretti waqt li 22 ma kienux konformi. Barra minn hekk saru wkoll spezzjonijiet fuq vetturi li kienu qegħdin jintużaw f’toroq Maltin meta dawn kellhom in-numru tar-reġistrazzjoni barrani. Matul is-sena 2010 saru 306 spezzjoni f’ dan ir-rigward. Infurzar fuq il-Bahar Fl-2007 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) spezzjonaw 191 bicca tal-baħar u ħarġu 70 ticket. Fl-2008 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) spezzjonaw 230 biċċa tal-baħar u ħargu 110 tickets. Fl-2009 uffiċjali ta’ Transport Malta (dak iż-żmien MMA) għamlu 520 spezzjoni fejn 336 ingħataw twiddiba filwaqt li nħargu 58 ticket. Fl-2010 uffiċjali ta’ Transport Malta għamlu 253 spezzjoni, minn dawn kien hemm 162 li ingħataw twiddiba filwaqt li 14 ingħataw ticket. Ajru Fir-rigward ta’ l-ajru, Transport Malta m’ tapplikax informazzjoni fuq infurzar għax l-ispezzjonijiet li jsiru mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili jappartjenu lill- compliance.

Transport Malta — Senior manager

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jokkupa l-grade ta' senior manager fi ħdan Trasport Malta għandux il-kwalifika ta' Certificate of Professional Competence?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-ċertifikat ta' Professional Competence huwa ntiż għall-operaturi u xufiera direttament involuti b'mod kummerċjali fil-ġarr ta' passiġġieri u merkanzija. Il-persuna msemmija m'għandux din il-funzjoni u allura ma jeħtieġx tali ċertifikat.

Transport Malta — vetturi reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi reġsitrati fuq is-sistema ta' Transport Malta fl-aħħar tal-2010? Kemm minn dawn il-vetturi ħallsu l-liċenzja matul l-2010? Kemm vetturi jirriżultaw li huma fringed b'mod uffiċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ vetturi reġistrati fuq is-sistema ta’ Transport Malta fl-aħħar ta’ 2010 huwa ta’ 452,096 vettura. L-ammont ta’ vetturi li ħallsu l-liċenzja matul l-2010 huwa ta’ 290,013 vettura. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispjega l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu.