Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk l-apparat li jintuża biex jiġi interpretat ir-riżultat tal-Holter, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, ilu bil-ħsara għal madwar dawn l-aħħar sitt xhur? Jekk fl-affermattiv, jista’ jieħu passi biex dan l-apparat jittranġa kemm jista' jkun malajr? Jista' jgħid ukoll kemm hemm pazjenti minn Għawdex jistennew biex jagħmlu l-Holter test?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-isptar Ġenerali t’Għawdex qatt ma kellu apparat biex jiġu nterpretati il-Holter Recordings.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti informazzjoni dwar l-inizjattiva tar-repeat prescription? Għal liema kundizzjonijiet qed isiru dawn ir-repeat prescriptions?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tar-repeat prescriptions tintuża għall-mediċini preskritti għall-kontra l-mard kroniku.Għaldaqstant, pazjent jista’ jkollu riċetti preskritti bil-quddiem u ma jkunx hemm għalfejn imur għand it-tabib kull xahrejn għal riċetta ġdida.
Permezz ta’ din l-inizzjattiva t-tabib jista’ jagħmel tlett riċetti u b’hekk il-pazjent jista’ jagħmel użu minn dawn ir-riċetti sa perjodu massimu ta’ sitt xhur.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-preżent x’inhu ż-żmien ta’ stennija (waiting time) għall-echocardiogram? Hemm xi tibdil meta dan jiġi mqabbel mal-waiting time ta’ snin ilu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal proċedura tal-Echocardiogram huwa ta’ ħames xhur. Ninfurmaha ukoll illi proċeduri urġenti jsiru b’mod immedjat. Dan jikkompara tajjeb maż-żmien ta' stennija ta' madwar 3 snin fi snin preċedenti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru attwali ta’ konsulenti li qed jagħtu servizz lil pazjenti fid-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru attwali ta’ konsulenti kliniċi huwa 252 fejn ma dawn wieħed irid iżid konsulenti oħrajn fosthom dawk tas-Saħħa Pubblika.
Operazzjoni tal-katarretti – żmien attwali ta’ stennija
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu ż-żmien attwali ta’ stennija għal operazzjoni tal-katarretti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal operazzjoni tal-kataretti huwa madwar erbgħa xhur. Tajjeb li nfakkru illi sa ftit tas-snin ilu, taħt amministrazzjoni nazzjonalista ż-żmien ta’ stennija kien tlett snin. Din hija prova ċara ta’ kemm dan il-gvern joffri stabbilita’ u effiċjenza lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Total hip replacement – żmien attwali ta’ stennija
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu ż-żmien attwali ta’ stennija għat-total hip replacement?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal operazzjoni tat-total hip replacement huwa madwar 8 xhur. Tajjeb li ngħid illi sa ftit tas-snin ilu kien hemm pazjenti li kien ilhom sa 18-il-sena jistennew għal hip replacement.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma totali li tħallset f'pagi u spejjeż relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime etc) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għas-sena 2016? Għall-istess sena kemm kienet is-somma totali li tħallset lill-kuntratturi privati talli pprovdew ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema u professjonisti li jaħdmu fl-isptar Ġenerali t' Għawdex huma fuq il-payroll tal-Gvern.
Peress li ggradwaw grupp ġdid ta’ studenti li jispeċjalizza fil-fisjoterapija u peress li s-sejħa tas-sena l-oħra għadha ma għalqietx, jista’ l-Ministru jgħid hux se jiddaħħlu aktar fisjoterapisti li kienu applikaw xhur ilu iżda għadhom ma ssejħux, qabel ma tagħlaq din is-sejħa? Meta għandha tiftaħ sejħa oħra għal aktar fisjoterapisti? Skont il-projections tal-HR, kemm hemm fisjoterapisti nieqsa fis-servizz tas-Saħħa Pubblika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din is-sena, sad-9 t’ Ottubru ġew ingaġġati 13-il fiżjoterapista ġodda jaħdmu mad-dipartiment tas-Saħħa wara sejħa pubblika. Meta r-riżultat imsemmi jiġi eżawrit hemm l-intenzjoni li tinħareġ sejħa oħra, dejjem skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid dettaljatament fejn waslu l-proċeduri legali li l-Gvern Malti fetaħ kontra l-Kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jqiegħed fuq il-Mejda d-dokumenti tal-kawża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nfetħu proċeduri ta’arbitraġġ kontra l-kumpanija msemmija minnu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx persons of trust fl-isptarijiet ta’ Malta? Jekk iva, min huma? Jista’ jgħid x’irwol għandhom u lil min jirrapportaw?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 7 impjegati illi jaħdmu fl-isptarijiet bħala persons of trust. 4 minn dawn jaħdmu fl-isptar Mater Dei u 3 fl-isptar Monte Carmeli.
Persuni fi spartijiet — Użu rikreattiv tal-kannabis
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew admitted persuni fi sptarijiet jew reparti ta’ kura mentali għall-kumplikazzjonijiet psikoloġiċi li huma maħsuba li kienu relatati mal-użu rikreattiv tal-kannabis minn għaxar snin ‘l hawn, sena b’sena sal-aħħar records?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa — sponsorships
Question
B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 84, nixtieq nippreċiża li qiegħed nirreferi għal kull tip ta' sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f'għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b'xejn. Jista’ d-Deputat Prim Ministru f'kull każ jgħid taħt liema skema ingħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f'kull każ l-isponsorship?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda tip ta’ sponsorship kemm mill-Ministeru għas-Saħħa kif ukoll mid-dipartimenti jew entitajiet tiegħu, fil-perjodu imsemmi minnu.
Servizz ta’ Hormonal Induction – għoti ta' mediċini b’xejn
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkonsidra li jagħti l-mediċini b'xejn li jintużaw fis-servizz tal-hormonal induction lill-koppji li jkunu ntgħażlu għall-IVF? Jekk iva, meta beħsiebu li jwaqqaf dan is-servizz? Il-Health Care Benefits Advisory Committee kif inhi stabbilita fil-Health Act, qatt stħarrġet din il-proposta? Kemm hi l-ispiża ta' din il-mediċina għal kull koppja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din ir-rikjesta se tkun qed tiġi diskussa fiż-żmien li ġej.
Infertility Clinic u Ċentru tas-Servizz ta' IVF bħala parti mill-Mother and Child Hospital
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-Infertility Clinic u ċ-ċentru tas-servizz tal-IVF jitqiesux bħala parti mill-proġett ta' Mother and Child Hospital? Jekk iva, dan ifisser li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tas-servizz li jingħata bħala PPP se jinbidlu meta jsir il-migration tal-kura tal-Mother and Child għal-lok il-ġdid fl-Isptar Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-PPP m’għandhomx ikunu affettwati jekk ikun se ssir migrazzjoni għaliex skont klawsola fl-imsemmi kuntratt, huwa il-Ministeru għas-Saħħa li jagħti struzzjonijiet minn fejn l-klinika tal-Infertilità tkun tista’ topera.
Fid-dawl li fl-2013 ġie ppubblikat l-Att dwar is-Saħħa u l-Council of Health hi entità li tagħti pariri lill-Ministru, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Council of Health fl-2016 u fl-ewwel sitt xhur tal-2017? X' kienu s-suġġetti li ġew diskussi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għadhom kif ġew maħtura membri ġodda fi ħdan il-kunsill imsemmi minnu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei hux immexxi bħala PPP u jekk hu hekk, meta jiskadi dan il-kuntratt? Kemm kien in-numru ta' dawk il-koppji li użaw is-servizz privat fl-Isptar Mater Dei ta' din il-kumpanija li tmexxi dan il-PPP, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017 u fis-sena 2016? Kemm hu l-ħlas ta' kull intervent ta' tieni stadju ta' IVF li l-Gvern jagħti lill-kumpanija privata meta jgħaddi pazjenti li huma ssusidjati mis-servizz tas-saħħa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-IVF huwa offrut fuq bażi ta’ PPP skont it-tender li kienet nħarġet fl-2014 meta l-istess Onorevoli Interpellant kien Ministru għas-Saħħa.
Il-Kuntratt tas-
Service Provider
eżistenti jiskadi f'Jannar tal-2019. Ninfurmah ukoll li ma saru l-ebda nterventi privati fl-2016 u lanqas fl-2017 għaliex iċ-ċikli kollha li saru kienu ssussidjati mill-Gvern.
Il-ħlas għat-tieni stadju taċ-ċiklu għal pazjenti ssussidjati mill-Gvern qed isir skont il-Bill of Quantities fil-kuntratt iffirmat bejn is-Service Provider u d-Dipartiment tal-Kuntratti.
Għajnuna lil persuni li jbatu mill-kundizzjoni Dysautonomia
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kif ukoll jara x’azzjoni jista’ jieħu biex persuni bil-kundizzjoni ta’ dysautonomia jingħataw għajnuna?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li studenti li rċevew iċ-ċirkulari li qed tintbagħat separatament, baqgħu bla ma tħallsu kif kien dovut?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara diskussjonijiet bejn l-Università ta’ Malta u d-Dipartimenti tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni, il-ħlas tal-placement ta' Ġunju se jiġi effettwat.