Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi elettriċi – Applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jitħallsu r-rifużjoni tax-xiri ta’ karozzi elettriċi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tinghata f seduta oħra.

Persuni b’diżabiltà – Permessi għall-parking

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11980, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u jgħid x’kien in-numru ta’ permessi għall-parking għal persuni b’diżabilità quddiem djar residenzjali sena b’sena, fl-aħħar għaxar snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni li għandha Transport Malta tkopri numru ta’ permessi għall-parking għal persuni b’diżabilità f'diversi toroq u pjazez mal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iktar speċifiku x’jrid ifisser b’permerssi għall-parking għal persuni b’diżabilità quddiem djar residenzjali.

Naxxar u Mosta – Xogħlijiet – Traffic Management

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta’ Traffic Management marbut max-xogħlijiet li se jkunu qed isiru fit-toroq tan-Naxxar u l-Mosta minħabba d-distribuzzjoni tal-elettriku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi għax-xogħlijiet relatati mad-distribuzzjoni tal-Enemalta ħarġu bil-kundizzjonijiet tat-Traffic Management Standard.

Naxxar — Triq Leli Falzon - Xogħlijiet - Dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex ix-xogħol fuq Triq Leli Falzon fin-Naxxar, immexxi minn Infrastructure Malta issa ilu għaddej għal aktar minn sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Leli Falzon fin-Naxxar kienu jinvolvu kordinazzjoni bejn diversi entitajiet, inkluż il-Kunsill Lokali li provda tibdil tad-disinn taż-żona msemmija; mal-Korpororazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, u l-Enemalta. Ix-xogħol inkluda tħaffir ta’ trinka u tibdil tal-main tad-drenaġġ u t-tappieri; trinek tas-servizzi tal-ilma fuq iż-żewġ naħat fil-konnessjonijiet għad-djar u tibdil ta’ bankini fuq żewġ naħat. Fuq talba tal-Kunsilli Lokali, sar tibdil fil-wesgħat tal-bankini, xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ servizzi relatati mad-dawl taż-zebra crossings u żoni ta’ planters bil-ħamrija għat-tħawwil propost.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time jew part-time mal-Ministeru tiegħu b’kuntratt jew bħala persons of trust jew advisers jew experts li għandhom: i. ’l fuq minn 65 sena; ii. ’l fuq minn 70 sena; u iii. ’l fuq minn 80 sena? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont l-etajiet indikati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Full-Time Part-Time ’l fuq minn 65 sena NIL NIL ’l fuq minn 70 sena 1 NIL ’l fuq minn 80 sena NIL NIL

Ħal Tarxien — Triq il-Kurunel Mas - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Kurunel Mas ġewwa Ħal Tarxien hijiex ser tiġi msewwija u magħmula lura f’kundizzjoni tajba billi hija triq frekwentata ħafna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq il-Kurunel Mass hija fost il-lista ta’ toroq li l-Kunsill Lokali ta’ Hal Tarxien ppropona lil Infrastructure Malta biex twettaq xogħlijiet fihom. Ix-xogħolijiet jikkonsisti f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa.

Ħal Tarxien – Triq id-Dejma — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena hijiex ser tkun lesta l-aħħar parti ta’ Triq id-Dejma Ħal Tarxien dik fid-direzzjoni tal-Fgura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta m’għandhiex ippjanat xogħlijiet infrastrutturali fl-immedjat fi Triq id-Dejma Ħal Tarxien.

Parkeġġ għall-persuni b’diżabilità – Applikazzjoni ta’ individwu

Question

Peress li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ilu disa’ xhur li applika għall-parkeġġ għall-persuni b’diżabilità, jista’ l-Ministru jara fiex waslet din l-applikazzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li għaddejjin diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Aġenzija Sapport sabiex ikunu aġġornati l-policies dwar il-kriterji li għandhom jitqiesu biex persuna jkollha parkeġġ riservat personalizzat, l-applikazzjonijiet ser ikunu qedin jiġu ikkunsidrati abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet.

Transport Malta — Kuntratti ta' karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratti ta' karozzi tal-kiri għandha fis-seħħ Transport Malta, u f'kull każ jgħid jekk il-kuntratt ingħatax b'tender, direct order, jew talba għal kwotazzjonijiet? Jista' f'kull każ jgħid ukoll meta beda dan il-kuntratt u meta jiskadi? Jista' f'kull każ jgħid ukoll għal kemm-il karozza hu l-kuntratt u kemm jiswa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura — Avviż lill-Baħħara numru 215

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qiegħed jerġa' jitħalla sajd bir-rixa fiż-żoni ta' konservazzjoni madwar il-baħar fejn hemm fdalijiet permezz tal-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023, maħruġ minn Transport Malta f'isem id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fl-1 ta' Diċembru 2023? Jista’ jgħid ukoll għaliex dan ġie mwaqqaf biss għal perjodu ta' ġimgħatejn, meta għaqdiet u skejjel tal-għaddasa ilhom jitolbu s-snin sabiex dawn il-prattiċi jiġu mwaqqfa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta — Triq Filippo Apap Bologna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq Filippo Apap Bologna ġewwa l-Mosta saret direzzjoni waħda meta qed ikun hemm konġestjoni ċara riżultat tal-karreġġjata għar-roti tal-Pont tal-Mosta li jinsab fejn qiegħed joħroġ miż-żona tal-Mosta għaż-żona tan-Naxxar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ix-Xgħajra — Triq Alof De Wignacourt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa effettivament sabiex issir Triq Alof De Wignacourt, fix-Xgħajra?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fi Triq Alof De Wignacourt kienet saret parti minn proġett ħolistiku, li jinkludi wkoll Triq Ħaż-Żabbar, fix-Xgħajra, liema proġett ġie jiswa b’kollox EUR536,782.54. Ix-xogħlijiet li saru jinkludu t-tqegħid ta’ servizzi tal-ilma tax-xorb, tad-drenaġġ, telkomunikazzjoni, tqegħid ta’ bankini u bini mill-ġdid tat-toroq.

Il-Belt Valletta – Lift pubbliku li mhux jaħdem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-lift pubbliku li hemm ħdejn City Gate ftit ’il bogħod mill-Parlament fil-Belt ilu xhur ma jaħdem u dan b’inkonvenjent għal diversi persuni?

Response (BONETT, CHRIS)

Jista’ l-Onor Interpellant ikun iktar speċifiku għal liem lift qed jirreferi.

Ħal Tarxien — Triq il-Witja - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Witja ġewwa Ħal Tarxien hijiex ser tiġi msewwija u magħmula lura f’kundizzjoni tajba billi hija triq frekwentata ħafna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Tlett Ibliet tal-Kottonera — Latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm latrini pubbliċi fit-Tlett Ibliet tal-Kottonera? Jista’ jgħid ukoll jekk qattx sar studju dwar il-bżonn ta’ aktar latrini pubbliċi marbut man-numru dejjem jiżdied ta’ turisti li jżuru l-Kottonera?

Response (BONETT, CHRIS)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Tarxien – Toroq skedati li jsiru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li huma skedati li jsiru ġewwa Ħal Tarxien din is-sena u fis-snin li ġejjin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta se tkun qed taħdem fuq numru ta’ toroq skont prioritajiet mgħotija lilha mill-kunsill rispettiv. F’kull każ, qabel jibda ix-xogħol, isir proċess ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet varji biex proposti tagħhom fejn jirrigwardja infrastruttura ta’ servizzi jiġu nklużi fil-proġett rispettiv. Infrastructure Malta twettaq dawn il-proposti kif mressqa mill-entitajiet kompetenti.

L-Imġarr — Triq Sir Temi Zammit - Petizzjoni MP-4 - Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16336 u jgħid kienx hemm xi risposti jew aġġornamenti għall-Petizzjoni MP-4 – Onor. Ian Vassallo – Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management aħjar fi Triq Sir Temi Żammit, l-Imġarr?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ din il-petizzjoni. Għaddejjin diskussjonijiet bejn Transport Malta u Infrastructure Malta sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà li s-sitwazzjoni tiġi mtejjba. Minn naħa ta’ Transport Malta, qed tinġabar ‘site data’ fir-rigward tad-dewmien fit-traffiku li qed jindikaw ir-residenti.

Toroq — Tenders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16274 u jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded fis-sena 2017 biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq, f’kemm minn dawn inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Marsaxlokk – Triq Axtart – Xogħlijiet

Question

Fid-dawl li Triq Axtart f'Marsaxlokk hija mimlija ħofor, b'ħafna mill-parkeġġ meħud minn inġenji pparkjati għal ġimgħat sħaħ (anke fi Triq Melqart li hi parallela magħha) bla użu u ħolqien ta' inkonvenjent kontinwu għar-residenti speċjalment meta tkun ix-xita għax jinġabar kwantità kbira ta’ ilma li mbagħad isir tajn, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħlijiet f’din l-istess triq waqfu ħesrem? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni meta x-xogħlijiet ser jitkomplew u meta finalment ser jitlestew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona għaddej xogħol minn Infrastructure Malta fejn ġew introdotti miżuri ta’ sigurta’ fit-toroq f’din iż-żona. Dan ix-xogħol se jinkludi wkoll interventi reparatorji fuq partijiet tat-triq fejn hemm bżonn. Ix-xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.